EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0097

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/97 tat-22 ta' Jannar 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tas-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa fil-prodotti fini tal-forn (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2018/0211

ĠU L 17, 23.1.2018, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/97/oj

23.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 17/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/97

tat-22 ta' Jannar 2018

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tas-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa fil-prodotti fini tal-forn

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew b'inizjattiva tal-Kummissjoni, jew wara li titressaq applikazzjoni.

(3)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu tal-Acesulfame K (E 950), tal-Aspartame (E 951), tal-Aċidu ċiklamiku (E 952) u tal-imluħa Na u Ca tiegħu, taz-Zakkarina (E 954) u tal-imluħa Na, K u Ca tagħha, tas-Sukralożju (E 955), tan-Neoesperidina DC (E 959), tan-Neotame (E 961), tal-Melħ tal-aspartame-acesulfame (E 962) u tal-Advantame (E 969) fi “prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali”.

(4)

L-użu ta' sustanzi li jagħtu l-ħlewwa fi “prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali” ġie awtorizzat bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/35/KE (3). L-ikel “prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali” kopra l-“ikel għall-persuni li jbatu minn disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete)” irregolati bid-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE (4). Din id-Direttiva stabbiliet definizzjoni komuni għall-“oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari” u pprevediet li jistgħu jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' “ikel għall-persuni li jbatu minn disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete)”, kategorija ta' ikel li taqa' taħt id-definizzjoni ta' oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari.

(5)

Madankollu, kif ġie konkluż fir-rapport tal-Kummissjoni (5) dwar ikel għall-persuni li jbatu mid-dijabete, il-bażi xjentifika għat-twaqqif ta' rekwiżiti speċifiċi ta' kompożizzjoni għal dak l-ikel kienet nieqsa. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ħassar il-kunċett ta' “oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari”, inkluż dak ta' “ikel għall-persuni li jbatu minn disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete)”.

(6)

Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta' dawk is-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa fi “prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali” skont l-Artikolu 7(c) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 ma għadhiex iġġustifikata u jenħtieġ li dawk il-prodotti ma jibqgħux jiġu kkummerċjalizzati.

(7)

Barra minn hekk, l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-użu ta' sustanzi li jagħtu l-ħlewwa tiżgura ċ-ċarezza u l-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li jitħassru l-annotazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel Acesulfame K (E 950), tal-Aspartame (E 951), tal-Aċidu ċiklamiku (E 952) u tal-imluħa Na u Ca tiegħu, taz-Zakkarina (E 954) u tal-imluħa Na, K u Ca tagħha, tas-Sukralożju (E 955), tan-Neoesperidina DC (E 959), tan-Neotame (E 961), tal-Melħ tal-aspartame-acesulfame (E 962) u tal-Advantame (E 969) li jirreferu għall-użu fi “prodotti fini tal-forn [biss] għal użu nutrittiv speċjali” fil-kategorija tal-ikel 07.2 — prodotti fini tal-forn.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(10)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jitħallew jadattaw għar-regoli l-ġodda, huwa xieraq li jiġi previst perjodu tranżizzjonali li matulu l-prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali li jkun fihom xi waħda minn dawk is-sustanzi li jagħtu ħlewwa jkunu jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-prodotti fini tal-forn għal użu nutrittiv speċjali li jkun fihom l-Acesulfame K (E 950), tal-Aspartame (E 951), tal-Aċidu ċiklamiku (E952) u tal-imluħa Na u Ca tiegħu, taz-Zakkarina (E 954) u tal-imluħa Na, K u Ca tagħha, tas-Sukralożju (E 955), tan-Neoesperidina DC (E 959), tan-Neotame (E 961), tal-Melħ tal-aspartame-acesulfame (E 962) u tal-Advantame (E 969) li jkunu tqiegħdu fis-suq b'mod legali qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm il-ħażniet jiġu eżawriti.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/35/KE tat-30 ta' Ġunju 1994 dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f'oġġetti tal-ikel (ĠU L 237, 10.9.1994, p. 3).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill tat-3 ta' Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta' nutriment partikolari (89/398/KEE) (ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27).

(5)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ikel għal persuni li jbatu minn taqlib fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete) tal-1 ta' Lulju 2008 (KUMM/2008/ 392 finali).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).


ANNESS

Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

1.

L-annotazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel Acesulfame K (E 950), Aspartame (E 951), Aċidu ċiklamiku (E 952) u l-imluħa Na u Ca tiegħu, Zakkarina (E 954) u l-imluħa Na, K u Ca tagħha, Sukralożju (E 955), Neoesperidina DC (E 959), Neotame (E 961), Melħ tal-aspartame-acesulfame (E 962) u Advantame (E 969) li jirreferu għall-użu fi “prodotti fini tal-forn [biss] għal użu nutrittiv speċjali” fil-kategorija tal-ikel 07.2 — “Prodotti fini tal-forn” — jitħassru.


Top