Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0188

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/188 tal-21 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1394/2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ

C/2017/7679

ĠU L 36, 9.2.2018, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/188/oj

9.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/188

tal-21 ta' Novembru 2017

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1394/2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b'mod progressiv il-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar tal-ħut permezz ta' atti delegati għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin u li jista' jiġġedded darba abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1394/2014 (2) jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-ħut għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art permezz ta' ċerti mekkaniżmi ta' flessibbiltà.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 15(5)(c) (ii), li fost l-oħrajn, ipprovda pjan għall-iskartar tal-ħut għal ċerti eżenzjonijiet mill-obbligu li jħottu l-art il-qabdiet kollha, minħabba spejjeż sproporzjonati tal-ġestjoni tal-qabdiet mhux mixtieqa, għal dawk l-irkapti tas-sajd meta l-qabdiet mhux mixtieqa għal kull irkaptu tas-sajd ma jirrappreżentawx aktar minn ċertu perċentwal tal-qabda totali annwali ta' dak l-irkaptu (“eżenzjonijiet de minimis”).

(5)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1394/2014, il-pjan għall-iskartar tal-ħut jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017.

(6)

Il-Belġju, Franza, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja għandhom interess ta' ġestjoni tas-sajd dirett fl-ilmijiet tal-Lbiċ. Wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv għall-Ilmijiet tal-Lbiċ u mal-Kunsill Konsultattiv għas-Sajd Pelaġiku, fit-2 ta' Ġunju 2017 dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni.

(7)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet li d-durata ta' eżenzjonijiet de minimis stabbilita fi pjan għall-iskartar tal-ħut tiġi estiża għal-livelli ta' qbid skartat riveduti li ġejjin:

sa massimu ta' 6 % fl-2018, u 5 % fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali għall-istokkafixx, maqbuda fis-sajd industrijali bit-tkarkir għal ħut pelaġiku fid-diviżjoni VIII tal-ICES;

sa massimu ta' 6 % fl-2018, u 5 % fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali għall-alonga, maqbuda fis-sajd pelaġiku kbir bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir bil-paranzi tal-fond nofsani fid-diviżjoni VIII tal-ICES;

sa massimu ta' 4 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali għall-inċova, għall-kavalli u għas-sawrell, maqbuda fis-sajd pelaġiku bit-tkarkir fid-diviżjoni VIII tal-ICES;

sa massimu ta' 4 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali għas-sawrell, għas-sawrell ikħal u għall-kavalli, u ta' 1 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020 tat-total tal-qabdiet annwali ta' inċova, maqbuda fis-sajd bil-purse seine fid-diviżjonijiet VIII, IX, X tal-ICES u d-diviżjonijiet 34.1.1, 34.1.2, 34.2.0 tas-CECAF.

(8)

Sabiex jiġġustifikaw l-eżenzjonijiet de minimis suġġeriti, l-Istati Membri pprovdew evidenza dwar l-ispejjeż sproporzjonati ta' ġestjoni tal-qabdiet mhux mixtieqa tal-attivitajiet tas-sajd rilevanti. L-evidenza ġiet analizzata mill-Grupp ta' Ħidma tal-Esperti tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) li kkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet konġunti fihom argumenti raġunati relatati mal-ispejjeż sproporzjonati fil-ġestjoni ta' qabdiet mhux mixtieqa, appoġġjati f'xi każijiet b'valutazzjoni kwalitattiva tal-ispejjeż. Fid-dawl ta' dan kollu u fin-nuqqas ta' informazzjoni xjentifika differenti, huwa xieraq li d-durata tal-eżenzjonijiet de minimis tiġi estiża f'konformità mal-livelli ta' perċentwal proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta u f'livelli li ma jaqbżux dawk permessi skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(9)

L-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1394/2014 jipprevedu rispettivament eżenzjoni tas-sopravivenza għall-inċova, għas-sawrell, għas-sawrell ikħal u għall-kavalli maqbuda f'sajd artiġjanali bil-purse seine u għal daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni speċifiku għall-inċova. Dawk il-miżuri ġew evalwati b'mod pożittiv mill-STECF fl-2014. Il-Kummissjoni tqis li l-evidenza li fuqha kienet ibbażata din l-evalwazzjoni tibqa' valida għat-tliet snin li ġejjin. Għalhekk huwa xieraq li l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri tiġi estiża sal-2020.

(10)

Għaldaqstant ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1394/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(11)

Billi l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd u mal-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, jinħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Billi l-pjan għall-iskartar tal-ħut stabbilit mir-Regolament Delegat (UE) Nru 1394/2014 se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2018,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1394/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Eżenzjonijiet de minimis

B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwanitatijiet li ġejjin:

(a)

sa massimu ta' 6 % fl-2018, u 5 % fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali ta' stokkafixx fis-sajd industrijali bit-tkarkir għal ħut pelaġiku, immirat għall-istokkafixx fid-diviżjoni VIII tal-ICES bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir tal-fond nofsani (OTM) u li jipproċessa dik l-ispeċi abbord sabiex tinkiseb bażi tas-surimi;

(b)

sa massimu ta' 6 % fl-2018, u 5 % fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali għall-alonga, fis-sajd pelaġiku kbir, immirat għall-alonga fid-diviżjoni VIII tal-ICES bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir bil-paranzi tal-fond nofsani (PTM);

(c)

sa massimu ta' 4 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali għall-inċova, għall-kavalli u għas-sawrell, fis-sajd pelaġiku bit-tkarkir, immirat għall-inċova, għall-kavalli u għas-sawrell fid-diviżjoni VIII tal-ICES bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir tal-fond nofsani (OTM);

(d)

sa massimu ta' 4 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali għas-sawrell, għas-sawrell ikħal u għall-kavalli, u ta' 1 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020 tat-total tal-qabdiet annwali ta' inċova, fis-sajd immirat għas-sawrell, għas-sawrell ikħal u għall-kavalli u għall-inċova fid-diviżjonijiet VIII, IX, X tal-ICES u d-diviżjonijiet 34.1.1, 34.1.2, 34.2.0 tas-CECAF bl-użu tal-purse seines (PS).”

(2)

Fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2020.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1394/2014 tal-20 ta' Ottubru 2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd għal ħut pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 31).


Top