Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0690

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/690 tas-7 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva fenażakwin (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/2646

    ĠU L 117, 8.5.2018, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/690/oj

    8.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 117/3


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/690

    tas-7 ta' Mejju 2018

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva fenażakwin

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2)(c) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/39/UE (2) inkludiet il-fenażakwin bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

    (2)

    Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

    (3)

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva fenażakwin, kif stipulata fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, kienet ristretta għall-użi bħala akariċida fuq pjanti ornamentali fis-serer.

    (4)

    Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fid-19 ta' Settembru 2011, Gowan Comércio Internacional e Serviços Limitada, il-produttur tas-sustanza attiva, ressaq applikazzjoni lill-Istat Membru relatur maħtur, il-Ġreċja, biex jitlob emenda għall-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tal-fenażakwin sabiex titneħħa r-restrizzjoni u tippermetti l-użi fuq l-għeneb, iċ-ċitru, il-frott taż-żerriegħa u l-frott tal-għadma. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet ammissibbli.

    (5)

    L-Istat Membru relatur ħejja addendum mal-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni, u ressqu lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fl-14 ta' Frar 2012.

    (6)

    L-Awtorità ċċirkolat l-addendum mal-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom, u qegħditu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (7)

    Fid-19 ta' Marzu 2013, l-Awtorità nnotifikat lill-Kummissjoni bil-konklużjoni (5) tagħha dwar jekk hux mistenni li l-użi ġodda tas-sustanza attiva fenażakwin jissodisfawx il-kriterji tal-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-Kummissjoni bagħtet l-abbozz emendat tar-rapport ta' reviżjoni lill-applikant għall-kummenti tiegħu fis-17 ta' Settembru 2013, kif ukoll lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-2 ta' Ottubru 2013. Il-Kumitat Permanenti ma setax jikkonkludi jekk huwiex xieraq li jimmodifika l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tal-fenażakwin, kif mitlub mill-applikant.

    (8)

    Wara eżami ulterjuri tad-dossier, il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta' addendum mar-rapport ta' reviżjoni oriġinali, kif ukoll abbozz ta' Regolament dwar il-fenażakwin. Il-Kummissjoni ressqet l-abbozz ta' addendum u l-abbozz ta' Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fit-13 ta' Diċembru 2017.

    (9)

    Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar l-abbozz ta' addendum tar-rapport ta' reviżjoni għall-fenażakwin. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, u dawn ġew eżaminati bir-reqqa.

    (10)

    Ma ġiex iddemostrat li jista' jkun mistenni li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fenażakwin jissodisfaw b'mod ġenerali r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għajr jekk tinżamm biss ir-restrizzjoni prevista bħalissa għall-użu fis-serra. Għaldaqstant, jixraq li tinżamm ir-restrizzjoni għall-użu fis-serer biss, kif iddefinit fl-Artikolu 3(27) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (11)

    Dwar użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta' mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, ġie stabbilit li meta l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jintuża fuq l-għalla li tista' tittiekel, il-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Għaldaqstant, jixraq li ma tinżammx ir-restrizzjoni għall-użu tal-fenażakwin fuq pjanti ornamentali biss.

    (12)

    Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ u jixraq li jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva fenażakwin, filwaqt li tinżamm soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

    (13)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Mejju 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

    (2)  Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/39/UE tal-11 ta' April 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex jiġi inkluż il-fenażakwin bħala sustanza attiva u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/934/KE (ĠU L 97, 12.4.2011, p. 30).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (5)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance fenazaquin. EFSA Journal 2013;11(4):3166. [80 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2013.3166.


    ANNESS

    It-test tal-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela 342, fenażakwin, tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “PARTI A

    L-użi bħala akariċida fis-serer biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-fenażakwin, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fil-11 ta' Marzu 2011, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-addendum mar-rapport ta' reviżjoni fuq il-fenażakwin, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fit-22 ta' Marzu 2018, għandhom jiġu kkunsidrati.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għal dan li ġej:

    (a)

    il-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi;

    (b)

    il-protezzjoni tal-operaturi, filwaqt li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-użu jinkludu l-applikazzjoni ta' tagħmir ta' protezzjoni personali xieraq;

    (c)

    il-protezzjoni tan-naħal;

    (d)

    ir-riskju għan-naħal u għan-naħal bagħli li jiġi rilaxxat għad-dakkir, meta s-sustanza attiva tintuża fis-serer;

    (e)

    ir-riskju għall-konsumaturi, b'mod partikolari mir-reżidwi ġġenerati matul l-ipproċessar;

    (f)

    il-kundizzjonijiet tal-użu biex jiġi evitat l-esponiment għar-reżidwi tal-fenażakwin fir-rigward tal-għelejjel għall-konsum mill-bniedem u mill-annimali.

    Fejn xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.”


    Top