Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0079

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/79 tat-18 ta' Jannar 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 10/2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/0148

    ĠU L 14, 19.1.2018, p. 31–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/79/oj

    19.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 14/31


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/79

    tat-18 ta' Jannar 2018

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 10/2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a), (d), (e), (h), u (i), l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 12(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 (2) (“ir-Regolament”) jistabbilixxi lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni li jistgħu jintużaw fil-materjali u fl-oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel.

    (2)

    Mill-aħħar darba li ġie emendat ir-Regolament (UE) Nru 10/2011, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat opinjonijiet xjentifiċi oħra dwar sustanzi partikolari li jistgħu jintużaw f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel (“FCM”) kif ukoll dwar l-użu permess ta' sustanzi li diġà tkun inħarġet awtorizzazzjoni għalihom. Sabiex jiġi żgurat li r-Regolament (UE) Nru 10/2011 jirrifletti s-sejbiet l-iktar reċenti tal-Awtorità, jeħtieġ li dak ir-Regolament jiġi emendat.

    (3)

    L-awtorità adottat opinjoni xjentifika favorevoli (3) dwar l-użu tas-sustanza (il-butadjen, is-stiren, il-metakrilat tal-metil, l-akrilat tal-butil) il-kopolimeru retikolat mad-divinilbenżin jew il-1,3-butandiol dimetakrilat (is-sustanza FCM Nru 856 u CAS Nru 25101-28-4). L-Awtorità kkonkludiet li s-sustanza mhix ta' tħassib għas-sikurezza tal-konsumatur jekk tintuża bħala addittiv polimeriku sa 40 % w/w f'taħlitiet ta' kopolimeru akrilonitrili tal-istiren (SAN)/poli (metakrilat tal-metil) (PMMA) l-oġġetti li jintużaw b'mod repetittiv maħsuba għall-kuntatt f'temperatura ambjentali ma' oġġetti tal-ikel milwiema, aċidużi u/jew b'alkoħol baxx (< 20 %) għal aktar minn jum u ma' oġġetti tal-ikel xotti għal kwalunkwe tul ta' żmien ta' kuntatt, inkluż il-ħżin fit-tul. L-awtorizzazzjoni attwali ta' din is-sustanza għandha tiġi estiża biex tinkludi dan l-użu, sakemm dawk l-ispeċifikazzjonijiet jiġu ssodisfati.

    (4)

    L-awtorità adottat opinjoni xjentifika favorevoli (4) dwar l-użu tal-monomeru 2,4,4′-triflworobenżofenon (is-sustanza FCM Nru 1061 u CAS Nru 80512-44-3). L-Awtorità kkonkludiet li din is-sustanza mhix ta' tħassib għas-sikurezza tal-konsumatur jekk tintuża bħala komonomeru sa 0,3 % w/w ibbażat fuq il-materjal finali fil-manifattura tal-plastik tal-polietere tal-keton tal-etere. Għalhekk, jenħtieġ li din tiġi inkluża fil-lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni bir-restrizzjoni li jenħtieġ li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jiġu ssodisfati.

    (5)

    L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika favorevoli (5) dwar l-użu tal-monomeru 2,3,3,4,4,5,5-ettafluworo-1-pentene (is-sustanza FCM Nru 1063 u CAS Nru 1547-26-8). L-Awtorità kkonkludiet li s-sustanza mhix ta' tħassib għas-sikurezza tal-konsumatur jekk tintuża bħala komonomeru flimkien mal-komonomeri tat-tetrafulworoetilen u/jew mal-etilen biex jiġu mmanifatturati l-flworocopolimeri li huma maħsuba biss biex jiġu applikati bħala għajnuniet għall-ipproċessar tal-polimeru sa 0,2 % w/w tal-FCM. Għal din l-applikazzjoni, il-frazzjoni ta' massa molekulari baxxa li taqa' taħt il-1 500 Da fil-flworokopolimer ma teħtieġx li tkun akbar minn 30 mg/kg. Għalhekk, jenħtieġ li dak il-monomeru jiġi inkluż fil-lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni bir-restrizzjoni li jenħtieġ li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jiġu ssodisfati.

    (6)

    L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika favorevoli (6) dwar l-użu tas-sustanza ossidu tat-tungstenu (WOn (n = 2,72–2,90)) (sustanza FCM Nru 1064 u Nru CAS 39318-18-8). L-Awtorità kkonkludiet li s-sustanza mhijiex ta' tħassib għas-sikurezza tal-konsumatur jekk l-addittiv jintuża bħala aġent ta' tisħin mill-ġdid fil-polietilen tereftalat (PET). L-Awtorità kkunsidrat li minħabba l-insolubilità tas-sustanza, hija mistennija migrazzjoni baxxa għal kwalunkwe użu prevedibbli bħala addittiv ta' tisħin mill-ġdid fil-PET. Għalhekk, il-verifika tal-limitu tal-migrazzjoni mhix neċessarja. Għal funzjonijiet tekniċi oħra jew għal użu f'polimeri oħra, l-Awtorità kkonkludiet li l-migrazzjoni ma teħtieġx tkun aktar minn 0,05 mg/kg (espressa bħala tungstenu). Għalhekk, is-sustanza tenħtieġ tiġi inkluża fil-lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni bir-restrizzjoni li jenħtieġ li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jiġu ssodisfati.

