Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0990

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/990 tal-10 ta' April 2018 li jemenda u jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet u l-karti kummerċjali garantiti b'assi (ABCPs) sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS), ir-rekwiżiti għall-assi riċevuti bħala parti minn ftehimiet ta' retroriakkwist u l-metodoloġiji ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/2080

    ĠU L 177, 13.7.2018, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 12/09/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/990/oj

    13.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 177/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/990

    tal-10 ta' April 2018

    li jemenda u jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet u l-karti kummerċjali garantiti b'assi (ABCPs) sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS), ir-rekwiżiti għall-assi riċevuti bħala parti minn ftehimiet ta' retroriakkwist u l-metodoloġiji ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(4), 15(7) u 22 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2017/1131 jippermetti lill-MMFs jinvestu f'titolizzazzjonijiet jew karti kummerċjali garantiti b'assi (ABCPs). Teżisti inċentiva speċifika għal investiment f'titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) jew ABCPs. Peress li r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) diġà jinkludi rekwiżiti għat-titolizzazzjonijiet u l-ABCPs sempliċi trasparenti u standardizzati (STS), hemm bżonn li r-Regolament (UE) 2017/1131 jiġi emendat biex issir kontroreferenza għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/2402 li fihom dawn ir-rekwiżiti.

    (2)

    Il-ftehimiet ta' retroriakkwist jippermettu lill-MMFs jimplimentaw l-istrateġija ta' investiment u jilħqu l-objettivi tagħha skont it-termini tar-Regolament (UE) 2017/1131. Dak ir-Regolament jirrikjedi li l-kontroparti ta' ftehim ta' retroriakkwist ikollha affidabbiltà tal-kreditu u li l-assi riċevuti bħala kollateral ikollhom likwidità u kwalità suffiċjenti biex jippermettu lill-MMFs jiksbu l-objettivi tagħhom u jissodisfaw l-obbligi tagħhom, f'każ li tali assi jkollhom bżonn jiġu likwidati. Il-ftehimiet standard użati għall-ftehimiet ta' retroriakkwist jistgħu jikkontribwixxu għall-għan tal-ġestjoni tar-riskju tal-kontroparti. Madankollu, ċerti klawsoli jistgħu jagħmlu l-assi sottostanti ta' ftehimiet ta' retroriakkwist mhux disponibbli għal maniġers ta' MMFs u b'hekk illikwidi. Għalhekk, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-assi jkunu disponibbli għal maniġers tal-MMFs f'każ ta' inadempjenza jew f'każ ta' terminazzjoni bikrija ta' ftehimiet ta' retroriakkwist, u li l-kontroparti ma tillimitax il-bejgħ tal-assi billi tirrikjedi avviż jew approvazzjoni minn qabel.

    (3)

    Jenħtieġ li l-maniġers ta' MMFs ma jkunux obbligati japplikaw aġġustament speċifiku għall-valur ta' assi (telf impost) jekk il-kontroparti ta' ftehim ta' retroriakkwist tkun soġġetta għal regoli prudenzjali skont il-liġi tal-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-kollateral ipprovdut skont ftehim ta' retroriakkwist ikun ta' kwalità għolja, il-maniġers ta' MMFs għandhom japplikaw rekwiżiti addizzjonali meta l-kontroparti ta' ftehim ma tkunx regolata skont il-liġi tal-Unjoni jew ma tkunx rikonoxxuta bħala ekwivalenti. Sabiex tiġi żgurata konsistenza fil-liġi tal-Unjoni, ir-rekwiżiti minimi għal telf impost jenħtieġ li jkunu l-istess bħar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (4)

    Jenħtieġ li l-maniġers ta' MMFs ikunu jistgħu japplikaw telf impost aktar għoli mill-ammont minimu stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 meta jqisu li jkun meħtieġ biex jiġi żgurat li l-kollateral riċevut bħala parti minn ftehim ta' retroriakkwist ikun likwidu biżżejjed, jekk il-kondizzjonijiet tas-suq jesiġu dan. Jenħtieġ ukoll li huma jimmonitorjaw u jirrevedu l-ammont ta' telf impost mitlub sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta' likwidità, b'mod partikolari meta l-ammont ta' telf impost stipulat fl-Artikolu 224(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi rivedut, jew il-maturità residwa tal-assi jew fatturi oħra relatati mal-vijabbiltà tal-kontroparti jkunu nbidlu.

