Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0289

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/289 tas-26 ta' Frar 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju (IFRS) 2 Pagament ibbażat fuq l-azzjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/1020

    ĠU L 55, 27.2.2018, p. 21–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/289/oj

    27.2.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 55/21


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/289

    tas-26 ta' Frar 2018

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju (IFRS) 2 Pagament ibbażat fuq l-azzjonijiet

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

    (2)

    Fl-20 ta' Ġunju 2016, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ippubblika emendi tal-Istandard Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju (IFRS) 2 Pagament ibbażat fuq l-azzjonijiet. L-emendi huma mmirati li jiċċaraw kif jenħtieġ li l-kumpaniji japplikaw l-istandard f'xi okkażjonijiet speċifiċi.

    (3)

    Wara l-konsultazzjonijiet mal-Grupp Konsultattiv Finanzjarju Ewropew, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi għall-IFRS 2 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

    (4)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (5)

    L-IASB stabbilixxa d-data effettiva tal-emendi għall-IFRS 2 mill-1 ta' Jannar 2018.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 2 għall-Pagament ibbażat fuq l-azzjonijiet jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

    Artikolu 2

    Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara din id-data.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


    ANNESS

    Klassifikazzjoni u Kejl ta' Tranżazzjonijiet ta' Pagament ibbażat fuq l-Ishma

    Emendi għall-IFRS 2

    Emendi għal IFRS 2 Pagament ibbażat fuq l-ishma

    Il-paragrafi 19, 30-31, 33, 52 u 63 huma emendati, u jiżdiedu l-paragrafi 33 A-33H, 59 A-59B u 63D. Jiżdiedu l-intestaturi qabel il-paragrafi 33 A u 33E. Il-paragrafi 32 u 34 ma ġewx emendati iżda huma inklużi biex tkun iffaċilitata r-referenza.

    TRATTAMENT TA' KUNDIZZJONIJIET TAL-VESTIMENT

    19.

    Għotja ta' strumenti azzjonarji tista' ssir fuq kundizzjoni li tissodisfa kundizzjonijiet speċifiċi tal-vestiment. Pereżempju, għotja ta' ishma jew opzjonijiet fuq l-ishma lil impjegat tipikament issir fuq kundizzjoni li l-impjegat jibqa' fl-impjieg mal-entità għal perjodu speċifiku ta' żmien. Jista' jkun hemm kundizzjonijiet ta' prestazzjoni li jridu jiġu ssodisfati, bħal pereżempju li l-entità tikseb tkabbir speċifiku fil-profitt jew żieda speċifika fil-prezz tal-ishma tal-entità. Kundizzjonijiet ta' vestiment, ħlief il-kundizzjonijiet tas-suq, m'għandhomx jitqiesu meta jiġi stmat il-valur ġust tal-ishma jew tal-opzjonijiet fuq l-ishma fid-data tal-kejl. Minflok, il-kundizzjonijiet tal-vestiment, li mhumiex kundizzjonijiet tas-suq, għandhom jiġu kkunsidrati billi jiġi aġġustat in-numru ta' strumenti azzjonarji inkluż fil-kejl tal-ammont tat-tranżazzjoni biex, finalment, l-ammont rikonoxxut għal oġġetti jew servizzi rċevuti bħala korrispettiv għall-istrumenti azzjonarji mogħtija jkun ibbażat fuq in-numru ta' strumenti azzjonarji li eventwalment jiġu vestiti. Għalhekk, fuq bażi kumulattiva, l-ebda ammont mhu rikonoxxut għal oġġetti jew servizzi rċevuti jekk l-istrumenti azzjonarji mogħtija ma jiġux vestiti minħabba n-nuqqas li tiġi ssodisfata kundizzjoni ta' vestiment, li mhijiex kundizzjoni tas-suq, pereżempju, il-kontroparti tonqos milli ttemm perjodu speċifikat ta' servizz, jew kundizzjoni ta' prestazzjoni ma tiġix issodisfata, suġġett għar-rekwiżiti tal-paragrafu 21.

    TRANŻAZZJONIJIET TA' PAGAMENTI BBAŻATI FUQ L-ISHMA SSALDATI BI FLUS

    30.

    Għal tranżazzjonijiet ta' pagamenti bbażati fuq l-ishma ssaldati bi flus, l-entità għandha tkejjel l-oġġetti jew is-servizzi akkwistati u l-obbligazzjoni mġarrba fil-valur ġust tal-obbligazzjoni, soġġett għar-rekwiżiti tal-paragrafi 31-33D. Sakemm titħallas l-obbligazzjoni, l-entità għandha tkejjel il-valur ġust tal-obbligazzjoni mill-ġdid fi tmiem kull perjodu tar-rapportaġġ u fid-data tas-saldu, b'kull tibdil fil-valur ġust jiġi rikonoxxut fil-profitt jew fit-telf għall-perjodu.

