EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0899

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/899 tal-25 ta' Ġunju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

ST/9743/2018/REV/1

ĠU L 160I, 25.6.2018, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/899/oj

25.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 160/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/899

tal-25 ta' Ġunju 2018

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat-13 ta' Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/2063.

(2)

Fit-28 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet dwar il-Venezwela fejn iddikjara li l-elezzjonijiet, li saru fil-Venezwela fl-20 ta' Mejju 2018, la kienu ħielsa u lanqas ġusti u li l-elezzjoni u l-eżitu tagħha kienu nieqsa minn kull kredibbiltà minħabba li l-proċess elettorali ma żgurax il-garanziji neċessarji għal elezzjonijiet inklużivi u demokratiċi.

(3)

Il-konklużjonijiet appellaw biex jerġgħu jsiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda f'konformità ma' standards demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment u l-ordni kostituzzjonali Venezwelana, u, f'dak il-kuntest, għal aktar miżuri restrittivi mmirati u riversibbli li ma jagħmlux ħsara lill-popolazzjoni tal-Venezwela.

(4)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, jenħtieġ li 11-il persuna jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 295, 14.11.2017, p. 21.


ANNESS

Il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063:

 

“Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

8.

Tareck Zaidan El-Aissami Maddah

Viċi President tal-Ekonomija u Ministru għall-Industrija u l-Produzzjoni Nazzjonali

Data tat-twelid: 12 ta' Novembru 1974

Viċi President tal-Ekonomija u Ministru għall-Industrija u l-Produzzjoni Nazzjonali. Bħala l-eks Viċi President tal-Venezwela b'sorveljanza tad-direzzjoni tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN), Maddah huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-organizzazzjoni, inkluż id-detenzjoni arbitrarja, l-investigazzjonijiet motivati politikament, it-trattament inuman u degradanti, u t-tortura. Huwa wkoll responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluż il-projbizzjoni ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi, u t-tmexxija tal-‘kmand anti-coup’ tal-President Maduro immirat lejn is-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

25.6.2018

9.

Sergio José Rivero Marcano

Spettur Ġeneral tal-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjana

Data tat-twelid: 8 ta' Novembru 1964

Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana sas-16 ta' Jannar 2018. Involut fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, u responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana taħt il-kmand tiegħu, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza, u d-detenzjoni arbitrarja u l-abbuż ta' membri tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni. L-azzjonijiet u l-politiki tiegħu bħala Kmandant Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, inkluż l-assalt mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana ta' membri tal-Assemblea Nazzjonali eletta demokratikament u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar l-elezzjonijiet frodulenti għall-Assemblea Kostitwenti li hija illeġittima, dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

25.6.2018

10.

Jesús Rafael Suárez Chourio

Kmandant Ġeneral tal-Armata Bolivarjana

Data tat-twelid: 19 ta' Lulju 1962

Kmandant Ġeneral tal-Armata Nazzjonali Bolivarjana tal-Venezwela u eks-Kmandant tar-Reġjun ta' Difiża Komprensiv tal-Venezwela taż-Żona Ċentrali (REDI Ċentrali). Responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn forzi taħt il-kmand tiegħu, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza u l-maltrattament tad-detenuti. Huwa attakka l-oppożizzjoni demokratika u appoġġa l-użu ta' qrati militari biex jipproċessa dimostranti ċivili.

25.6.2018

11.

Iván Hernández Dala

Kap tad-Direttorat Ġenerali ta' Kontrospjunaġġ Militari

Data tat-twelid: 18 ta' Mejju 1966

Kap tad-Direttorat Ġenerali ta' Kontrospjunaġġ Militari (DGCIM) minn Jannar 2014 u Kap tal-Gwardja Presidenzjali minn Settembru 2015. Bħala l-Kap tad-DGCIM, Iván Hernández Dala huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika mwettqa minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza u l-maltrattament tad-detenuti.

