Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0561

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/561 tad-29 ta' Jannar 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/127 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-proteini għall-formula ta' prosegwiment (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/0438

    ĠU L 94, 12.4.2018, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/561/oj

    12.4.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 94/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/561

    tad-29 ta' Jannar 2018

    li jemenda r-Regolament (UE) 2016/127 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-proteini għall-formula ta' prosegwiment

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 (2) jistabbilixxi inter alia regoli dwar il-kompożizzjoni u t-tikkettar tal-formula tat-trabi u tal-formula ta' prosegwiment.

    (2)

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/127 jipprevedi speċifikament li l-formula ta' prosegwiment manifatturata mill-proteini tal-ħalib tal-baqar jew tal-mogħoż ikun fiha mill-inqas 1,8 g proteini/100 kcal (0,43 g/100kJ).

    (3)

    Il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand operatur fin-negozju tal-ikel għat-tqegħid fis-suq ta' formula ta' prosegwiment ibbażata fuq il-proteina intatta mill-ħalib tal-baqar b'kontenut ta' proteina ta' mill-anqas 1,61 g/100 kcal, li huwa taħt il-livelli permessi skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE (3) u r-Regolament (UE) 2016/127.

    (4)

    Wara talba mill-Kummissjoni, fil-5 ta' April 2017 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ħarġet opinjoni xjentifika dwar is-sikurezza u l-idoneità għall-użu mit-trabi ta' formuli ta' prosegwiment b'kontenut ta' proteina ta' mill-anqas 1,6 g/100 kcal (4) L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ikkonkludiet li l-użu tal-formula ta' prosegwiment, ibbażata fuq il-proteini intatti mill-ħalib tal-baqar jew tal-mogħoż, b'kontenut ta' proteina ta' 1,6 g/100 kcal (0,38 g/100 kJ) u li mill-aspetti l-oħrajn tikkonforma mar-rekwiżiti tar-regoli rilevanti tal-Unjoni, huwa sikur u adattat għal trabi f'saħħithom li jgħixu fl-Ewropa b'konsum ta' ikel komplementari ta' kwalità suffiċjenti. Abbażi ta' din l-opinjoni, u sabiex jitrawwem l-iżvilupp ta' prodotti innovattivi, il-kontenut minimu ta' proteini meħtieġ skont ir-Regolament Delegat (UE) 2016/127 dwar il-formula tat-trabi ibbażata fuq il-proteini tal-ħalib tal-baqar jew tal-mogħoż jenħtieġ li jitnaqqas għal 1,6 g/100 kcal.

    (5)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Jannar 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 tal-25 ta' Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta' prosegwiment u fir-rigward ta' rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar (ĠU L 25, 2.2.2016, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE tat- 22 ta' Diċembru 2006 dwar formuli tat-trabi u formuli tal-prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE (ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1).

    (4)  EFSA Journal 2017;15(5):4781.


    ANNESS

    It-tabella fil-punt 2.1 (Il-formula tat-trabi manifatturata mill-proteini tal-ħalib tal-baqar jew tal-mogħoż) tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127 hija sostitwita b'dan li ġej:

    Minimu

    Massimu

    0,38 g/100 kJ

    (1,6 g/100 kcal)

    0,6 g/100 kJ

    (2,5 g/100 kcal)


    Top