    31.

    Pereżempju, entità tista' tagħti drittijiet ta' apprezzament ta' ishma f'għotja lill-impjegati bħala parti mill-pakkett ta' rimunerazzjoni tagħhom, u b'hekk l-impjegati jsiru intitolati għal pagament futur fi flus (minflok fi strument azzjonarju), ibbażat fuq iż-żieda fil-prezz tal-ishma tal-entità minn livell speċifikat fuq perjodu ta' żmien speċifikat. Inkella, entità tista' tagħti lill-impjegati tagħha dritt li jirċievu pagament futur fi flus billi tagħtihom dritt għall-ishma (inklużi ishma li għandhom jinħarġu mal-eżerċizzju tal-opzjonijiet fuq l-ishma) li jistgħu jinfdew, jew b'mod obbligatorju (pereżempju, mal-waqfien tal-impjieg) jew fuq għażla tal-impjegat. Dawn l-arranġamenti huma eżempji ta' tranżazzjonijiet ta' pagamenti bbażati fuq l-ishma ssaldati bi flus. Drittijiet ta' apprezzament tal-ishma jintużaw sabiex jispjegaw uħud mir-rekwiżiti fil-paragrafi 32-33D; madankollu, ir-rekwiżiti f'dawk il-paragrafi japplikaw għat-tranżazzjonijiet kollha ta' pagamenti bbażati fuq l-ishma ssaldati bi flus.

    32.

    L-entità għandha tirrikonoxxi s-servizzi rċevuti, u l-obbligazzjoni li tħallas għal dawk is-servizzi, hekk kif l-impjegati jwettqu s-servizz. Pereżempju, xi drittijiet ta' apprezzament tal-ishma jiġu vestiti minnufih, u għalhekk l-impjegati mhumiex meħtieġa jtemmu perjodu speċifikat ta' servizz biex isiru intitolati għall-pagament fi flus. Fin-nuqqas ta' evidenza kuntrarja, l-entità għandha tippreżumi li s-servizzi mwettqa mill-impjegati bi skambju għad-drittijiet ta' apprezzament tal-ishma jkunu ġew riċevuti. Għalhekk, l-entità għandha tirrikonoxxi minnufih is-servizzi rċevuti u l-obbligazzjoni li għandha tħallas għalihom. Jekk drittijiet ta' apprezzament tal-ishma ma jsirux vestiti sakemm l-impjegati jkunu temmew perjodu speċifikat ta' servizz, l-entità għandha tirrikonoxxi s-servizzi rċevuti, u l-obbligazzjoni li għandha tħallas għalihom, hekk kif l-impjegati jwettqu s-servizz matul dak il-perjodu.

    33.

    L-obbligazzjoni għandha titkejjel, inizjalment u f'kull data tar-rapportaġġ sakemm titħallas, fil-valur ġust tad-drittijiet tal-apprezzament tal-ishma, billi jiġi applikat mudell tal-ipprezzar tal-opzjonijiet, filwaqt li jiġu kkunsidrati t-termini u l-kundizzjonijiet li fuqhom ġew mogħtija d-drittijiet ta' apprezzament tal-ishma, u kemm l-impjegati jkunu taw servizz sa dik id-data – soġġett għar-rekwiżiti tal-paragrafi 33 A-33D. Entità tista' timmodifika t-termini u l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom jingħata pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat bi flus. Fil-paragrafi B44 A–B44C fl-Appendiċi B tingħata gwida għal modifika ta' tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma li jibdel il-klassifikazzjoni tiegħu minn issaldat bi flus għal issaldat b'ekwità.

    TRATTAMENT TAL-KUNDIZZJONIJIET TA' VESTIMENT U DAWK MHUX TA' VESTIMENT

    33 A

    Tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat bi flus tista' ssir fuq kundizzjoni li tissodisfa kundizzjonijiet speċifiċi ta' vestiment. Jista' jkun hemm kundizzjonijiet ta' prestazzjoni li jridu jiġu ssodisfati, bħal pereżempju li l-entità tikseb tkabbir speċifiku fil-profitt jew żieda speċifika fil-prezz tal-ishma tal-entità. Il-kundizzjonijiet ta' vestiment, li mhumiex kundizzjonijiet tas-suq, m'għandhomx jitqiesu meta jiġi stmat il-valur ġust tal-pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat bi flus fid-data tal-kejl. Minflok, il-kundizzjonijiet ta' vestiment, li mhumiex kundizzjonijiet tas-suq, għandhom jiġu kkunsidrati billi jiġi aġġustat in-numru ta' għotjiet inkluż fil-kejl tal-obbligazzjoni li tirriżulta mit-tranżazzjoni.

