Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0088

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/88 tat-22 ta' Jannar 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

    ĠU L 16I, 22.1.2018, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/88/oj

    22.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 16/6


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/88

    tat-22 ta' Jannar 2018

    li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat-13 ta' Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/2063.

    (2)

    Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Venezwela li jirriaffermaw li d-djalogu kostruttiv u n-negozjati huma l-uniku mod sostenibbli biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali u biex tingħata risposta għall-ħtiġijiet urġenti tal-poplu tal-Venezwela.

    (3)

    Il-Kunsill, filwaqt li enfasizza t-tħassib tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-pajjiż, adotta miżuri restrittivi u nnota li dawk il-miżuri ser jintużaw b'mod gradwali u flessibbli u jistgħu jiġu estiżi, billi jiffokaw fuq dawk involuti fin-nuqqas ta' rispett tal-prinċipji demokratiċi jew tal-istat tad-dritt u fil-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

    (4)

    Fid-dawl tad-deterjorazzjoni kontinwata tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, seba' persuni għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063.

    (5)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Jannar 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  ĠU L 295, 14.11.2017, p. 21.


    ANNESS

    Il-persuni li ġejjin huma miżjuda mal-lista ta' persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063:

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “1.

    Néstor Luis Reverol Torres

    Data tat-twelid: 28 ta' Ottubru 1964

    Ministru għall-Intern, il-Ġustizzja u l-Paċi; ex Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, inkluża l-projbizzjoni u r-repressjoni ta' dimostrazzjonijiet politiċi

    22.1.2018

    2.

    Gustavo Enrique González López

    Data tat-twelid: 2 ta' Novembru 1960

    Kap tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN). Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem (inklużi d-detenzjoni arbitrarja, trattament inuman u degradanti, u tortura) u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela.

    22.1.2018

    3.

    Tibisay Lucena Ramírez

    Data tat-twelid: 26 ta' April 1959

    President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral – CNE). L-azzjonijiet u l-politiki tagħha dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bil-faċilitazzjoni tat-twaqqif ta' Assemblea Kostitwenti billi naqset milli tiżgura li s-CNE jibqa' istituzzjoni imparzjali u indipendenti skont il-Kostituzzjoni tal-Venezwela

    22.1.2018

    4.

    Antonio José Benavides Torres

    Data tat-twelid: 13 ta' Ġunju 1961

    Kap tal-Gvern tad-Distrett Kapitali (Distrito Capital). Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana sal-21 ta' Ġunju 2017. Involut fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, u responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana taħt il-kmand tiegħu. L-azzjonijiet u l-politiki tiegħu bħala Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, inkluż li l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana tmexxi fis-sorveljanza ta' dimostrazzjonijiet ċivili u t-tħabrik pubbliku biex il-qrati militari jkollhom ġurisdizzjoni fuq il-persuni ċivili, dgħajfu l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

    22.1.2018

    5.

    Maikel José Moreno Pérez

    Data tat-twelid: 12 ta' Diċembru 1965

    President, u ex Viċi President, tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Venezuela (Tribunal Supremo de Justicia). F'dawn ir-rwoli, huwa appoġġa u ffaċilita l-azzjonijiet u l-politiki tal-Gvern li dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa responsabbli għal azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li użurpaw l-awtorità tal-Assemblea Nazzjonali.

    22.1.2018

    6.

    Tarek William Saab Halabi

    Data tat-twelid: 10 ta' Settembru 1963

    Avukat Ġenerali tal-Venezwela maħtur mill-Assemblea Kostitwenti. F'dan ir-rwol u r-rwoli preċedenti bħala Ombudsman u President tal-Kunsill Morali Repubblikan, huwa dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela billi pubblikament appoġġa azzjonijiet kontra avversarji tal-Gvern u l-irtirar ta' kompetenzi mill-Assemblea Nazzjonali.

    22.1.2018

    7.

    Diosdado Cabello Rondón

    Data tat-twelid: 15 ta' April 1963

    Membru tal-Assemblea Kostitwenti u l-Ewwel Viċi President tal-Partit Soċjalista Magħqud tal-Venezwela (PSUV). Involut f'azzjonijiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bl-użu tal-media biex jiġu attakkati u mhedda pubblikament l-oppożizzjoni politika, media oħra u s-soċjetà ċivili.

    22.1.2018.”


    Top