This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018R0969
Commission Regulation (EU) 2018/969 of 9 July 2018 amending Annex V to Regulation (EC) No 999/2001 of the European Parliament and of the Council as regards the requirements for the removal of specified risk materials from small ruminants (Text with EEA relevance.)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/969 tad-9 ta' Lulju 2018 li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għat-tneħħija ta' materjali speċifiċi ta' riskju mir-ruminanti żgħar (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/969 tad-9 ta' Lulju 2018 li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għat-tneħħija ta' materjali speċifiċi ta' riskju mir-ruminanti żgħar (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2018/3304
ĠU L 174, 10.7.2018, pp. 12–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
10.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 174/12 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/969
tad-9 ta' Lulju 2018
li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għat-tneħħija ta' materjali speċifiċi ta' riskju mir-ruminanti żgħar
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (1), u partikolarment fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tiegħu.
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSEs) fl-annimali. Dan japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' annimali ħajjin u ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u, f'ċerti każijiet speċifiċi, għall-esportazzjonijiet tagħhom. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiddefinixxi l-materjal speċifiku ta' riskju (“SRM”) bħala t-tessuti mniżżlin fl-Anness V tiegħu, u jipprevedi li dan il-materjal jitneħħa u jintrema skont l-Anness V tiegħu u skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 (2) It-tneħħija tal-materjal speċifiku ta' riskju hija miżura mmirata li tindirizza r-riskju għal enċefalopatija sponġiformi bovina fl-annimali bovini, ovini u kaprini. Il-lista ta' materjali speċifiċi ta' riskju fl-annimali ovini u kaprini hija stabbilita fil-punt 1(b) tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. |
|
(3) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (“OIE”) rigward l-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE), stabbiliti fil-Kapitolu 11.4 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE (3), japplikaw għall-aġent tal-BSE tal-baqar biss. Għaldaqstant, sa fejn l-annimali ovini u kaprini huma kkonċernati, l-OIE ma tiddefinixxi l-ebda lista ta' tessuti li jenħtieġ li ma jiġux ikkummerċjalizzati minħabba riskju ta' BSE tagħhom. |
|
(4) |
Id-Dokument ta' Strateġija tal-Kummissjoni dwar l-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSE) għall-2010–2015 (4) jipprevedi l-possibbiltà ta' reviżjoni tal-lista attwali ta' SRM ibbażata fuq evidenza xjentifika u li tqis l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-BSE. Is-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-BSE fl-Unjoni tjiebet b'mod sinifikanti. Fl-2016, fl-Unjoni ġew irrapportati ħames każijiet ta' BSE filwaqt li fl-2001 ġew irrapportati 2 166 każ. Dan it-titjib fis-sitwazzjoni tal-BSE fl-Unjoni huwa rifless fil-fatt li 24 Stat Membru tal-Unjoni u żewġ reġjuni ta' Stat Membru issa huma rikonoxxuti li għandhom status ta' riskju negliġibbli ta' BSE skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (5), skont l-istatus ta' riskju ta' BSE kif rikonoxxut mill-OIE. |
|
(5) |
Għal dak li hu SRM minn ruminanti żgħar, id-Dokument ta' Strateġija tal-Kummissjoni dwar l-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli għall-2010–2015 isemmi valutazzjoni tar-riskju, għaddejja dak iż-żmien stess, fuq il-pertinenza tal-lista ta' SRM fir-ruminanti. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippubblikat din il-valutazzjoni tar-riskju fit-2 ta' Diċembru 2010, f'Opinjoni Xjentifika dwar l-infettività tal-BSE/TSE f'tessuti ta' ruminanti żgħar (“l-opinjoni tal-EFSA tal-2010”) (6). F'dik l-opinjoni, l-EFSA stmat li l-għadd ta' ruminanti infettati bil-BSE li jistgħu jidħlu fil-katina alimentari fl-Unjoni kull sena huwa limitat ħafna, u kkonfermat li dawn l-istimi jmorru kontra kull epidemija tal-BSE mifruxa fil-popolazzjoni ta' ruminanti fl-Unjoni. Din il-konklużjoni tal-EFSA hija valida fl-Unjoni kollha, indipendentement mill-istatus tar-riskju ta' BSE fl-Istati Membri. |
|
(6) |
Kif issemma fl-Opinjoni Xjentifika Konġunta dwar kull assoċjazzjoni epidemjoloġika jew molekulari possibbli bejn it-TSEs fl-annimali u fil-bnedmin adottata mill-EFSA u miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fit-9 ta' Diċembru 2010 (7), fid-dinja kollha ġew irrappurtati żewġ każijiet biss ta' BSE f'annimali kaprini u ma ġie rrappurtat ebda każ ta' BSE naturali fl-annimali ovini. Iż-żewġ każijiet ta' BSE naturali instabu f'mogħoż li twieldu qabel ma beda jiġi pprojbit l-għalf ta' proteini pproċessati mill-annimali lill-annimali tar-razzett u f'mument meta l-epidemija BSE fl-annimali bovini kienet qed tilħaq l-ogħla livell. |