25.6.2018

12.

Delcy Eloina Rodríguez Gómez

Viċi President tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela

Data tat-twelid: 18 ta' Mejju 1969

Viċi President tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, eks-President tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u eks-membru tal-Kummissjoni Presidenzjali għall- Assemblea Kostitwenti Nazzjonali illeġittima. L-azzjonijiet tagħha rigward il-Kummissjoni Presidenzjali u mbagħad bħala President tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima mminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż l-użurpazzjoni tas-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali biex jintużaw kontra l-oppożizzjoni u biex dawn ma jitħallewx jieħdu sehem fil-proċess politiku.

25.6.2018

13.

Elías José Jaua Milano

Ministru tas-Setgħa Popolari għall-Edukazzjoni

Data tat-twelid: 16 ta' Diċembru 1969

Ministru tas-Setgħa Popolari għall-Edukazzjoni. Eks-President tal-Kummissjoni Presidenzjali għall-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali illeġittima. Responsabbli li dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela permezz tar-rwol tiegħu li wassal biex tiġi stabbilita l-Assemblea Kostitwenti illeġittima.

25.6.2018

14.

Sandra Oblitas Ruzza

Viċi President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali

Data tat-twelid: 7 ta' Ġunju 1969

Viċi President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) u President tal-Kummissjoni tar-Reġistru Elettorali u Ċivili. Responsabbli għall-attivitajiet tas-CNE li mminaw id-demokrazija fil-Venezwela, inkluż l-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

25.6.2018

15.

Freddy Alirio Bernal Rosales

Data tat-twelid: 16 ta' Ġunju 1962

Il-Kap taċ-Ċentru ta' Kontroll Nazzjonali tal-Kumitat għall-Provvista u l-Produzzjoni Lokali (CLAP) u l-Kummissarju Ġenerali ta' SEBIN. Responsabbli li dgħajjef id-demokrazija permezz tal-manipulazzjoni tad-distribuzzjonijiet tal-programm CLAP fost il-votanti. Barra minn hekk bħala Kummissarju Ġenerali ta' SEBIN, huwa responsabbli għall-attivitajiet ta' SEBIN li jinkludu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħad-detenzjoni arbitrarja.

25.6.2018

16.

Katherine Nayarith Harrington Padrón

Viċi Prosekutur Ġenerali (tradotta wkoll bħala Viċi Avukat Ġenerali)

Data tat-twelid: 5 ta' Diċembru 1971

Viċi Prosekutur Ġenerali (tradotta wkoll bħala Viċi Avukat Ġenerali) minn Lulju 2017. Maħtura Viċi Prosekutur Ġenerali mill-Qorti Suprema minflok mill-Assemblea Nazzjonali, bi ksur tal-Kostituzzjoni. Responsabbli li dgħajfet id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi tat bidu għal prosekuzzjonijiet politikament motivati u naqset milli tinvestiga allegazzjonijiet ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta' Maduro.

25.6.2018

17.

Socorro Elizabeth Hernández Hernández

Data tat-twelid: 11 ta' Marzu 1952

Rettur u Membru tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) u membru tal-Bord Elettorali Nazzjonali (JNE). Responsabbli għall-attivitajiet tas-CNE li mminaw id-demokrazija fil-Venezwela, inkluż l-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali b'rabta mal-elezzjoni revokatorja presidenzjali li ġiet ikkanċellata fl-2016, il-posponiment tal-elezzjonijiet tal-gvernaturi fl-2016, u r-rilokazzjoni ta' postijiet tal-votazzjoni fi żmien qasir qabel l-elezzjonijiet tal-gvernaturi fl-2017.

25.6.2018

18.

Xavier Antonio Moreno Reyes

Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali

Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE). Responsabbli li approva d-deċiżjonijiet tas-CNE li mminaw id-demokrazija fil-Venezwela, inkluż l-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

25.6.2018”


Top