Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1002

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1002 tas-16 ta' Lulju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1153 biex il-proċedura ta' korrelazzjoni tiġi ċċarata u ssimplifikata u li jadattah għat-tibdil fir-Regolament (UE) 2017/1151 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/4352

    ĠU L 180, 17.7.2018, p. 10–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1002/oj

    17.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 180/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1002

    tas-16 ta' Lulju 2018

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1153 biex il-proċedura ta' korrelazzjoni tiġi ċċarata u ssimplifikata u li jadattah għat-tibdil fir-Regolament (UE) 2017/1151

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat Komunitarju biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 13(7) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Abbażi tal-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 (2) u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1153 (3), sar evidenti li ċerti elementi tar-Regolament tal-aħħar jenħtieġ li jiġu emendati.

    (2)

    Jeħtieġ li l-metodu eżistenti għad-definizzjoni tal-punti tat-tmiem tal-linja ta' interpolazzjoni li jintużaw biex jiġi kkalkolat il-valur tal-emissjoni ta' CO2 tal-NEDC ta' vettura individwali. Dawk il-punti tat-tmiem, li huma rrappreżentati minn vettura tat-test bl-ogħla valuri tal-emissjonijiet ta' CO2, u minn vettura tat-test bl-iktar valuri baxxi, jenħtieġ li jiġu ddefiniti sabiex id-differenza bejn l-ogħla valuri u l-iktar valuri baxxi taż-żewġ vetturi tat-test tkun ugwali għal jew ogħla minn 5 g CO2/km.

    (3)

    Sabiex jiġi evitat li l-valuri tal-emissjonijiet ta' CO2 ta' vetturi individwali jiġu stabbiliti abbażi ta' linji ta' interpolazzjoni li ma jipprovdux id-differenza minima, jixraq li din l-emenda tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

    (4)

    Fejn għall-iskop ta' approvazzjoni tat-tip skont ir-Regolament (UE) 2017/1151, jintużaw familji tal-matriċi tat-tagħbija fit-triq, jenħtieġ li l-kalkolu tal-valur tal-emissjonijiet ta' CO2 ta' vettura individwali li tappartjeni għal tali familja jiġi ssimplifikat billi l-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq li jridu jintużaw għall-kalkolu tal-valur ta' CO2 tal-NEDC jittieħdu mill-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq tal-vettura individwali kif stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2017/1151.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat output ta' korrelazzjoni li jkun sod, jixraq li jiġi miżjud l-għadd ta' ċilindri bħala input li jrid jiġi pprovdut għall-għodda ta' korrelazzjoni.

    (6)

    Jenħtieġ li tinħataf l-opportunità biex jiġu kkoreġuti xi żbalji editorjali fit-test.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1153 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Lulju 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1153 tat-2 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi metodoloġija biex jiġu determinati l-parametri ta' korrelazzjoni meħtieġa biex tiġi riflessa l-bidla fil-proċedura tat-test regolatorju u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1014/2010 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 679).


    ANNESS

    L-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1153 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    it-tielet paragrafu tal-punt 2.3.1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

     

    “MRO hija l-massa tal-vettura f'kundizzjoni li taħdem kif definita fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 għall-vetturi H, L u R rispettivament.”;

    (2)

    il-punt 2.3.8.1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.3.8.1.   Fil-każ ta' tagħbijiet fit-triq tad-WLTP li jiġu stabbiliti skont il-paragrafi 1-4 u 6 tas-Sottoanness 4 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151

    Il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq tal-NEDC għandhom jiġu kkalkolati skont il-formuli speċifikati fil-punt 2.3.8.1.1 (għall-vettura H) u fil-punt 2.3.8.1.2 (għall-vettura L) u fil-punti (a) u (b) li ġejjin.

    Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, il-formuli għandhom japplikaw kemm fil-każ tas-simulazzjonijiet kif ukoll fil-każ tat-testijiet fiżiċi tal-vetturi.

    L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip jew, fejn ikun applikabbli, is-servizz tekniku, għandhom jivverifikaw jekk il-faċilità tal-mina tar-riħ imsemmija fil-paragrafu 3.2.3.2.2.3 fis-Sottoanness 7 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151 hijiex ikkwalifikata biex tistabbilixxi b'mod akkurat il-valuri Δ(Cd × Af). Jekk il-faċilità tal-mina tar-riħ ma tkunx ikkwalifikata, l-ogħla valur ta' reżistenza ajrudinamika għandu japplika għall-vetturi kollha fil-familja.

    (a)

    Il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq tad-WLTP u l-valuri tal-massa tat-test imsemmija fil-formuli stabbiliti fil-punti 2.3.8.1.1 u 2.3.8.1.2 għandhom ikunu dawk li jirriżultaw mill-vetturi H u L kif stabbilit għall-familja tal-interpolazzjoni skont il-paragrafu 5 tas-Sottoanness 7 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151.