    (5)

    Il-metodoloġiji ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu msemmija fl-Artikolu 19(3) jenħtieġ li jkunu prudenti biżżejjed biex jiġi żgurat li l-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi li jappoġġaw valutazzjonijiet tal-kwalità tal-kreditu jkunu affidabbli u xierqa biex jivvalutaw b'mod xieraq il-kwalità tal-kreditu ta' strumenti eliġibbli għall-investiment. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-fatturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi li l-maniġers tal-MMFs jieħdu f'kunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu jkunu rilevanti għad-determinazzjoni tal-kwalità tal-kreditu ta' emittent jew ta' strument eliġibbli għall-investiment.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti li l-maniġers tal-MMFs bi ħsiebhom jinvestu fihom ikunu ta' kwalità suffiċjenti, jenħtieġ li l-maniġers tal-MMFs iwettqu valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu kull darba li bi ħsiebhom jagħmlu investiment. Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tar-rekwiżit fir-Regolament (UE) 2017/1131 li l-maniġers tal-MMFs jinvestu biss fi strumenti li jkunu rċevew valutazzjoni favorevoli tal-kwalità tal-kreditu, jenħtieġ li l-maniġers ta' MMFs jistabbilixxu b'mod ċar, bħala parti mill-metodoloġija tal-kwalità tal-kreditu, il-kriterji għal valutazzjoni favorevoli ta' strumenti eliġibbli għal investiment MMF, qabel ma jwettqu l-valutazzjoni proprja tal-kwalità tal-kreditu.

    (7)

    Jenħtieġ li l-metodoloġija u l-kriterji użati għal valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu jkunu konsistenti, minbarra meta jkun hemm raġuni objettiva għaliex wieħed jitbiegħed mill-metodoloġija jew mill-kriterji. Jenħtieġ li l-kriterji u l-metodoloġija jiġu żviluppati għal użu rikorrenti, mhux biss għal każ partikolari f'mument speċifiku. L-użu konsistenti tal-kriterji u tal-metodoloġija għandu jagħmilha aktar faċli li wieħed jimmonitorja l-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu.

    (8)

    Sabiex tiġi żgurata l-kwantifikazzjoni korretta tar-riskju ta' kreditu tal-emittent, u r-riskju relattiv ta' inadempjenza tal-emittent u tal-istrument, kif meħtieġ skont l-Artikolu 20(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1131, jenħtieġ li l-maniġers tal-MMFs jużaw il-kriterji kwantitattivi rilevanti li huma disponibbli fis-suq. Madankollu, huma ma għandhomx jinżammu milli jużaw fatturi addizzjonali, jekk rilevanti.

    (9)

    Il-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tal-emittent hija waħda mill-valutazzjonijiet l-aktar importanti li jridu jitwettqu, peress li tipprovdi l-ewwel livell ta' garanzija tal-kwalità tal-assi. Safejn ikun possibbli, il-maniġers ta' MMFs, għalhekk, jenħtieġ li jqisu l-fatturi kollha li huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi rigward ir-riskju ta' kreditu għall-emittent ta' strument.

    (10)

    F'ċirkostanzi eċċezzjonali, b'mod partikolari taħt kundizzjonijiet ta' stress fis-suq, jenħtieġ li maniġers ta' MMFs ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment li jieħdu preċedenza fuq ir-riżultat ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu jekk tali deċiżjonijiet ta' investiment ikunu fl-interessi tal-investituri, sakemm dawk id-deċiżjonijiet ikunu ġustifikati u dokumenti kif suppost.

    (11)

    Peress li l-kwalità tal-istrumenti tista' tvarja matul iż-żmien, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu ma tkunx valutazzjoni ta' darba, iżda jenħtieġ li titwettaq kontinwament. Barra minn hekk, għandha tiġi riveduta, b'mod partikolari, meta jkun hemm bidla materjali, kif imsemmi fl-Artikolu 19(4)(d) tar-Regolament (UE) 2017/1131, fl-ambjent makroekonomiku jew mikroekonomiku li jista' jkollu impatt fuq il-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tal-istrument.