    33B

    Sabiex tapplika r-rekwiżiti fil-paragrafu 33 A, l-entità għandha tikkontabilizza ammont għall-oġġetti jew għas-servizzi riċevuti matul il-perjodu tal-vestiment. Dak l-ammont għandu jkun ibbażat fuq l-aħjar stima disponibbli tan-numru ta' għotjiet li l-vestiment tagħhom huwa mistenni. L-entità għandha tirrevedi dik l-istima, jekk ikun meħtieġ, jekk informazzjoni sussegwenti tkun tindika li n-numru ta' għotjiet li l-vestiment tagħhom huwa mistenni huwa differenti minn stimi preċedenti. Fid-data tal-vestiment, l-entità għandha tirrevedi l-istima biex tiġi ugwali għan-numru ta' għotjiet li effettivament ikun sar il-vestiment tagħhom.

    33C

    Il-kundizzjonijiet tas-suq, bħal prezz tal-ishma fil-mira li fuqu huwa kkundizzjonat il-vestiment (jew l-eżerċitibilità), kif ukoll il-kundizzjonijiet mhux ta' vestiment, għandhom jitqiesu meta jiġi stmat il-valur ġust tal-pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat bi flus li jkun ingħata u meta jitkejjel mill-ġdid il-valur ġust fi tmiem kull perjodu ta' rapportaġġ u fid-data tas-saldu.

    33D

    B'riżultat tal-applikazzjoni tal-paragrafi 30-33C, l-ammont kumulattiv li huwa effettivament ikkontabilizzat għal oġġetti jew servizzi riċevuti bħala korrispettiv għall-pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat bi flus huwa ugwali għall-flus imħallsa.

    TRANŻAZZJONIJIET TA' PAGAMENT IBBAŻAT FUQ L-ISHMA B'KARATTERISTIKA TA' SALDU NETT GĦALL-OBBLIGI TA' ŻAMMA TAT-TAXXA MINN RAS IL-GĦAJN

    33E

    Il-liġijiet jew ir-regolamenti tat-taxxa jistgħu jobbligaw entità li żżomm ammont għall-obbligu ta' taxxa ta' impjegat assoċjat ma' pagament ibbażat fuq l-ishma u titrasferixxi dak l-ammont, normalment fi flus, lill-awtorità tat-taxxa f'isem l-impjegat. Sabiex dan l-obbligu jkun issodisfat, it-termini tal-arranġament ta' pagament ibbażat fuq l-ishma jista' jippermetti jew jirrikjedi lill-entità li żżomm l-għadd ta' strumenti azzjonarji li jkun indaqs għall-valur monetarju tal-obbligu ta' taxxa tal-impjegat mill-għadd totali ta' strumenti azzjonarji li kieku kien jinħareġ lill-impjegat hekk kif isir l-eżerċizzju (jew il-vestiment) tal-pagament ibbażat fuq l-ishma (jiġifieri l-arranġament ta' pagament ibbażat fuq l-ishma jkollu “karatteristika ta' saldu nett”).

    33F

    Bħala eċċezzjoni għar-rekwiżiti fil-paragrafu 34, it-tranżazzjoni deskritta fil-paragrafu 33E għandha tiġi kklassifikata fl-intier tagħha bħala tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat b'ekwità kieku kienet tiġi kklassifikata bħala tali fin-nuqqas tal-karatteristika ta' saldu nett.

    33G

    L-entità tapplika l-paragrafu 29 ta' dan l-iStandard biex tikkontabilizza ż-żamma ta' ishma biex tiffinanzja l-pagament lill-awtorità tat-taxxa fir-rigward tal-obbligu ta' taxxa tal-impjegat assoċjat mal-pagament ibbażat fuq l-ishma. Għaldaqstant, il-pagament li jsir għandu jkun ikkontabilizzat bħala tnaqqis mill-ekwità għall-ishma miżmuma, għajr sakemm il-pagament ma jkunx akbar mill-valur ġust fid-data tas-saldu nett tal-istrumenti azzjonarji miżmuma.

