Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0932

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/932 tad-29 ta' Ġunju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 582/2011 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-ittestjar permezz ta' sistemi ta' kejl ta' emissjonijiet li jistgħu jinġarru (PEMS) u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip universali għal firxa ta' fjuwils (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/3988

    ĠU L 165, 2.7.2018, p. 32–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/932/oj

    2.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 165/32


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/932

    tad-29 ta' Ġunju 2018

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 582/2011 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-ittestjar permezz ta' sistemi ta' kejl ta' emissjonijiet li jistgħu jinġarru (PEMS) u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip universali għal firxa ta' fjuwils

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-istandards CEN għal ċerti taħlitiet tad-diżil komuni bl-Ester Metiliku tal-Aċidi Xaħmin (FAME) u d-diżil paraffiniku ġew ippubblikati reċentement. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu aġġornati r-regoli attwali sabiex jirreferu wkoll għal dawk l-istandards il-ġodda.

    (2)

    Fir-rigward tal-ittestjar permezz ta' sistemi ta' kejl ta' emissjonijiet li jistgħu jinġarru (PEMS), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1718 (2) introduċa rekwiżiti kemm għall-parti tal-vjaġġ urban kif ukoll għat-tul tal-vjaġġ kollu. B'mod partikolari fuq xi vetturi tal-kategorija N3 mgħammra b'magna li għandha potenza nominali ogħla, ġie skopert li, minħabba dawk ir-rekwiżiti restrittivi, l-ittestjar permezz tal-PEMS skont id-dispożizzjonijiet attwali se jirriżulta f'testijiet nulli. Sabiex tiġi solvuta din il-kwistjoni, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-konformità mar-rekwiżit tal-firxa urbana jiġu emendati, il-vjaġġ urban jiġi estiż għad-detriment tal-parti tal-vjaġġ tal-awtostrada u jiġi estiż ukoll it-tul tal-vjaġġ ġenerali massimu.

    (3)

    Hija meħtieġa kjarifika dwar ir-rekwiżit li jkun hemm mill-inqas firxa valida waħda fl-operazzjonijiet urbani biss li tapplika speċifikament għall-emissjonijiet tal-NOX, minħabba li dan huwa l-inkwinant kritiku f'dawk il-kundizzjonijiet.

    (4)

    Fil-każ tal-approvazzjoni tat-tip universali għal firxa ta' fjuwils, il-proċedura biex tintwera l-konformità mat-tolleranzi rikjesti għas-sinjal tat-torque tal-unità ta' kontroll tal-magna (ECU) bħalissa mhijiex stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 (3). Għalhekk, meta l-magna ma tkunx mgħammra b'sistema li tagħraf liema fjuwil ikun qed jintuża, id-demostrazzjoni ta' kif trid tiġi ddeterminata l-konformità titħalla għad-diskrezzjoni tas-servizz tekniku. Minħabba l-interess dejjem jikber fl-approvazzjoni tat-tip ta' fjuwil alternattivi, huwa xieraq li tiġi armonizzata dik il-proċedura. Għalhekk jenħtieġ li tiġi ddeterminata d-devjazzjoni tat-torque kkawżata mill-fjuwil alternattiv, u jenħtieġ li d-devjazzjoni tintuża biex jiġi kkalkolat il-fattur ta' aġġustament tal-enerġija, u dan jenħtieġ li jitniżżel fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip. Il-fattur ta' aġġustament tal-enerġija jista' jiġi applikat biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti ta' preċiżjoni tas-sinjal tat-torque tal-ECU. Barra minn hekk, għall-ittestjar PEMS bi fjuwil alternattiv, il-fattur ta' aġġustament tal-enerġija jista' jiġi applikat biex jiġi ddeterminat il-valur tat-torque korrett għall-kalkoli tal-emissjonijiet.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 582/2011 jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 582/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Anness I huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-punt 1.1.2, il-parti introduttorja tal-ewwel paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

