This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018R0183
Commission Implementing Regulation (EU) 2018/183 of 7 February 2018 concerning the denial of authorisation of formaldehyde as a feed additive belonging to the functional groups of preservatives and hygiene condition enhancers (Text with EEA relevance. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/183 tas-7 ta' Frar 2018 dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni tal-formaldeid bħala addittiv fl-għalf tal-gruppi funzjonali ta' addittivi preżervattivi u tejjieba tal-kundizzjoni iġjenika (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/183 tas-7 ta' Frar 2018 dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni tal-formaldeid bħala addittiv fl-għalf tal-gruppi funzjonali ta' addittivi preżervattivi u tejjieba tal-kundizzjoni iġjenika (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2018/0594
ĠU L 34, 8.2.2018, pp. 6–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
8.2.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 34/6 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/183
tas-7 ta' Frar 2018
dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni tal-formaldeid bħala addittiv fl-għalf tal-gruppi funzjonali ta' addittivi preżervattivi u tejjieba tal-kundizzjoni iġjenika
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti jew għaċ-ċaħda ta' din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta' dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2). |
|
(2) |
Il-formaldeid kien awtorizzat bid-Direttiva tal-Kummissjoni 83/466/KEE (3) bħala addittiv fl-għalf fil-grupp tal-preżervattivi għal perjodu mingħajr limitu, bi qbil mad-Direttiva 70/524/KEE, għall-qżieqeż ta' età sa sitt xhur biex jintuża fil-ħalib xkumat. Imbagħad dan il-prodott iddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi fl-għalf bħala prodott eżistenti, b'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(3) |
Il-formaldeid (Nru EC 200-001-8, Nru CAS 50-00-0) iddaħħal fil-lista, stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 (4), tas-sustanzi attivi li kellhom jiġu vvalutati bil-possibbiltà li jiddaħħlu fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament u tal-Kunsill (6), li jissostitwixxi d-Direttiva 98/8/KE, ma jkoprix il-prodotti li jintużaw bħala preżervattivi tal-għalf billi jikkontrollaw l-organiżmi ta' ħsara, b'mod partikolari s-sustanzi għat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-għalf bis-Salmonella, minħabba l-fatt li dawn il-prodotti jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Bi qbil mad-Deċiżjoni 2013/204/UE (7), mill-1 ta' Lulju 2015 il-prodotti bijoċidali għall-użu bħala preżervattivi fl-għalf u li fihom il-formaldeid ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq. Dik id-data kienet ġiet iffissata biex jingħata ż-żmien meħtieġ għat-tranżizzjoni mir-reġim regolatorju dwar il-prodotti bijoċidali għar-reġim dwar l-addittivi fl-għalf skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(4) |
Tressqu żewġ applikazzjonijiet, bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, għall-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni ta' formaldeid bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali “preżervattivi”. L-applikazzjonijiet it-tnejn jinkludu l-użu fil-ħalib xkumat għall-qżieqeż ta' età sa sitt xhur, bħala prodott eżistenti, b'konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Ma' dawk l-applikazzjonijiet intbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(5) |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni ta' formaldeid bħala addittiv fl-għalf għall-qżieqeż u għall-pollam, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali “tejjieba tal-kundizzjoni iġjenika”. Ma' din l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(6) |