    (12)

    Jenħtieġ li l-maniġers tal-MMFs ma jiddependux mekkanikament b'mod eċċessiv fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni. Għalhekk, jenħtieġ li t-tnaqqis fil-grad tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett tal-klassifikazzjoni mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li jingħata lil emittent jew strument jiġi kkunsidrat bidla materjali biss jekk ikun ġie vvalutat u mwieżen ma' kriterji oħra. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-maniġers ikunu meħtieġa jwettqu l-valutazzjoni proprja tagħhom, anki meta jsir tnaqqis fil-grad.

    (13)

    Jenħtieġ li l-kollateral provvdut bħala parti minn ftehimiet ta' retroriakkwsit ikun ta' kwalità għolja u ma jurix korrelazzjoni kbira mal-prestazzjoni tal-kontroparti. Il-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tiegħu, għalhekk, jenħtieġ li tkun favorevoli. Peress li ma hemm ebda raġuni li ssir distinzjoni bejn il-valutazzjonijiet imwettqa minn maniġers tal-MMFs meta jinvestu direttament f'assi eliġibbli u l-valutazzjoni li jwettqu meta jirċievu assi bħala kollateral, il-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-istess kriterji fiż-żewġ każijiet.

    (14)

    Ir-Regolament (UE) 2017/1131 jagħti tliet setgħat lill-Kummissjoni biex tispeċifika u temenda ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti f'dak ir-Regolament. Dawn is-setgħat kollha għandhom l-għan li jiżguraw li l-MMFs jiġu investiti f'assi eliġibbli xierqa. Sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza ta' dawk ir-rekwiżiti u biex in-nies soġġetti għalihom jingħataw ħarsa ġenerali u punt ta' aċċess għliahom, jenħtieġ li dawk ir-rekwżiti jitqiegħdu f'regolament wieħed.

    (15)

    Jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament delegat tiġi allinjata mad-data ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1131 sabiex jiġi żgurat li r-regoli u r-rekwiżiti kollha jkunu japplikaw għall-MMFs mill-istess data. Id-data ta' applikazzjoni tad-dispożizzjoni emendatorja li tagħmel kontroreferenza għall-kriterji tat-titolizzazzjonijiet u l-ABCPs sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) għandha tkun l-istess bħad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2402,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU 1

    KRITERJI BIEX JISTABBILIXXU TITOLIZZAZZJONI JEW KARTA KUMMERĊJALI GGARANTITA B'ASSI (ABCP) SEMPLIĊI, TRASPARENTI U STANDARDIZZATA (STS)

    (L-Artikolu 15(7) tar-Regolament (UE) 2017/1131)

    Artikolu 1

    Emenda għar-Regolament (UE) 2017/1131

    Fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2017/1131, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

    “(c)

    Titolizzazzjoni (STS) sempliċi, trasparenti u standardizzata, kif determinata f'konformità mal-kriterji u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 20, 21 u 22 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jew ABCP STS, kif iddeterminata f'konformità mal-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 24, 25 u 26 ta' dak ir-Regolament.

    KAPITOLU 2

    REKWIŻITI KWANTITATTIVI U KWALITATTIVI TA' KWALITÀ TAL-KREDITU GĦALL-ASSI RIĊEVUTI BĦALA PARTI MINN FTEHIMIET TA' RETRORIAKKWIST

    (L-Artikolu 15(7) tar-Regolament (UE) 2017/1131)

    Artikolu 2

    Rekwiżiti kwantitattivi u kwalitattivi ta' likwidità għall-assi msemmija fl-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) 2017/1131.

    1.   Il-ftehimiet ta' retroriakkwist kif imsemmija fl-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) 2017/1131 għandhom jissodisfaw l-istandards tas-suq stabbiliti u t-termini u l-kundizzjonijiet għandhom jippermettu lill-maniġers tal-MMFs jinfurzaw id-drittijiet tagħhom bis-sħiħ f'każ ta' inadempjenza tal-kontroparti ta' tali ftehimiet, jew it-terminazzjoni bikrija tagħhom u jagħtu lill-maniġers tal-MMFs id-dritt mhux ristrett li jbigħu kwalunkwe assi riċevut bħala kollateral,

    2.   L-assi imsemmija fl-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) 2017/1131 għandhom ikunu soġġetti għal telf impost, li jkun daqs iċ-ċifri tal-aġġustamenti għall-volatilità imsemmija fit-tabelli 1 u 2 tal-Artikolu 224(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal maturità residwa partikolari, li jikkorrispondu għal perijodu ta' likwidazzjoni ta' ħamest (5) ijiem u għall-ogħla valutazzjoni f'termini ta' skala tal-kwalità tal-kreditu.