    “Jekk il-manifattur jippermetti li l-familja ta' magni taħdem bi fjuwil fis-suq li ma jikkonformax la mad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u lanqas mal-istandard tas-CEN EN 228:2012 fil-każ ta' petrol bla ċomb jew mal-istandard tas-CEN EN 590:2013 fil-każ tad-diżil, bħall-magni li jaħdmu bil-FAME B100 (standard tas-CEN EN 14214), bit-taħlitiet tad-diżil bil-FAME B20/B30 (standard tas-CEN EN 16709), bil-fjuwil paraffiniku (standard tas-CEN EN 15940) jew oħrajn, l-manifattur għandu, flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.1.1, jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

    (*1)  Id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58).”;"

    (b)

    fil-punt 1.1.2, jiddaħħal il-punt (a1) li ġej:

    “(a1)

    jiddetermina il-fattur ta' aġġustament tal-enerġija għal kull fjuwil iddikjarat skont il-punt 5.2.7 jekk japplika;”;

    (c)

    fil-punt 5.2.5, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

    “(b)

    10 fil-mija meta jkun qed isir it-test Ċiklu ta' Sewqan Armonizzat Dinji fi Stat Stabbli (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “WHSC”) skont l-Anness III, għajr għall-modalità 1 u 13 (modalitajiet bil-magna mhux ingranata)”;

    (d)

    jiddaħħal il-punt 5.2.7 li ġej:

    “5.2.7.

    Jekk id-differenza bejn il-valur imkejjel tat-torque miksub bi fjuwil tas-suq iddikjarat u t-torque kkalkolat mill-informazzjoni rikjesta fil-punt 5.2.1 taqbeż kwalunkwe wieħed mill-valuri speċifikati fil-punt 5.2.5, għandu jiġi determinat fattur ta' aġġustament tal-enerġija għal kull fjuwil tas-suq addizzjonali permess mill-manifattur skont il-punt 1.1.2 għall-familja ta' magni. Il-fattur ta' aġġustament għandu jiġi kkalkulat bħala l-proporzjon bejn il-medja mkejla tal-ogħla livell tal-forza (peak torque) [Nm] fuq il-fjuwil ta' referenza skont l-Anness IX, u l-medja mkejla tal-ogħla livell tal-forza [Nm] fuq il-fjuwil tas-suq iddikjarat.”;

    (e)

    il-punti 5.3.3 u 5.3.3.1 jinbidlu b'dan li ġej:

    “5.3.3.

    L-issodisfar tar-rekwiżit imsemmi fil-punt 5.2.5 għandu jintwera għall-magna ewlenija ta' familja ta' magni meta tkun qed tiġi stabbilita l-potenza tal-magna skont l-Anness XIV u meta jsir it-test WHSC skont l-Anness III u l-ittestjar off-cycle tal-laboratorju waqt l-approvazzjoni tat-tip skont it-Taqsima 6 tal-Anness VI.

    5.3.3.1.

    L-issodisfar tar-rekwiżit imsemmi fil-punt 5.2.5 għandu jintwera għal kull membru tal-familja ta' magni meta tkun qed tiġi stabbilita l-potenza tal-magna skont l-Anness XIV. Għal dan l-għan, għandu jsir kejl addizzjonali f'ħafna punti operattivi tat-tagħbija parzjali u tal-veloċità tal-magna (pereżempju fil-modi tad-WHSC u xi punti addizzjonali każwali).”;

    (f)

    jiddaħħal il-punt 5.3.3.2 li ġej:

    “5.3.3.2.

    Jekk japplika, il-fattur ta' aġġustament tal-enerġija għall-familja ta' magni, kif imsemmi fil-punt 5.2.7, għandu jiġi ddeterminat bil-magna ewlenija tal-familja ta' magni.”;

    (g)

    fl-Appendiċi 5 tal-Addendum taċ-Ċertifikat tal-Approvazzjoni tat-Tip tal-KE il-punt 1.5.2 jinbidel b'dan li ġej:

    “1.5.2.

