Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0608

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/608 tad-19 ta' April 2018 li jistabbilixxi l-kriterji tekniċi għat-tikketti elettroniċi tat-tagħmir tal-baħar (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/2274

    ĠU L 101, 20.4.2018, p. 64–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/608/oj

    20.4.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 101/64


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/608

    tad-19 ta' April 2018

    li jistabbilixxi l-kriterji tekniċi għat-tikketti elettroniċi tat-tagħmir tal-baħar

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2014/90/UE tagħti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kriterji tekniċi adattati rigward id-disinn, il-prestazzjoni, it-twaħħil u l-użu ta' dawk it-tikketti elettroniċi.

    (2)

    Saret analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji (2) li tat valutazzjoni pożittiva dwar l-użu tat-tikketti elettroniċi bħala suppliment għall-marka tat-tmun.

    (3)

    It-tikkettar elettroniku tat-tagħmir tal-baħar ma jeħtieġx investiment qawwi iżda joħloq benefiċċji għall-manifatturi, għas-sidien u l-operaturi tal-bastimenti u għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

    (4)

    L-ispeċifikazzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament jibbażaw fuq paragun bejn it-teknoloġiji disponibbli li hemm fil-qafas tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, u fuq is-suġġerimenti tagħha għal struttura xierqa tal-kodiċijiet użati għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tal-baħar.

    (5)

    Il-paragun tal-portaturi tad-dejta eżistenti u l-arkitetturi għall-iskambju tad-dejta fil-qafas tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji wasslu għar-rakkomandazzjoni biex jintużaw il-kodiċijiet tal-matriċi tad-dejta u l-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (l-“RFID”) bħala l-aktar teknoloġiji xierqa.

    (6)

    L-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji turi wkoll li n-nuqqas ta' kapaċità ta' ħażna tad-dejta fuq it-tikketta elettronika jimplika li l-informazzjoni fuq it-tikketta elettronika trid tagħti link għall-bażijiet tad-dejta fejn tista' tinstab aktar informazzjoni dettaljata. Il-kodiċijiet tal-matriċi tad-dejta u l-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (l-“RFID”) speċifikati minn dan ir-Regolament ikun fihom l-informazzjoni ewlenija li tista' tagħti dan il-link.

    (7)

    Għaldaqstant għandha tintuża identifikazzjoni unika tat-tagħmir tal-baħar, abbażi ta' struttura ta' kodiċijiet standardizzati li tkun indipendenti mit-tip tat-tikketta elettronika. Din l-identifikazzjoni għandha tkun flessibbli biżżejjed biex l-utenti jkunu jistgħu jiksbu aċċess dirett għall-aktar bażijiet tad-dejta rilevanti għat-tagħmir tal-baħar.

    (8)

    Il-format ta' kodifikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa dwar tal-portatur tad-dejta jenħtieġ ikun ibbażat fuq l-istandards ISO. Il-format jippermetti wkoll il-possibbiltà ta' kodifikazzjoni ta' informazzjoni addizzjonali biex tintuża mill-manifatturi, b'mod partikolari għax il-manifatturi jenħtieġ ikunu kapaċi jinkorporaw karatteristiċi addizzjonali tas-sigurtà fil-portatur tad-dejta biex jiġu identifikati aħjar il-prodotti ffalsifikati.

    (9)

    Sabiex ikun jista' jinstab faċilment bi spezzjoni viżwali, it-tagħmir tal-baħar b'tikketti elettroniċi li jieħdu post il-marka tat-tmun jenħtieġ li juri simbolu xieraq.

    (10)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (“COSS”),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

    (1)

    “tikketta elettronika” tfisser indikatur b'identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (“RFID”) jew b'kodiċi tal-matriċi tad-dejta;

    (2)

    “identifikatur tal-applikazzjoni” tfisser prefiss numeriku li jintuża biex jiddefinixxi t-tifsira u l-format ta' elementi tad-dejta kodifikata.

    Artikolu 2

    Il-manifatturi tat-tagħmir tal-baħar jistgħu jużaw dawn it-tikketti elettroniċi kif jispeċifika l-Anness:

    (a)

    tikketti tal-RFID imwaħħlin b'mod permanenti fuq tagħmir tal-baħar;

    (b)

    tikketti li jistgħu jinqraw b'mod ottiku, li jkun fihom kodiċijiet tal-matriċi tad-dejta u li jkunu mwaħħlin b'mod permanenti fuq tagħmir tal-baħar; jew

    (c)

    tikketti li jistgħu jinqraw b'mod ottiku, li jkun fihom kodiċijiet tal-matriċi tad-dejta u li jkunu mmarkati b'mod permanenti fuq tagħmir tal-baħar;

    Artikolu 3

    It-tikketti elettroniċi tal-RFID li jieħdu post il-marka tat-tmun għandhom juru s-simbolu b'mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx kif jistabbilixxu l-punti 3.1 jew 3.2 tal-Anness, fuq it-tikketti nnifishom jew maġenbhom.