Fiż-żewġ opinjonijiet tagħha tat-28 ta' Jannar 2014 (8) u tal-1 ta' Lulju 2014 (9), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li fir-rigward tal-ispeċijiet fil-mira, il-preparazzjoni tal-formaldeid tkun sikura b'livelli ta' konċentrazzjonijiet speċifiċi għat-tiġieġ għas-simna, għat-tiġieġ tal-bajd, għas-Summien tal-Ġappun u għall-ħnienes (miftuma), iżda li ma setax jiġi ddeterminat livell sikur għall-ispeċijiet u għall-kategoriji tal-annimali kollha, anki għall-pollam u għall-qżieqeż. Barra minn hekk, livell ta' konċentrazzjoni tal-formaldeid li jkun sikur għar-riproduzzjoni għall-ispeċijiet fil-mira ma setax jinsab mill-istudji disponibbli. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-preparazzjoni tal-formaldeid għandha l-potenzjal li tkun effettiva bħala preżervattiv u bħala tejjieba tal-kundizzjoni iġjenika biex tnaqqas it-tkabbir tal-mikrobi fl-għalf li jkun ikkontaminat bis-Salmonella. F'dawk it-tliet opinjonijiet, l-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-formaldeid iqajjem it-tħassib dwar is-sikurezza għall-utenti. Il-formaldeid huwa sustanza tossika, irritant qawwi, sensitizzatur qawwi tal-ġilda u tas-sistema respiratorja (inkluża l-ażma okkupazzjonali) u jikkawża l-ħsara għall-għajnejn. Fl-opinjonijiet tagħha, l-Awtorità semmiet li filwaqt li l-irritazzjoni lokali hija mistennija li żżid b'mod qawwi l-karċinoġenesi, huwa magħruf li konċentrazzjonijiet aktar baxxi lokali ta' formaldeid jipproduċu l-addutti fid-DNA, u għalhekk hija tal-fehma li jkun prudenti li l-esponiment għal konċentrazzjoni li mhijiex irritanti mhuwiex kompletament mingħajr riskji. L-Awtorità kkonkludiet li, barra minn hekk, abbażi tal-għarfien attwalment disponibbli, wieħed ma jistax jeskludi assoċjazzjoni kawżali bejn l-esponiment għall-formaldeid u l-lewċemija. L-Awtorità kkonkludiet li, rigward l-użu fl-għalf tal-preparazzjoni ta' formaldeid mitlub, ma jistax jiġi identifikat livell ta' esponiment sikur tal-formaldeid għall-għajnejn, għall-ġilda, jew għas-sistema respiratorja. Għalhekk, l-Awtorità rrakkomandat li għandhom jittieħdu l-miżuri li jiżguraw li s-sistema respiratorja, il-ġilda u għajnejn il-persuni li jmissu l-prodott ma jiġux esposti għal ebda trab, raxx jew fwar li jiġi ġġenerat mill-użu tal-formaldeid. Barra minn hekk, l-Awtorità rrakkomandat li għandu jkun hemm ħsieb dwar jekk l-utenti jkunux effettivament protetti, anki ladarba jiġu stabbiliti miżuri ta' protezzjoni stretti. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi fl-addittiv tal-għalf fl-għalf sottomess mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(7) |
Il-formaldeid huwa kklassifikat bħala karċinoġenu (tal-kategorija 1B) meta jittieħed man-nifs u mutaġeniku għaċ-ċelloli ġerminali (tal-kategorija 2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). |
|
(8) |
Fil-qafas tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, qegħdin jiġu żviluppati l-limiti għall-esponiment okkupazzjonali għall-formaldeid. Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-30 ta' Ġunju 2016 (11), il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE (12), ta deċiżjoni dwar valur ta' limitu għall-formaldeid ibbażata fuq valutazzjoni tal-mod ta' azzjoni, li mbagħad tqieset mill-Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (13) tripartitiku, bi qbil mal-proċeduri biex jiġu stabbiliti l-limiti tal-esponiment okkupazzjonali. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, il-miżura dwar l-awtorizzazzjoni ta' addittiv trid tqis ir-rekwiżiti tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament, kif ukoll il-liġi Komunitarja u fatturi leġittmi oħrajn li jkunu rilevanti għas-suġġett fil-kwistjoni. Għaldaqstant jenħtieġ li d-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tar-riskji li tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-formaldeid bħala addittiv fl-għalf tkun ibbażata fuq l-informazzjoni kollha disponibbli dwar ir-riskji li jeżistu, b'mod partikolari, minn naħa waħda r-riskji li hemm meta l-utenti, b'mod partikolari l-ħaddiema, jużaw il-formaldeid, u min-naħa l-oħra ir-riskji għall-annimali jew għall-konsumaturi tal-prodotti tal-annimali kkonċernati, li jistgħu jinqalgħu jekk il-formaldeid ma jintużax bħala addittiv fl-għalf. |