    3.   Meta jkun meħtieġ, il-maniġers ta' MMFs għandhom japplikaw telf impost addizzjonali għal dak imsemmi fil-paragrafu 2. Sabiex jiġi vvalutat jekk huwiex meħtieġ telf impost addizzjonali, huma għandhom iqisu l-fatturi li ġejjin:

    (a)

    il-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tal-kontroparti tal-ftehim ta' retroriakkwist;

    (b)

    il-perijodu b'riskju ta' marġni, kif definit fl-Artikolu 272(9) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

    (c)

    il-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tal-emittenti jew tal-assi li jintuża bħala kollateral;

    (d)

    il-maturità residwa tal-assi użati bħala kollateral;

    (e)

    il-volatilità tal-prezz tal-assi li jintużaw bħala kollateral.

    4.   Għall-fini tal-paragrafu 3, il-maniġers tal-MMFs għandhom jimplimentaw politika ċara fir-rigward ta' kull telf impost li tkun adatta għal kull assi, kif imsemmi fl-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) 2017/1131, irċevut bħala kollateral. Din il-politika għandha tkun dokumentata u għandha tiġġustifika kull deċiżjoni biex jiġi applikat telf impost speċifiku għall-valur ta' assi.

    5.   Maniġers ta' MMFs għandhom jirrevedu regolarment it-telf impost imsemmi fil-paragrafu 2, filwaqt li jqisu l-bidliet fil-maturità residwa tal-assi użati bħala kollateral. Huma għandhom jirrevedu wkoll it-telf impost addizzjonali msemmi fil-paragrafu 3, kull meta l-fatturi imsemmija f'dak il-paragrafu jinbidlu.

    6.   Il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhomx japplikaw jekk il-kontroparti tal-ftehim ta' retroriakkwist tkun xi wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    istituzzjoni ta' kreditu sorveljata skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jew istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata f'pajjiż terz, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti superviżorji u regolatorji prudenzjali jkunu ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni;

    (b)

    ditta tal-investiment sorveljata skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jew ditta tal-investiment ta' pajjiż terz, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti superviżorji u regolatorji prudenzjali jkunu ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni;

    (c)

    impriża tal-assigurazzjoni sorveljata skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jew impriża tal-assigurazzjoni ta' pajjiż terz, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti superviżorji u regolatorji jkunu ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni;

    (d)

    kontroparti ċentrali awtorizzata skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

    (e)

    il-Bank Ċentrali Ewropew;

    (f)

    bank ċentrali nazzjonali;

    (g)

    bank ċentrali ta' pajjiż terz, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti superviżorji u regolatorji prudenzjali applikati f'dak il-pajjiż ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 114(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    KAPITOLU 3

    KRITERJI TAL-VALUTAZZJONI TAL-KWALITÀ TAL-KREDITU

    (L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2017/1131)

    Artikolu 3

    Kriterji għall-validazzjoni tal-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu imsemmija fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2017/1131

    1.   Il-maniġers tal-MMFs għandhom jivvalidaw il-metodoloġiji ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu imsemmija fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2017/1131 bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    il-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu jiġu applikati b'mod sistematiku fir-rigward tal-emittenti u l-istrumenti differenti;

    (b)

    il-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu jiġu appoġġati minn għadd suffiċjenti ta' kriterji kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti;

    (c)

    l-inputs kwalitattivi u kwantitattivi tal-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu ikunu affidabbli, bl-użu ta' kampjuni tad-dejta ta' daqs xieraq;

    (d)

    valutazzjonijiet interni tal-kwalità tal-kreditu tal-passat prodotti bl-użu tal-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu ġew rieżaminati b'mod xieraq mill-maniġers tal-MMFs inkwistjoni biex jiġi determinat jekk il-metodoloġiji ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu humiex indikatur xieraq tal-kwalità tal-kreditu;

    (e)

    il-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu ikunu jinkorporaw, għall-fini tal-iżvilupp u l-approvazzjoni tagħhom, kontrolli u proċessi li jippermettu verifika xierqa tagħhom;

    (f)

    il-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu jinkorporaw fatturi li maniġers tal-MMFs iqisu rilevanti biex jiddeterminaw il-kwalità tal-kreditu ta' emittent jew ta' strument;