|
(7) |
Fil-5 ta' Awwissu 2015, l-EFSA ppubblikat Opinjoni Xjentifika dwar talba biex tiġi rieżaminata pubblikazzjoni xjentifika fir-rigward tal-potenzjal żoonotiku tal-prijoni tal-iscrapie ovina (“l-opinjoni tal-EFSA tal-2015”) (8). F'dik l-opinjoni, l-EFSA kkonkludiet li m'hemm ebda evidenza ta' rabta kawżali bejn l-iscrapie u t-TSEs li jaffettwaw lill-bnedmin u kkonfermat li l-uniku aġent tat-TSE li deher li kien żoonotiku hija l-aġent klassiku tal-BSE. Barra minn hekk, l-EFSA enfasizzat li m'hemm l-ebda evidenza epidemjoloġika li tissuġġerixxi li l-iscrapie hija żoonotika, b'mod partikolari minħabba li l-inċidenza tal-marda ta' Creutzfeldt Jakob sporadika fil-bnedmin hija simili f'pajjiżi b'inċidenza minima ta' scrapie bħal f'pajjiżi b'inċidenza għolja ta' scrapie. |
|
(8) |
Huwa għalhekk xieraq li jiġu emendati r-rekwiżiti eżistenti għat-tneħħija ta' SRM fir-ruminanti żgħar sabiex ikunu biss dawk it-tessuti li jikkonċentraw l-ogħla livelli ta' infettività ta' BSE f'ruminant żgħir infettat li jiġu indikati bħala SRM. Skont l-opinjoni tal-EFSA tal-2010, id-dejta esperimentali turi li l-ogħla livelli ta' infettività f'annimali ovini inokulati bil-BSE jinsabu fil-moħħ u fix-xewka tad-dahar. |
|
(9) |
Meta wieħed iqis id-diffikultajiet prattiċi biex jiġi żgurat li ma jiġix ikkontaminat l-għadam tal-kranju bit-tessut tal-moħħ, il-kranju ta' annimali ovini u kaprini ta' iktar minn 12-il xahar, jew ta' dawk li jkollhom sinna inċiżiva permanenti li spuntat fil-ħanek, għandu jibqa' jiġi indikat bħala SRM fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. |
|
(10) |
Għalhekk, huwa biss il-kranju, li jinkludi l-moħħ u l-għajnejn, u x-xewka tad-dahar ta' annimali ta' iktar minn 12-il xahar, jew li jkollhom sinna inċiżiva permanenti li spuntat fil-ħanek, li jenħtieġ li jitqiesu bħala SRM fl-annimali ovini u kaprini. |
|
(11) |
Minħabba n-natura speċifika tat-trobbija tal-annimali kaprini u ovini, rari jkun possibbli li d-data tat-twelid eżatta ta' dawn l-annimali tiġi ddeterminata u għalhekk din id-dejta mhix inkluża fir-reġistru mitlub skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (9). Għaldaqstant, bħalissa jridu jitneħħew il-moħħ, il-kranju u l-għajnejn tal-annimali ovini u kaprini jekk l-annimal ikollu iktar minn 12-il xahar jew jekk ikollu sinna inċiżiva permanenti li spuntat fil-ħanek. |
|
(12) |
L-istima tal-età ta' annimali ovini u kaprini abbażi tal-istat tas-snien tipprovdi biss approssimazzjoni, peress li d-data tal-ħruġ tal-ewwel sinna inċiżiva permanenti f'annimal ovin u kaprin tista' tvarja b'diversi xhur. Metodi oħra biex jiġi stmat jekk annimali ovini u kaprini ta' iktar minn 12-il xahar għandhomx jinbagħtu għat-tbiċċir jistgħu jipprovdu livell ekwivalenti ta' garanzija dwar l-età tal-annimal. Peress li tali metodi jistgħu jiddependu fuq il-partikolarità tal-prattiki ta' tbiċċir ta' annimali ovini u kaprini fil-livell nazzjonali, l-affidabbiltà ta' tali metodi jenħtieġ li tiġi evalwata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jwettaq it-tbiċċir. Il-punt 1(b) tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jipprovdi l-possibbiltà li jiġi stmat jekk annimal ikollux iktar minn 12-il xahar, u dan permezz ta' metodu approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jwettaq it-tbiċċir. |
|
(13) |
L-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
|
(14) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-punt 1(b) jiġi sostitwit b'dan li ġej:
|
“(b) |
fir-rigward tal-annimali ovini u kaprini: il-kranju, inkluż il-moħħ u l-għajnejn, u x-xewka tad-dahar ta' annimali ta' iktar minn 12-il xahar jew li għandhom sinna inċiżiva permanenti li spuntat fil-ħanek, jew li għandhom iktar minn 12-il xahar, kif stmat permezz ta' metodu approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jwettaq it-tbiċċir.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Lulju 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).
(3) http://www.oie.int/index.php?id=169&L=0&htmfile=chapitre_bse.htm.
(4) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — It-Tieni Pjan Direzzjonali dwar it-TSE — Karta ta' Strateġija dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli għall-2010-2015; COM(2010) 384 finali.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta' Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).
(6) EFSA Journal 2010; 8(12):1875 [92 pp.].
(7) EFSA Journal 2011; 9(1):1945 [111 pp.].
(8) EFSA Journal 2015; 13(8):4197 [58 pp.].
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).