|
(10) |
Skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u b'mod partikolari skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), min iħaddem għandu jnaqqas l-użu ta' karċinoġenu jew mutaġenu fuq il-post tax-xogħol, b'mod partikolari billi jibdlu, sa fejn hu teknikament possibbli, b'sustanza, b'taħlita jew bi proċess li, taħt il-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom, ma jkunux perikolużi jew inqas perikolużi għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. |
|
(11) |
Minħabba r-riskji serji għall-utenti li jpoġġi l-użu tal-formaldeid, din is-sistema ta' sostituzzjoni hija tajba wkoll għal dak l-addittiv, meta wieħed iqis l-għan li jkun hemm livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-interessi tal-utenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 u l-prinċipju ta' prekawzjoni stipulat fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). |
|
(12) |
Rigward il-possibbiltà ta' prodotti alternattivi għall-formaldeid bħala addittiv tal-grupp funzjonali tal-preżervattivi, fl-Unjoni hemm għadd ta' addittivi tal-istess grupp funzjonali li fil-preżent huma awtorizzati. |
|
(13) |
Rigward il-possibbiltà ta' prodotti alternattivi għall-formaldeid bħala addittiv tal-grupp funzjonali tejjieba tal-kundizzjoni iġjenika (16), bħalissa qed issir riċerka biex jiġu żviluppati addittivi li jkunu sikuri u effikaċi biex inaqqsu l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika fl-għalf. Diġà ġie awtorizzat (17) addittiv f'dak il-grupp funzjonali, għalkemm għandu mekkaniżmu ta' azzjoni differenti, u għaldaqstant dan huwa meqjus li huwa alternattiv biex inaqqas l-għadd ta' patoġeni batterjali, fosthom is-Salmonella spp, fl-għalf, mingħajr ma jqajjem it-tħassib dwar is-sikurezza tal-utenti li jqajjem l-użu tal-formaldeid. Tressqu diversi applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' addittivi oħrajn f'dak il-grupp funzjonali, u dawn qegħdin jiġu vvalutati bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Barra minn hekk, addittivi fl-għalf oħrajn awtorizzati jistgħu, bħala addittivi zootekniċi, itejbu l-kwalità tal-prodotti tal-annimali billi jnaqqsu l-kontaminazzjoni bl-enteropatoġeni bħalma hu s-Salmonella spp. |
|
(14) |
Barra mill-possibbiltà li jintużaw prodotti alternattivi għall-formaldeid għall-iskopijiet maħsubin fl-għalf, l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar l-iġjene u l-prattiki tajba tul il-katina alimentari, kif stipulati fir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), tagħti kontribut lejn is-sikurezza u l-kwalità tal-għalf permezz ta' approċċ preventiv. B'mod partikolari, f'dak il-qafas huma stipulati miżuri speċifiċi dwar l-iġjene, għall-kontroll, għall-prevenzjoni u għat-trattament tal-għalf li jkun ikkontaminat bis-Salmonella. |
|
(15) |
Mill-elementi msemmijin hawn fuq jidher li, meta jitqiesu l-effetti ħżiena tal-formaldeid fuq is-saħħa tal-utenti li jmissu s-sustanza, flimkien mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, u flimkien mal-fatt li jeżistu prodotti u miżuri li ma jqajmux l-istess tħassib dwar is-sikurezza tal-bniedem li huma disponibbli bħala alternattivi għall-użi maħsubin tal-formaldeid fl-għalf, il-vantaġġi tal-formaldeid ma jikkumpensawx għar-riskji għas-saħħa. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 mhumiex issodisfati, u b'hekk l-awtorizzazzjoni tal-formaldeid bħala addittiv fl-għalf għall-użu bħala preżervattiv u bħala tejjieb tal-kundizzjoni iġjenika jenħtieġ li tiċċaħħad. |
|
(16) |