    (g)

    il-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu japplikaw sistematikament is-suppożizzjonijiet ewlenin li huma l-bażi tal-kwalità tal-kreditu u l-kriterji li jappoġġawha biex jipproduċu l-valutazzjonijiet kollha tal-kwalità tal-kreditu, sakemm ma jkunx hemm raġuni oġġettiva biex dan ma jsirx;

    (h)

    il-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu ikunu jinkludu proċeduri biex jiġi żgurat li l-kriterji msemmija fil-punti (b), (c) u (g) li jappoġġaw il-fatturi rilevanti fil-metodoloġiji interni ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu jkunu ta' kwalità affidabbli u rilevanti għall-emittenti jew għall-istrument.

    2.   Bħala parti mill-proċess ta' validazzjoni tal-metodoloġiji interni ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu, il-maniġers tal-MMFs għandhom jivvalutaw is-sensittività tal-metodoloġiji għal bidliet f'xi wieħed mis-suppożizzjonijiet u mill-kriterji sottostanti tal-kwalità tal-kreditu.

    3.   Il-maniġers tal-MMFs għandu jkollhom proċessi fis-seħħ biex jiġi żgurat li kwalunkwe anomalija jew nuqqas enfasizzati mill-ittestjar retrospettiv imsemmi fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2017/1131 jiġu identifikati u indirizzati kif xieraq.

    4.   Il-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu msemmija fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2017/1131 għandhom:

    (a)

    jibqgħu jintużaw, sakemm ma jkunx hemm raġuni oġġettiva għaliex il-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu jkollhom jiġu mibdula jew imwaqqfa milli jintużaw;

    (b)

    ikunu jistgħu jinkorporaw minnufih kull riżultat tal-monitoraġġ kontinwu jew ta' rieżami, b'mod partikolari fejn bidliet fil-kundizzjonijiet strutturali makroekonomiċi jew fis-swieq finanzjarji jistgħu potenzjalment jaffettwaw valutazzjoni tal-kreditu prodotta bl-użu ta' dawk il-metodoloġiji ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu;

    (c)

    jippermettu li l-valutazzjonijiet interni tal-kwalità tal-kreditu jiġu mqabbla.

    5.   Il-metodoloġija ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu imsemmija fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2017/1131 għandha tittejjeb minnufih jekk xi rieżami, inkluża validazzjoni, turi li mhijiex adegwata biex tiżgura valutazzjoni sistematika tal-kwalità tal-kreditu.

    6.   Il-proċedura ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu għandha tispeċifika bil-quddiem is-sitwazzjonijiet meta l-valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu titqies favorevoli.

    Artikolu 4

    Kriterji għall-kwantifikazzjoni tar-riskju tal-kreditu, u r-riskju relattiv ta' inadempjenza tal-emittent u tal-istrument, kif imsemmija fl-Artikolu 20(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1131

    1.   Il-kriterji għall-kwantifikazzjoni tar-riskju ta' kreditu tal-emittent, u r-riskju relattiv ta' inadempjenza tal-emittent u tal-istrument, imsemmija fl-Artikolu 20(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1131 għandhom ikunu li ġejjin:

    (a)

    l-informazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-bonds, inklużi l-firxiet tal-kreditu u l-prezzijiet ta' strumenti bi dħul fiss komparabbli u titoli relatati;

    (b)

    il-prezzijiet ta' strumenti tas-suq monetarju relatati mal-emittent, l-istrument jew is-settur industrijali;

    (c)

    l-informazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezzijiet ta' swap ta' inadempjenza ta' kreditu, inkluż firxiet ta' swaps ta' inadempjenza ta' kreditu għal strumenti komparabbli;

    (d)

    statistika ta' inadempjenza rigward l-emittent, l-istrument jew is-settur tal-industrija;

    (e)

    l-indiċijiet finanzjarji relatati mal-lokazzjoni ġeografika, is-settur tal-industrija jew il-klassi tal-assi tal-emittent jew tal-istrument;

    (f)

    l-informazzjoni finanzjarja rigward l-emittent, inkluż il-proporzjonijiet ta' profittabilità, il-proporzjon ta' kopertura tal-imgħax, il-metrika tal-ingranaġġ finanzjarju u l-prezzijiet ta' ħruġ ġdid, inkluż l-eżistenza ta' titoli aktar subordinati.