    (7)

    L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika favorevoli (7) dwar l-użu tat-taħlita tal-alkamidi C14-C18 tal-metil bil-fergħat u lineari, idderivati minn aċidi xaħmin (is-sustanza tal-FCM Nru 1065 u CAS Nru 85711-28-0). L-Awtorità kkonkludiet li s-sustanza mhix ta' tħassib għas-sikurezza tal-konsumatur jekk tintuża fil-manifattura tal-oġġetti poljolefini maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-oġġetti tal-ikel kollha minbarra l-ikel imxaħħam (kif iddefinit mis-simulant D2) u meta l-migrazzjoni tagħha ma taqbiżx il-5 mg/kg ta' ikel. Għalhekk, jenħtieġ li dik it-taħlita tiddaħħal fil-lista ta' sustanzi awtorizzati tal-Unjoni bir-restrizzjoni li jenħtieġ li dawk l-ispeċifikazzjonijiet jiġu ssodisfati.

    (8)

    Għalhekk, l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 jenħtieġ jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik li jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 10/2011 kif applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jitqiegħdu fis-suq sat-8 ta' Frar 2019 u jistgħu jibqgħu fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Jannar 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta' Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1).

    (3)  EFSA Journal 2016;14(11):4637.

    (4)  EFSA Journal 2016;14(7):4532.

    (5)  EFSA Journal 2016;14(10):4582.

    (6)  EFSA Journal 2017;15(1):4661.

    (7)  EFSA Journal 2017;15(2):4724.


    ANNESS

    L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    fil-punt 1, it-Tabella 1 tiġi emendata kif ġej:

    (a)

    l-entrata li tikkonċerna s-sustanza FCM Nru 856 tinbidel b'dan li ġej:

    “856

    40563

    25101-28-4

    (butadjen, stiren, metakrilat tal-metil, butil akrilat) kopolimeru retikolat b'divinilbenżen jew b'1,3-butanedjol dimetakrilat

    iva

    le

    le

     

     

    Għall-użu biss fi:

    poli (klorur tal-vinil) (PVC) riġidu f'livell massimu ta' 12 % f'temperatura ambjentali jew inqas; jew

    sa 40 % w/w f'taħlitiet ta' oġġetti li jintużaw b'mod repetittiv magħmulin minn kopolimeru akrilonitrili tal-istiren (SAN)/poli (metakrilat tal-metil) (PMMA) f'temperatura ambjentali jew anqas, u meta jkunu f'kuntatt ma' oġġetti tal-ikel milwiema, aċidużi u/jew b'alkoħol baxx (< 20 %) għal anqas minn jum wieħed, jew meta jkunu f'kuntatt biss ma' oġġetti tal-ikel xotti għal kwalunkwe tul ta' żmien ta' kuntatt.”

     

    (b)

    l-entrati li ġejjin jiddaħħlu f'ordni numerika għas-sustanzi bin-Nri tal-FCM:

    “1061

     

    80512-44-3

    2,4,4′-triflworobenżofenon

    le

    iva

    le

     

     

    Għandha tintuża biss bħala komonomeru tal-plastik tal-polietere tal-keton tal-etere sa 0,3 % w/w tal-materjal finali.

     

    1063

     

    1547-26-8

    2,3,3,4,4,5,5-ettafluworo-1-pentene

    le

    iva

    le

     

     

    Għandha tintuża biss flimkien ma' komonomeru/jew tat-tetrafulworoetilen u/jew tal-etilen għall-manifattura tal-flworocopolimeri għall-applikazzjoni bħala għajnuna għall-ipproċessar tal-polimeru sa 0,2 % w/w tal-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel, u meta il-frazzjoni ta' massa molekulari baxxa anqas minn 1 500  Da fil-flworokopolimer ma taqbiżx it-30 mg/kg.

     

    1064

     

    39318-18-8

    ossidu tat-tungstenu

    iva

    le

    le

    0,05

     

    Stojkjometrija: WOn, n = 2,72–2,90

    (25)

    1065

     

    85711-28-0

    taħlita tal-alkamidi C14-C18 tal-metil bil-fergħat u lineari, idderivati minn aċidi xaħmin

    iva

    le

    le

    5

     

    Għandha tintuża biss fil-manifattura ta' oġġetti magħmula minn poliolefini, u li ma jiġux f'kuntatt mal-ikel li għalih is-simulant tal-ikel D2 qed jingħata fit-Tabella 2 tal-Anness III.

    (26)”

    (2)

    fil-punt 3, fit-Tabella 3, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

    “(25)

    Meta tintuża bħala aġent ta' tisħin mill-ġdid fil-polietilentereftalat (PET) il-verifika tal-konformità mal-limitu ta' migrazzjoni speċifika mhix meħtieġa; fil-każijiet l-oħra kollha, il-konformità mal-limitu ta' migrazzjoni speċifika għandha tiġi verifikata skont l-Artikolu 18; il-limitu ta' migrazzjoni speċifika jiġi espress bħala mg/kg ta' ikel tat-tungstenu.

    (26)

    Il-migrazzjoni tal-istearammid, elenkata fit-Tabella 1 skont is-sustanza FCM Nru 306 li ebda limitu ta' migrazzjoni speċifika ma japplika għaliha, għandha tiġi eskluża mill-verifika tal-konformità tal-migrazzjoni tat-taħlita b'limitu ta' migrazzjoni speċifika stipulata għat-taħlita.”


    Top