Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1001

Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1001 tas-16 ta' Lulju 2018 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Maldivi

ST/10267/2018/INIT

ĠU L 180, 17.7.2018, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/06/2019; Imħassar b' 32019R0985

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1001/oj

17.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/1001

tas-16 ta' Lulju 2018

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Maldivi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1006 tas-16 ta' Lulju 2018 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Maldivi (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Lulju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Maldivi (“il-Maldivi”). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tipprovdi, inter alia, għall-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni, entitajiet jew korpi responsabbli li jdgħajfu l-istat tad-dritt jew jostakolaw it-tiftix ta' soluzzjoni politika inklużiva fil-Maldivi, kif ukoll persuni u entitajiet responsabbli għal ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldivi. Dawk il-persuni, entitajiet u korpi huma elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1006.

(2)

Hemm bżonn ta' aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex tiġi implimentata d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1006.

(3)

Jenħtieġ li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jagħmlu proposta għal Regolament dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Maldivi.

(4)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u notevolment id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet.

(5)

Jenħtieġ li s-setgħa sabiex tiġi stabbilita u emendata l-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament tiġi eżerċitata mill-Kunsill sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-istabbiliment, l-emendar u r-reviżjoni tal-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1006.

(6)

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tkun żgurata ċertezza legali massima fl-Unjoni, huwa tassattiv li jiġu ppubblikati l-ismijiet u data oħra rilevanti li jikkonċernaw lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom ikollhom jiġu ffriżati f'konformità ma' dan ir-Regolament. Kull ipproċessar ta' data personali għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 (2) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(7)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament u dwar informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament.

(8)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk is-sanzjonijiet jenħtieġ li jkunu effettivi, proprozjonati u dissważivi.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan għandu jidħol fis-seħħ minnufih mal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin.

(a)

“pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, taħt, jew b'rabta ma', kuntratt jew tranżazzjoni, u tinkludi b'mod partikolari:

(i)

pretensjoni għall-prestazzjoni ta' kwalunkwe obbligu li jirriżulta taħt, jew b'rabta ma', kuntratt jew tranżazzjoni;

(ii)

pretensjoni għall-estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta' kwalunkwe forma;

(iii)

pretensjoni għal kumpens fir-rigward ta' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

kontropretensjoni;

(v)

pretensjoni għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż permezz tal-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, deċiżjoni arbitrali jew deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn issir jew fejn tingħata;

(b)

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni irrispettivament mill-forma li fiha tkun u irrispettivament mil-liġi applikabbli, kemm jekk tikkonsisti f'kuntratt wieħed jew aktar jew f'obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennità, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li tirriżulta taħt, jew b'rabta ma', it-tranżazzjoni;

(c)

“awtoritajiet kompetenti” tirriferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fis-siti web elenkati fl-Anness II;

(d)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kull tip, kemm jekk tanġibbli kif ukoll jekk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li ma jkunux fondi, iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(e)

“iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta' fondi, oġġetti jew servizzi b'kull mod, inkluż, iżda mhux limitat, bil-bejgħ, kiri jew ipotekar tagħhom;

(f)

“iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kwalunkwe spostament, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', aċċess għal, jew trattar ta' fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, ammont, post, sjieda, pussess, karattru, destinazzjoni tagħhom jew tibdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluża l-ġestjoni ta' portafolli;

(g)

“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta' kull tip, inklużi, iżda mhux limitati għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta' pagament;

(ii)

depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii)

titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stocks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, notes, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

(iv)

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi, jew il-valur provenjenti minn, jew iġġenerat permezz ta', assi;

(v)

kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, bonds ta' eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta' kreditu, poloz ta' kargu, poloz ta' bejgħ; u

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(h)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà, jew fil-pussess jew taħt il-kontroll ta', kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kif elenkati fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-beneficċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I.

3.   L-Anness I jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1006, ikunu ġew identifikati mill-Kunsill bħala:

(a)

li jdgħajfu l-istat tad-dritt jew jostakolaw it-tiftix ta' soluzzjoni politika inklużiva fil-Maldivi, inkluż b'atti ta' vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza;

(b)

involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem; u

(c)

assoċjati mal-persuni, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a) u (b).