    2.   Meta jkun meħtieġ u rilevanti, il-maniġers tal-MMF għandhom japplikaw kriterji addizzjonali ma' dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 5

    Kriterji għall-istabbiliment ta' indikaturi fir-rigward tal-emittent tal-istrument, imsemmija fl-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1131

    1.   Il-kriterji biex jiġu stabbiliti indikaturi kwalitattivi fir-rigward tal-emittent tal-istrument, imsemmija fl-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1131, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

    (a)

    analiżi ta' kwalunkwe assi sottostanti, li għall-esponiment għat-titolizzazzjoni għandu jinkludi r-riskju ta' kreditu tal-emittent u r-riskju ta' kreditu tal-assi sottostanti;

    (b)

    analiżi ta' kwalunkwe aspett strutturali tal-istrumenti rilevanti maħruġa mill-emittent, li f'każ ta' strumenti finanzjarji għandhom jinkludu analiżi tar-riskju inerenti operazzjonali u tal-kontroparti tal-istrument finanzjarju strutturat;

    (c)

    analiżi tas-suq/swieq rilevanti, inkluż il-volum u l-likwidità ta' dawn is-swieq;

    (d)

    analiżi sovrana, li tinkludi l-firxa tal-obbligazzjonijiet espliċiti u kontinġenti u d-daqs tar-riżervi tal-kambju meta mqabbla ma' obbligazzjonijiet tal-kambju;

    (e)

    analiżi tar-riskju ta' governanza rigward l-emittent, inklużi frodi, multi ta' kondotta, litigazzjoni, dikjarazzjonijiet mill-ġdid finanzjarji, oġġetti eċċezzjonali, fatturat tal-maniġment, konċentrazzjoni ta' min jissellef u kwalità tal-awditjar;

    (f)

    riċerka relatata mat-titoli dwar l-emittent jew is-settur tas-suq;

    (g)

    meta tkun rilevanti, analiżi tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jew prospettiva ta' klassifikazzjoni mogħtija lill-emittent ta' strument minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrata mal-ESMA u maħtura mill-maniġer tal-MMF, jekk tkun adatta għall-portafoll ta' investiment speċifiku tal-MMF.

    2.   Meta jkun meħtieġ u rilevanti, il-maniġers tal-MMFs għandhom japplikaw kriterji addizzjonali għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 6

    Kriterji għall-istabbiliment tal-indikaturi kwalitattivi tar-riskju tal-kreditu fir-rigward tal-emittent tal-istrument, kif imsemmija fl-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1131

    Safejn ikun possibbli, il-maniġers tal-MMF għandhom jivvalutaw il-kriterji kwalitattivi tar-riskju tal-kreditu li ġejjin għal emittent ta' strument:

    (a)

    is-sitwazzjoni finanzjarja tal-emittent, jew, fejn applikabbli, tal-garanti;

    (b)

    is-sorsi ta' likwidità tal-emittent, jew fejn applikabbli, tal-garanti;

    (c)

    l-abbiltà tal-emittent li jirreaġixxi għal avvenimenti fis-suq kollu jew speċifiċi għall-emittent, inkluż l-abbiltà li jħallas lura dejn f'sitwazzjoni negattiva ħafna;

    (d)

    kemm hija b'saħħitha l-industrija tal-emittent fl-ekonomija skont it-tendenzi ekonomiċi u l-pożizzjoni kompetittiva tal-emittent fl-industrija tiegħu.

    Artikolu 7

    Invalidazzjonijiet

    1.   Il-maniġers tal-MMF jistgħu jitbiegħdu mir-riżultat ta' metodoloġija ta' valutazzjonijiet interni tal-kwalità tal-kreditu biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali, inklużi kundizzjonijiet tas-suq stressati, u meta jkun hemm raġuni objettiva biex jagħmlu dan. Il-maniġers tal-MMFs li jitbiegħdu mill-output ta' metodoloġija ta' valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu għandhom jiddokumentaw din id-deċiżjoni.

    2.   Bħala parti mill-proċess ta' dokumentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-maniġers tal-MMFs għandhom jispeċifikaw il-persuna responsabbli mid-deċiżjoni, kif ukoll ir-raġuni objettiva għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni.