    (b)

    Minkejja l-punt (a), fejn id-domanda għall-enerġija taċ-ċiklu tal-vettura H u/jew L tad-WLTP ma tirriżultax fl-ogħla, jew rispettivament, fid-domanda l-iktar baxxa għall-enerġija taċ-ċiklu tal-vettura H u/jew L tal-NEDC, il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq tal-NEDC għandhom jiġu stabbiliti skont wieħed mill-punti li ġejjin:

    (i)

    abbażi tal-vettura individwali fil-familja tal-interpolazzjoni bl-ogħla, jew rispettivament, bl-inqas domanda għall-enerġija taċ-ċiklu tal-NEDC;

    (ii)

    abbażi tal-kombinazzjoni tal-ogħla, jew rispettivament, tal-inqas waħda mill-karatteristiki rilevanti tat-tagħbija fit-triq, jiġifieri r-reżistenza ajrudinamika, ir-reżistenza għad-dawrien u l-massa, meħuda minn kwalunkwe vettura individwali fil-familja tal-interpolazzjoni.

    L-għażla tal-proċedura stabbilita fil-punti (i) jew (ii) għandha ssir mill-manifattur.

    Il-punt (b) għandu japplika għal approvazzjonijiet tat-tip ġodda tal-emissjonijiet mogħtija mill-1 ta' Jannar 2019, jew minn data iktar kmieni fuq talba tal-manifattur.”

    (3)

    fil-punt 2.3.8.1.1, dan li ġej jiddaħħal bħala l-ewwel paragrafu:

    “Fejn din il-proċedura ta' kalkolu tintuża għal vettura individwali skont il-punt 4.2.1.4.2, it-tagħbija fit-triq tad-WLTP u l-massa tat-test li jikkorrispondu għall-vettura individwali tal-NEDC għandhom jintużaw bl-influwenza tat-tagħmir fakultattiv imneħħija.”

    (4)

    il-paragrafu finali tal-punt 2.3.8.1.1(c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Fejn il-fattur F*2w,H ikun il-koeffiċjent tat-tagħbija fit-triq F2 stabbilit għat-test tad-WLTP tal-vettura H li minnha tneħħa l-effett tat-tagħmir fakultattiv kollu.”;

    (5)

    il-paragrafu finali tal-punt 2.3.8.1.2(c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Fejn il-fattur F*2w,L ikun il-koeffiċjent tat-tagħbija fit-triq F2 stabbilit għat-test tad-WLTP tal-vettura L li minnha tneħħa l-effett tat-tagħmir fakultattiv kollu.”

    (6)

    il-punt 2.3.8.2.1(b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(b)   Il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq tal-NEDC fejn ma jintużawx valuri tal-NEDC tabulati

    Fil-każ ta' vetturi ddisinjati għal massa massima mgħobbija teknikament permissibbli ugwali għal jew ogħla minn 3 000 kg, il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq tal-NEDC jistgħu, fuq talba tal-manifattur, jiġu stabbiliti skont il-punt 2.3.8.1.”;

    (7)

    jiżdied il-punt 2.3.8.3 li ġej:

    “2.3.8.3.   L-estensjonijiet ta' approvazzjonijiet tal-emissjonijiet mogħtija skont ir-Regolament (UE) 2017/1151

    Fejn approvazzjoni tal-emissjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2017/1151 tiġi estiża minħabba ż-żieda ta' vetturi ġodda fil-familja tal-interpolazzjoni ta' CO2 b'emissjonijiet ta' CO2 tal-NEDC li jkunu ogħla minn dawk tal-vettura H jew inqas minn dawk tal-vettura L, għandhom japplikaw il-punti li ġejjin għall-iskop tal-korrelazzjoni:

    (a)

    Fejn id-differenza bejn il-vetturi H u L tal-NEDC tal-familja tal-interpolazzjoni kkonċernata tkun ugwali għal jew ogħla minn 5 g ta' CO2/km, il-linja ta' interpolazzjoni tal-NEDC stabbilita għal dik il-familja tista' tiġi estiża, diment li l-emissjonijiet ta' CO2 tal-NEDC stabbiliti skont il-punt 3 ta' dan l-Anness abbażi ta' data tal-input meħuda mit-test tad-WLTP imsemmi fil-punt 3.1.1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1151, ikunu ugwali għal jew inqas mill-emissjonijiet ta' CO2 stabbiliti abbażi tal-linja ta' interpolazzjoni tal-NEDC;

    (b)

    Fejn id-differenza bejn il-vetturi H u L tal-NEDC tkun inqas minn 5 g ta' CO2/km, il-linja ta' interpolazzjoni ma tistax tiġi estiża.

    Fil-każ (a), l-emissjonijiet ta' referenza ta' CO2 għandhom jiġu stabbiliti mingħajr l-għażla msemmija fil-punti 3.1.1.2 u 3.2.6 ta' dan l-Anness.

    Fil-każ (b), jew fil-każ li l-emissjonijiet ta' referenza ta' CO2 imsemmija fil-punt (a) ikunu ogħla mil-linja ta' interpolazzjoni eżistenti, il-vetturi H u L tal-NEDC għandhom jiġu stabbiliti skont il-punti 2 u 3 ta' dan l-Anness.