    33H

    L-eċċezzjoni fil-paragrafu 33F ma tapplikax għal:

    (a)

    arranġament ta' pagament ibbażat fuq l-ishma b'karatteristika ta' saldu nett li għalih ma jkun hemm l-ebda obbligu fuq l-entità skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tat-taxxa li żżomm ammont għall-obbligu ta' taxxa ta' impjegat assoċjat ma' dak il-pagament ibbażat fuq l-ishma; jew

    (b)

    kull strument azzjonarju li l-entità żżomm li jmur lil hinn mill-obbligu ta' taxxa tal-impjegat assoċjat mal-pagament ibbażat fuq l-ishma (jiġifieri l-entità żammet ammont ta' ishma li huwa akbar mill-valur monetarju tal-obbligu ta' taxxa tal-impjegat). Dawn l-ishma eċċessivi miżmuma għandhom ikun kkontabilizzati bħala pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat bi flus meta dan l-ammont jitħallas fi flus (jew assi oħra) lill-impjegat.

    34.

    Għal tranżazzjonijiet ta' pagamenti bbażati fuq l-ishma li fihom it-termini tal-arranġament jagħtu l-għażla jew lill-entità jew lill-kontroparti li l-entità tħallas it-tranżazzjoni bi flus (jew b'assi oħra) jew li toħroġ strumenti azzjonarji, l-entità għandha tikkontabilizza dik it-tranżazzjoni, jew il-komponenti ta' dik it-tranżazzjoni, bħala tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldata bi flus jekk, u sal-punt li, l-entità tkun daħlet għal obbligazzjoni biex tħallas bi flus jew b'assi oħra, jew bħala tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldata b'ekwità jekk, u sal-punt li, ma tkun daħlet għal ebda obbligazzjoni bħal din.

    ŻVELAR

    52.

    Jekk l-informazzjoni meħtieġa li tiġi żvelata minn dan l-IFRS ma tissodisfax il-prinċipji fil-paragrafi 44, 46 u 50, l-entità għandha tiżvela dik l-informazzjoni addizzjonali li tista' tkun meħtieġa biex dawn jiġu ssodisfati. Pereżempju, jekk entità tkun ikklassifikat kull tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma bħala ssaldat b'ekwità f'konformità mal-paragrafu 33F, l-entità għandha tiżvela stima tal-ammont li tistenna li tittrasferixxi lill-awtorità tat-taxxa biex tħallas l-obbligu ta' taxxa tal-impjegat meta jkun meħtieġ li l-utenti jiġu mgħarrfa dwar l-effetti tal-flussi tal-flus fil-futur assoċjati mal-arranġament ta' pagament ibbażat fuq l-ishma.

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI

    59 A

    Entità għandha tapplika l-emendi fil-paragrafi 30-31, 33-33H u B44 A-B44C kif stabbilit aktar 'l isfel. Il-perjodi preċedenti ma għandhomx jiġu ddikjarati mill-ġdid.

    (a)

    L-emendi fil-paragrafi B44 A-B44C japplikaw biss għall-modifiki li jseħħu fid-data jew wara d-data li fiha entità tapplika l-emendi għall-ewwel darba.

    (b)

    L-emendi fil-paragrafi 30-31 u 33-33D japplikaw għal tranżazzjonijiet ta' pagament ibbażat fuq l-ishma li ma jkunux vestiti fid-data li fiha entità tapplika l-emendi għall-ewwel darba u għal tranżazzjonijiet ta' pagament ibbażat fuq l-ishma b'data tal-għotja fid-data jew wara d-data li fiha entità tapplika l-emendi għall-ewwel darba. Għal tranżazzjonijiet mhux vestiti ta' pagament ibbażat fuq l-ishma li jingħataw qabel id-data li fiha entità tapplika l-emendi għall-ewwel darba, entità għandha tkejjel mill-ġdid l-obbligazzjoni f'dik id-data u tikkontabilizza l-effett tal-kejl mill-ġdid fil-qligħ imfaddal tal-ftuħ (jew komponent ieħor ta' ekwità, skont il-każ) tal-perjodu tar-rapportaġġ li fih jiġu applikati l-emendi għall-ewwel darba.