Artikolu 3

1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt il-kondizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi elenkati fl-Anness I u tal-membri tal-familja dipendenti ta' tali persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, premiums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom hi tikkunsidra li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

ser jitħallsu fi, jew minn, kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet f'konformità mal-liġi internazzjonali, sa fejn tali ħlasijiet jkunu maħsubin biex jintużaw għal skopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 4

1.   B'deroga mill-Artikolu 2(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, sakemm jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu suġġetti għal deċiżjoni arbitrarja mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 2 ikunu ġew elenkati fl-Anness I, jew is-suġġett ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 5

1.   B'deroga mill-Artikolu 2(1) u dment li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut taħt kuntratt jew ftehim li kien ġie konkluż minn, jew skont obbligu li rriżulta għal, il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati qabel id-data li fiha dik il-persuna fiżika jew ġuridika, dik l-entità jew dak il-korp iddaħħlu fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri, jistgħu jawtorizzaw, taħt tali kondizzjonijiet li huma jqisu adatti, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew ta' riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(b)

il-pagament ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 2(2);

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 6

1.   L-Artikolu 2(2) ma għandux jipprevjeni l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, dment li kull żieda f'tali kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti dwar kwalunkwe tali tranżazzjoni mingħajr dewmien.

2.   L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fl-Artikolu 2 jkunu ġew inklużi fl-Anness I; jew

(c)

pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fl-Unjoni jew li jkunu eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 7

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi għandhom:

(a)

jipprovdu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħal informazzjoni fuq kontijiet u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u għandhom jittrażmettu tali informazzjoni, direttament jew permezz l-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika ta' din l-informazzjoni.

2.   Kull informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f'konformità ma' dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ngħatat jew ġiet riċevuta.

Artikolu 8

Il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u bi ħsieb, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevadu l-miżuri msemmija fl-Artiklu 2 hija pprojbita.

Artikolu 9

1.   L-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li jsiru disponibbli tali fondi jew riżorsi ekonomiċi, eżegwiti bona fide abbażi li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandhomx jirriżultaw f'xi responsabbiltà ta' kwalunkwe tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jimplimentawhom, jew tad-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

2.   Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu l-ebda tip ta' responsabbiltà min-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 10

1.   Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-adempiment tagħhom ġie affettwat, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti taħt dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kull pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati li jkunu elenkati fl-Anness I;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta', jew f'isem, waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a).

2.   Fi kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta' pretensjoni, l-oneru tal-prova li l-adempiment tal-pretensjoni mhuwiex ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta' dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tan-nonadempiment ta' obbligi kuntrattwali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament u għandhom jikkondividu kull informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni:

(a)

dwar fondi ffriżati taħt l-Artikolu 2 u awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt l-Artikoli 3, 4 u 5;

(b)

fir-rigward ta' ksur u ta' problemi li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni b'kull informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista' taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissuġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jemenda l-Anness I kif meħtieġ.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li bihom jipprovdi lil tali persuna, entità jew korp b'opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp konċernati skont il-każ.

4.   Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

5.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 13

1.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkonċernati.

2.   L-Anness I għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 14

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 15

1.   Il-Kummissjoni għandha tipproċessa data personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha taħt dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a)

l-inseriment tal-kontenut tal-Anness I fil-“Lista kkonsolidata ta' persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-UE” u fil-Mappa interattiva ta' Sanzjonijiet mill-UE, li huma t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

(b)

l-ipproċessar ta' informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta' dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, is-servizz tal-Kummissjoni elenkat fl-Anness II huwa nominat bħala “kontrollur” għall-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 16

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fis-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kull emenda sussegwenti.

3.   Fejn dan ir-Regolament jistipula obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li ssir xi komunikazzjoni magħha b'xi mod ieħor, l-indirizz u d-dettalji l-oħra ta' kuntatt li għandhom jintużaw għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c)

għal kull persuna fiżika ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

(d)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta' Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe negozju li jsir, kollu kemm hu jew parti minnu, fl-Unjoni.

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Ara paġna 24 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS I

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2

[…]


ANNESS II

SITI WEB B'INFORMAZZJONI DWAR L-AWTORITAJIET KOMPETENTI U L-INDIRIZZ GĦAN-NOTIFIKI LILL-KUMMISSJONI

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/nl/Beleid/beleidsthemas/vrede_en_veiligheid/sancties

https://diplomatie.belgium.be/fr/politique/themes_politiques/paix_et_securite/sanctions

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/en/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

L-ITALJA

https://www.esteri.it/mae/it/politica_estera/politica_europea/misure_deroghe

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/mfa/mfa2016.nsf/mfa35_en/mfa35_en?OpenDocument

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/mesures-restrictives.html

L-UNGERIJA

http://www.kormany.hu/download/9/2a/f0000/EU%20szankci%C3%B3s%20t%C3%A1j%C3%A9koztat%C3%B3_20170214_final.pdf

MALTA Tel.

https://www.gov.mt/en/Government/Government%20of%20Malta/Ministries%20and%20Entities/Officially%20Appointed%20Bodies/Pages/Boards/Sanctions-Monitoring-Board-.aspx

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/ministerios/mne/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548IS

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-IŻVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 07/99

B-1049 Brussels, Belgium

E-mail: relex-sanctions@ec.europa.eu


Top