    Il-punt (a) għandu japplika fir-rigward ta' estensjonijiet għal tipi ġodda mogħtija mill-1 ta' Jannar 2019, jew minn data iktar kmieni fuq talba tal-manifattur.”

    (8)

    it-Tabella 1 tal-punt 2.4 hija emendata kif ġej:

    (a)

    fl-entrata 66, it-test tal-ewwel kolonna huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “In-numru tal-identifikazzjoni tal-familja tal-interpolazzjoni”

    (b)

    tiżdied l-entrata 68 li ġejja:

    “68

    Numru ta' ċilindri

    Id-dikjarazzjoni tal-manifattur

    Numru (Irid jiġi pprovdut sa mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 2019)

    (9)

    fil-punt 3.1.1.1(c), il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(i)

    in-numru tal-identifikazzjoni tal-familja tal-interpolazzjoni”

    (10)

    il-punt 3.3.4 għandu jitħassar;

    (11)

    il-punt 4.2.1.4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.2.1.4.   Il-kalkolu tat-tagħbija fit-triq għal vettura individwali f'familja ta' interpolazzjoni tad-WLTP

    4.2.1.4.1.   Il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq derivati mill-vetturi H u L tal-NEDC

    Il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq F0,n, F1,n u F2,n għall-vetturi H u L stabbiliti skont il-punt 2.3.8 jissejħu F0n,H, F1n,H u F2n,H u F0n,L, F1n,L u F2n,L rispettivament.

    Il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq f0n,ind, f1n,ind u f2n,ind għal vettura individwali għandhom jiġu kkalkolati skont il-formula li ġejja:

    Formula 1(a)

    Formula

    Għal approvazzjonijiet tat-tip ġodda tal-emissjonijiet mogħtija mill-1 ta' Jannar 2019, jew qabel dik id-data, fuq talba tal-manifattur, il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq għandhom jiġu kkalkolati skont il-formula li ġejja:

    Formula 1(b)

    Formula

    Or, if (TMn,H · RRn,H – TMn,L · RRn,L ) = 0, or, where applicable, (RMn,H · RRn,H – RMn,L · RRn,L ) = 0, Formula 2 shall apply:

    Formula 2

    f 0 n,ind = F 0 n,H – ΔF 0 n

    f 1 n,ind = F 1 n,H

    Formula

    or, if Δ[Cd × Af]LH,n = 0, Formula 3 shall apply:

    Formula 3

    f 2 n,ind = F 2 n,H – ΔF 2 n

    where:

    ΔF 0,n = F 0n,H – F 0 n,L

    ΔF 2,n = F 2n,H – F 2 n,L

    4.2.1.4.2.   Il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq derivati mill-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq tad-WLTP ta' vetturi individwali

    Mill-1 ta' Jannar 2019 għall-approvazzjonijiet tat-tip ġodda, u mill-1 ta' Jannar 2020 għall-vetturi ġodda kollha mdaħħla fis-servizz, jew qabel dawk id-dati fuq talba tal-manifattur, it-tagħbijiet fit-triq tal-NEDC għal vettura individwali għandhom jiġu derivati mill-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq tad-WLTP ta' dik il-vettura fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    (a)

    jekk il-valur tal-emissjonijiet ta' CO2, id-domanda għall-enerġija taċ-ċiklu, jew kwalunkwe wieħed mill-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq f0, f1 jew f2 ikkalkolati skont il-punt 4.2.1.4.1, iridu jiġu estrapolati mill-vettura H jew L tal-NEDC;

    (b)

    jekk il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq għall-vetturi H u L tal-NEDC ikunu derivati minn familji differenti tat-tagħbija fit-triq;

    (c)

    jekk il-vettura individwali tkun parti minn familja tat-tagħbija fit-triq li tkun differenti mill-familja tat-tagħbija fit-triq tal-vettura H u/jew L tal-NEDC;

    (d)

    jekk il-vettura individwali tkun parti minn familja tal-matriċi tat-tagħbija fit-triq.

    Il-koeffiċjenti tat-tagħbija fit-triq tal-NEDC għandhom, fil-każijiet (a) sa (d), jiġu kkalkolati skont il-formuli stabbiliti fil-punt 2.3.8.1.1, fejn ir-referenzi għall-vettura H għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-vettura individwali.

    Fil-każ (a), l-estrapolazzjoni ta' CO2 tista' ssir biss jekk id-differenza bejn il-vetturi H u L tal-NEDC tkun ugwali għal jew ogħla minn 5 g ta' CO2/km. F'dak il-każ, il-linja ta' interpolazzjoni tista' tiġi estrapolata b'massimu ta' 3 g ta' CO2/km 'il fuq mill-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura H, jew inqas mill-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura L. Jekk l-estrapolazzjoni taqbeż 3 g ta' CO2/km, jew id-differenza bejn il-vettura H u L tal-NEDC tkun inqas minn 5 g ta' CO2/km, il-manifattur għandu jistabbilixxi linja ta' interpolazzjoni ġdida għal dik il-familja tal-interpolazzjoni skont il-punti 2 u 3 ta' dan l-Anness.”

    (12)

    il-punt 4.2.1.4a. jitħassar.


    Top