    (c)

    L-emendi fil-paragrafi 33E-33H u l-emendi tal-paragrafu 52 japplikaw għal tranżazzjonijiet mhux vestiti (jew vestiti iżda mhux eżerċitati) ta' pagament ibbażat fuq l-ishma, fid-data li fiha entità tapplika l-emendi għall-ewwel darba u għal tranżazzjonijiet ta' pagament ibbażat fuq l-ishma b'data tal-għotja fid-data jew wara d-data li fiha entità tapplika l-emendi għall-ewwel darba. Għal tranżazzjonijiet (jew komponenti tagħhom) mhux vestiti (jew vestiti iżda mhux eżerċitati) ta' pagament ibbażat fuq l-ishma li qabel kienu kklassifikati bħala pagamenti bbażati fuq l-ishma ssaldati bi flus iżda issa huma kklassifikati bħala ssaldati b'ekwità f'konformità mal-emendi, entità għandha tikklassifika mill-ġdid il-valur riportat tal-obbligazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma għal ekwità, fid-data li fiha tapplika l-emendi għall-ewwel darba.

    59B

    Minkejja r-rekwiżiti fil-paragrafu 59 A, entità tista' tapplika l-emendi fil-paragrafu 63D retrospettivament, soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżitorji fil-paragrafi 53-59 ta' dan l-iStandard, f'konformità mal-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji jekk u biss jekk ikun possibbli mingħajr analiżi b'lura. Jekk entità tagħżel l-applikazzjoni retrospettiva, trid tagħmel hekk għall-emendi kollha li saru permezz ta' Klassifikazzjoni u Kejl ta' Tranżazzjonijiet ta' Pagament ibbażat fuq l-Ishma (Emendi għall-IFRS 2).

    DATA EFFETTIVA

    63.

    Entità għandha tapplika l-emendi segwenti magħmula minn Tranżazzjonijiet ta' Pagament Ibbażat fuq l-Ishma ta' Grupp Issaldati bi Flus maħruġ f'Ġunju 2009 retrospettivament, soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżitorji fil-paragrafi 53-59, f'konformità mal-IAS 8 għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2010 jew wara:

    (a)

    63D

    Klassifikazzjoni u Kejl ta' Tranżazzjonijiet ta' Pagament ibbażat fuq l-Ishma (Emendi għall-IFRS 2) maħruġ f'Ġunju 2016, emenda l-paragrafi 19, 30-31, 33, 52 u 63 u żied il-paragrafi 33 A-33H, 59 A-59B, 63D u B44 A-B44C u l-intestaturi relatati tagħhom. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara. Applikazzjoni qabel din id-data hija permessa. Jekk entità tapplika l-emendi għal perjodu qabel din id-data, għandha tiżvela dak il-fatt.

    Fl-Appendiċi B, jiżdiedu l-paragrafi B44 A-B44C u l-intestatura relatata tagħhom.

    L-ikkontabilizzar ta' modifika ta' tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma li jibdel il-klassifikazzjoni tiegħu minn issaldat bi flus għal issaldat b'ekwità

    B44 A

    Jekk it-termini u l-kundizzjonijiet ta' tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat bi flus jkunu mmodifikati u r-riżultat ikun li din issir tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat b'ekwità, it-tranżazzjoni tiġi kkontabilizzata bħala tali mid-data tal-modifika. B'mod speċifiku:

    (a)

    It-tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat b'ekwità titkejjel billi ssir referenza għall-valur ġust tal-istrumenti azzjonarji mogħtija fid-data tal-modifika. It-tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat b'ekwità tkun kontabilizzata f'ekwità fid-data tal-modifika sa fejn ikunu ġew riċevuti oġġetti jew servizzi.

    (b)

    L-obbligazzjoni għat-tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat bi flus fid-data tal-modifika tiġi dekontabilizzata f'dik id-data.

    (c)

    Kull differenza bejn l-ammont riportat tal-obbligazzjoni dekontabilizzata u l-ammont ta' ekwità kkontabilizzata fid-data tal-modifika tiġi kkontabilizzata minnufih fi profitt jew telf.

    B44B

    Jekk, minħabba l-modifika, il-perjodu tal-vestiment ikun estiż jew imqassar, l-applikazzjoni tar-rekwiżiti fil-paragrafu B44 A tirrifletti l-perjodu mmodifikat tal-vestiment. Ir-rekwiżiti fil-paragrafu B44 A japplikaw anke jekk il-modifika sseħħ wara l-perjodu tal-vestiment.

    B44C

    Tranżazzjoni ta' pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat bi flus tista' tiġi kkanċellata jew imħallsa (ħlief għal tranżazzjoni kkanċellata minħabba telf ta' dritt meta l-kundizzjonijiet tal-vestiment ma jiġux issodisfati). Jekk jingħataw strumenti azzjonarji u, f'dik id-data tal-għotja, l-entità tidentifikahom bħala sostituzzjoni għall-pagament ibbażat fuq l-ishma ssaldat bi flus, l-entità għandha tapplika l-paragrafi B44 A u B44B.


    Top