    It-tagħmir tal-baħar li jkollhom tikketti li jistgħu jinqraw b'mod ottiku, li jkun fihom kodiċijiet tal-matriċi tad-dejta li jieħdu post il-marka tat-tmun għandhom juru s-simbolu b'mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx kif jistabbilixxi l-punt 3.3 tal-Anness, fuq it-tikketti nnifishom jew maġenbhom.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' April 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146.

    (2)  L-introduzzjoni possibbli ta' tikketta elettronika bħala suppliment jew sostituzzjoni għall-marka tat-tmun fuq it-tagħmir tal-baħar, Sejħa għall-Offerti Nru. MOVE/D2/2015-372 V1.0 tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Mobbiltà u t-Trasport.


    ANNESS

    1.   Identifikazzjoni tat-tagħmir tal-baħar

    1.1.

    It-tikketti elettroniċi tat-tagħmir tal-baħar għandhom jinkludu identifikazzjoni elettronika li tinqara faċilment permezz ta' identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (“RFID”) jew b'kodiċi tal-matriċi tad-dejta li jista' jinqara b'mod ottiku, li jkun fihom din l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    identifikatur tal-applikazzjoni xieraq skont ISO/IEC 15434:2006 u ISO/IEC 15418:2016, li juża Identifikatur tad-Dejta ASC MH10 jew Identifikatur tal-Applikazzjoni GS1;

    (b)

    it-tip ta' modulu/i tal-valutazzjoni tal-konformità stabbilit/i fl-Anness II tad-Direttiva 2014/90/UE użati għall-valutazzjoni tal-konformità [ċifra waħda alfabetika];

    (c)

    in-numru ta' identifikazzjoni tal-korp notifikat assenjat mill-Kummissjoni skont il-punt 3.1 tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/90/UE [4 ċifri];

    (d)

    in-numru/i ta' verifika tal-unità (il-Modulu G) jew l-eżami tat-tip KE u ċ-ċertifikati tal-konformità tat-tip (il-Modulu B u D, E jew F) [sa 20 ċifra alfanumeriku].

    1.2.

    Minbarra l-informazzjoni mogħtija skont il-punt 1.1, it-tikketti elettroniċi jista' jkun fihom ukoll informazzjoni dwar in-numru tal-post tal-produzzjoni, il-kodiċi tal-prodott, in-numru tal-lott u/jew informazzjoni addizzjonali mfassla mill-manifattur skont ISO/IEC 15434:2006 [permezz ta' Identifikaturi tad-Dejta ASC MH10 jew Identifikaturi tal-Applikazzjoni GS1].

    1.3.

    Eżempji:

     

    il-Moduli B+D: [ara l-punt 1.2]+([identifikatur xieraq]) B 0575 40123+D 0038 040124

     

    il-Moduli B+E: [ara l-punt 1.2]+([identifikatur xieraq]) B 0575 40123+E 0038 040125

     

    il-Moduli B+F: [ara l-punt 1.2]+([identifikatur xieraq]) B 0575 40123+F 0038 040126

     

    il-Modulu G: [ara l-punt 1.2]+([identifikatur xieraq]) G 0575 040126.

    2.   It-tikketti elettroniċi

    2.1.   It-tikketti tal-RFID

    It-trasponders RFID għandhom joperaw fil-medda tal-frekwenzi minn 860 MHz sa 960 MHz skont ISO/IEC 18000-6:2004, it-Tip C.

    It-tikketta elettronika għandha titwaħħal sew fuq it-tagħmir tal-baħar ikkonċernat, b'mod permanenti, ħalli jkun żgurat li t-tikketta elettronika tkun tista' tinqara kif maħsub għal tul il-ħajja operattiva mistennija tat-tagħmir tal-baħar.

    2.2.   Il-kodiċijiet tal-matriċi tad-dejta

    Il-kodiċijiet tal-matriċi tad-dejta għandhom ikunu skont ISO/IEC 16022:2006.

    It-tikketta elettronika għandha tkun immarkata fuq it-tagħmir tal-baħar ikkonċernat jew imwaħħla sew fuqu, b'mod permanenti, ħalli jkun żgurat li t-tikketta elettronika tkun tista' tinqara kif maħsub għal tul il-ħajja operattiva mistennija tat-tagħmir tal-baħar.

    3.   Is-simboli

    3.1.

    Image

    3.2.

    Image

    3.3.

    Image

    Top