    Artikolu 8

    Bidla materjali kif imsemmija fl-Artikolu 19(4)(d) tar-Regolament (UE) 2017/1131

    1.   Se jkun hemm bidla materjali kif imsemmi fl-Artikolu 19(4)(d) tar-Regolament (UE) 2017/1131 kull meta:

    (a)

    jkun hemm bidla materjali fir-rigward ta' xi waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    l-informazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-bonds, inklużi firxiet tal-kreditu u l-prezzijiet ta' strumenti ta' dħul fiss komparabbli u titoli relatati;

    (ii)

    l-informazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-prezzijiet ta' swap ta' inadempjenza ta' kreditu, inklużi l-iswaps ta' inadempjenza ta' kreditu għal strumenti komparabbli;

    (iii)

    l-istatistika tal-inadempjenza relatata mal-emittent jew l-istrument;

    (iv)

    l-indiċijiet finanzjarji relatati mal-lokazzjoni ġeografika, is-settur tal-industrija jew il-klassi tal-assi tal-emittent jew tal-istrument;

    (v)

    l-analiżi tal-assi sottostanti, b'mod partikolari għal strumenti strutturati;

    (vi)

    l-analiżi tas-suq (swieq) rilevanti, inkluż il-volum u l-likwidità tagħhom;

    (vii)

    l-analiżi tal-aspetti strutturali tal-istrumenti rilevanti;

    (viii)

    ir-riċerka relatata mat-titoli;

    (ix)

    is-sitwazzjoni finanzjarja tal-emittent;

    (x)

    is-sorsi ta' likwidità tal-emittent;

    (xi)

    l-abbiltà tal-emittent li jirreaġixxi għal avvenimenti futuri fis-suq kollu jew speċifiċi għall-emittent, inkluż l-abbiltà li jħallas lura d-dejn f'sitwazzjoni negattiva ħafna;

    (xii)

    kemm hi b'saħħitha l-industrija tal-emittent fl-ekonomija meta mqabbla mat-tendenzi ekonomiċi u l-pożizzjoni kompetittiva tal-emittent fil-qasam tiegħu;

    (xiii)

    l-analiżi tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jew il-prospettiva ta' klassifikazzjoni mogħtija lill-emittent jew lill-istrumenti minn aġenzija jew aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu maħtura mill-maniġer tal-MMF bħala adatti għall-portafoll ta' investiment speċifiku tal-MMF.

    (b)

    l-istrument tas-suq monetarju, titolizzazzjoni jew ABCP ikollhom tnaqqis fil-grad taħt l-ogħla żewġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq perjodu qasir minn kwalunkwe aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu irregolata u ċċertifikata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    2.   Il-maniġers tal-MMFs għandhom jivvalutaw il-bidla materjali tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1(a) billi jikkunsidraw il-fatturi ta' riskju u r-riżultati tax-xenarji ta' testijiet tal-istress imsemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2017/1131.

    3.   Għall-iskop tal-paragrafu 1(b), il-maniġers tal-MMFs għandhom jistabbilixxu proċedura interna għall-għażla ta' aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu adatti għall-portafoll ta' investiment speċifiku tal-MMF u biex jiddeterminaw il-frekwenza li biha l-MMF għandu jissorvelja l-klassifikazzjonijiet ta' dawk l-aġenziji.

    4.   Il-maniġers tal-MMFs għandhom jikkunsidraw tnaqqis fil-grad kif imsemmi fil-paragrafu 1(b) u wara dan iwettqu l-valutazzjoni tagħhom skont il-metodoloġija interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu.

    5.   Ir-reviżjoni tal-metodoloġija interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu għandha tikkostitwixxi bidla materjali kif imsemmi fl-Artikolu 19(4)(d) tar-Regolament (UE) 2017/1131, ħlief jekk il-maniġers ta' MMFs jistgħu juru li l-bidla ma hijiex materjali.

    Artikolu 9

    Rekwiżiti kwantitattivi u kwalitattivi għall-kwalità tal-kreditu għall-assi msemmija fl-Artikolu 15(6)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1131

    Il-maniġers tal-MMFs għandhom japplikaw l-Artikoli 3 sa 8 ta' dan ir-Regolament meta jivvalutaw il-kwalità tal-kreditu ta' titoli likwidi trasferibbli jew strumenti tas-suq monetarju msemmija fl-Artikolu 15(6)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1131.

    Artikolu 10

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-21 ta' Lulju 2018, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1, li għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' April 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 169, 30.6.2017, p. 8.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (5)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (6)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).


    Top