    Dejta addizzjonali, eż. il-fattur ta' aġġustament tal-enerġija għal kull fjuwil iddikjarat (jekk japplika)”;

    (h)

    fl-Appendiċi 7 tal-Addendum taċ-Ċertifikat tal-Approvazzjoni tat-Tip tal-KE, il-punt 1.5.2 jinbidel b'dan li ġej:

    “1.5.2.

    Dejta addizzjonali, eż. il-fattur ta' aġġustament tal-enerġija għal kull fjuwil iddikjarat (jekk japplika)”.

    (2)

    L-Anness II huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 4.4.2 jinbidel b'dan li ġej:

    “4.4.2.   Fjuwil

    Il-fjuwil tat-test għandu jkun fjuwil fis-suq kopert mid-Direttiva 98/70/KE u mill-istandards CEN rilevanti, jew il-fjuwil ta' referenza kif speċifikat fl-Anness IX ta' dan ir-Regolament.”;

    (b)

    jiddaħħal il-punt 4.4.2.2 li ġej:

    “4.4.2.2.

    Għandhom jittieħdu kampjuni tal-fjuwil.”;

    (c)

    il-punt 4.5.3 jinbidel b'dan li ġej:

    “4.5.3.

    Għal vetturi N3 il-vjaġġ għandu jikkonsisti minn madwar 30 % tal-operazzjoni f'żoni urbani, 25 % tal-operazzjoni f'żoni rurali u 45 % tal-operazzjoni fl-awtostrada.”;

    (d)

    il-punt 4.6.5 jinbidel b'dan li ġej:

    “4.6.5.

    Id-durata tat-test għandha tkun biżżejjed biex titwettaq il-ħidma matul id-WHTC għal bejn erba' u tmien darbiet, jew biex jipproduċi bejn erba' u tmien darbiet il-massa ta' referenza ta' CO2 f'kg/ċiklu mill-WHTC kif applikabbli.”;

    (e)

    l-Appendiċi 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    jiddaħħal il-punt 4.2.1.1 li ġej:

    “4.2.1.1.   Il-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi għal fjuwil tas-suq iddikjarat

    Jekk ikun twettaq test skont dan l-Anness bi fjuwil tas-suq iddikjarat fil-punt 3.2.2.2.1 tal-Parti 1 fl-Appendiċi 4 tal-Anness I, l-emissjonijiet speċifiċi egas (mg/kWh) għandhom jiġu kkalkulati għal kull firxa u għal kull inkwinant billi jiġu mmultiplikati l-emissjonijiet speċifiċi mhux aġġustati mal-fattur ta' aġġustament tal-enerġija ddeterminat skont il-punt 1.1.2 (a1) tal-Anness I.”;

    (ii)

    il-punt 4.2.2.2.2 jinbidel b'dan li ġej:

    “4.2.2.2.2.

    It-test għandu jitqies bħala null jekk il-perċentwal tal-firxiet validi jkun inqas minn 50 % jew jekk ma jkunx hemm firxiet validi fir-rigward tal-ossidi tan-nitroġenu (Nox)x) f'operazzjonijiet f'żoni urbani biss wara li tkun ġiet applikata r-regola tad-90 perċentil.”;

    (f)

    fl-Appendiċi 4, jiddaħħal il-punt 2.1.1 li ġej:

    “2.1.1.

    Jekk jintuża fjuwil tas-suq iddikjarat fil-punt 3.2.2.2.1 tal-Parti 1 fl-Appendiċi 4 tal-Anness I għat-test, is-sinjal tat-torque tal-ECU għandu jiġi diviż bil-fattur ta' aġġustament qabel il-verifika mal-kurva tat-torque massima ta' referenza mwettqa b'dak il-fjuwil tas-suq.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1718 tal-20 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 582/2011 rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-ittestjar permezz ta' sistemi portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet (PEMS) u l-proċedura għall-ittestjar tad-durabilità tat-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis ta' sostituzzjoni (ĠU L 259, 27.9.2016, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u li jemenda l-Annessi I u III għad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 25.6.2011, p. 1).


    Top