Billi jekk ikompli jintuża l-formaldeid jista' jkun ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem, l-addittiv fl-għalf tal-grupp funzjonali “preżervattivi” għall-użu fil-ħalib xkumat għall-qżieqes ta' età sa sitt xhur, u t-taħlitiet lesti minn qabel li fihom dan l-addittiv, jenħtieġ li jiġu rtirati mis-suq mill-aktar fis possibbli. Madankollu, għal raġunijiet prattiċi jenħtieġ li jingħata perjodu limitat għall-irtirar mis-suq tal-istokkijiet ta' dawk il-prodotti li jeżistu biex l-operaturi jkunu jistgħu jikkonformaw tajjeb mal-obbligu tal-irtirar. B'riżultat ta' dan, għandu jingħata wkoll perjodu limitat għall-irtirar mis-suq tal-ħalib xkumat li fih dan l-addittiv jew it-taħlitiet lesti, u l-għalf kompost li fih dan il-ħalib xkumat, biex jitqies l-użu ta' dawk il-prodotti fil-katina alimentari. |
|
(17) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ċaħda tal-awtorizzazzjoni
L-awtorizzazzjoni tal-formaldeid bħala addittiv fin-nutriment tal-annimali, li hu tal-kategorija tal-addittivi “adittivi teknoloġiċi” u tal-gruppi funzjonali “preżervattivi” u “tejjieba tal-kundizzjoni iġjenika” hija miċħuda.
Artikolu 2
L-irtirar mis-suq
1. L-istokkijiet eżistenti tal-formaldeid bħala addittiv tal-kategorija tal-addittivi “addittivi teknoloġiċi” u tal-grupp funzjonali “preżervattivi” għall-użu fil-ħalib xkumat għall-qżieqeż ta' età sa sitt xhur, u tat-taħlitiet lesti minn qabel li fihom dan l-addittiv, għandhom jiġu rtirati mis-suq mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mit-28 ta' Mejju 2018.
2. Il-ħalib xkumat li fih dan l-addittiv jew il-ħalib xkumat li fih it-taħlitiet lesti minn qabel imsemmijin fil-paragrafu 1, u l-għalf kompost li fih dan il-ħalib xkumat, li ġew prodotti qabel it-28 ta' Mejju 2018 għandhom jiġu rtirati mis-suq mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mit-28 ta' Awwissu 2018.
Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta' Novembru 1970 li tirrigwarda adittivi f'għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).
(3) It-43 Direttiva tal-Kumnmissjoni 83/466/KEE tat-28 ta' Lulju 1983 li temenda l-Annessi tad-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE li tirrigwarda adittivi f'għalf għall-bhejjem (ĠU L 255, 15.9.1983, p. 28). Id-deskrizzjoni kimika tal-addittiv ġiet ippreċiżata aħjar fid-Direttiva tal-Kummissjoni 85/429/KEE tat-8 ta' Lulju 1985 li temenda l-Annessi tad-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE dwar l-addittivi fl-għalf (ĠU L 245, 12.9.1985, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta' Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta' ħidma ta' 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3).
(5) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/204/UE tal-25 ta' April 2013 dwar in-noninklużjoni tal-formaldeid għall-prodotti tat-tip 20 fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 117, 27.4.2013, p. 18).
(8) EFSA Journal 2014;12(2):3561 u EFSA Journal 2014;12(2):3562.
(9) EFSA Journal 2014;12(7):3790.
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE tat-3 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE (ĠU L 62, 4.3.2014, p. 18).
(12) SCOEL/REC/125. Dan huwa disponibbli fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/7a7ae0c9-c03d-11e6-a6db-01aa75ed71a1
(13) Il-Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/C 218/01 tat-22 ta' Lulju 2003 li jistabbilixxi Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ĠU C 218, 13.9.2003, p. 1).
(14) Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (is-Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(16) Dan il-grupp funzjonali ġie stabbilit bħala r-riżultat tal-iżvilupp teknoloġiku u xjentifiku mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2294 tad-9 ta' Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-twaqqif ta' grupp funzjonali ġdid tal-additivi tal-għalf (ĠU L 324, 10.12.2015, p. 3).
(17) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/940 tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar l-awtorizzazzjoni tal-aċidu formiku bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 40).
(18) Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1).