EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0072

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/72 tal-4 ta' Ottubru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' pagament ibbażati fuq kards fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar biex tkun żgurata l-applikazzjoni ta' rekwiżiti ta' indipendenza f'termini ta' kontabbiltà, organizzazzjoni u l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/6652

ĠU L 13, 18.1.2018, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/72/oj

18.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/72

tal-4 ta' Ottubru 2017

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' pagament ibbażati fuq kards fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar biex tkun żgurata l-applikazzjoni ta' rekwiżiti ta' indipendenza f'termini ta' kontabbiltà, organizzazzjoni u l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 7(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu speċifikati r-rekwiżiti li jiżguraw is-separazzjoni ta' skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar, ikun xieraq li jiġu definiti ċerti termini fir-rigward tal-kontabbiltà, l-organizzazzjoni u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar, irrespettivament mill-forma legali adottata minn dawk l-entitajiet.

(2)

L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar għandu jkollhom fis-seħħ proċessi ta' kontabilità li jippermettulhom li jipproduċu informazzjoni finanzjarja dwar kontijiet separati tal-qligħ u t-telf u noti ta' spjegazzjoni għal dik l-informazzjoni finanzjarja. Dawk ir-rekwiżiti m'għandhomx jissostitwixxu jew jemendaw il-prinċipji u standards tal-kontabilità jew rekwiżiti li jikkonċernaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali li diġà japplikaw għal skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar.

(3)

Għal dak l-għan, huwa xieraq li jiġi speċifikat kif l-ispejjeż u d-dħul għandhom ikunu allokati skont dawn il-proċessi ta' kontabilità. Dawk il-proċessi ta' kontabilità għandhom jiġu ddokumentati kif xieraq, b'mod partikolari fir-rigward ta' trasferimenti ta' fondi bejn l-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar.

(4)

Sabiex tkun żgurata l-indipendenza, l-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar għandhom jipproduċu informazzjoni finanzjarja mill-inqas kull sena u dik l-informazzjoni għandha tiġi analizzata minn awditur indipendenti. Dik l-informazzjoni kif ukoll ir-reviżjoni tagħha jridu jkunu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom biex ikunu jistgħu jiżguraw l-infurzar ta' rekwiżiti ta' indipendenza.

(5)

L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar li mhumiex persuni ġuridiċi separati għandhom għall-inqas jiġu organizzati bħala unitajiet ta' negozju interni differenti. Persunal ta' skemi ta' kards ta' pagament u l-persunal ta' entitajiet ta' pproċessar, inkluż il-maniġment ta' grad għoli, għandhom ikunu indipendenti u akkomodati fi spazji separati mgħammra b'aċċess ikkontrollat u ristrett. Biex titmexxa 'l quddiem l-indipendenza tal-amministraturi ta' grad għoli meta żewġ entitajiet huma parti mill-istess grupp, u biex tiġi evitata l-prattika ta' “revolving doors”, l-amministraturi ta' grad għoli għandhom ikunu pprojbiti milli jaħdmu għan-naħa l-oħra tan-negozju għal perjodu minimu ta' sena wara li jkunu telqu mill-entità li huma kienu qed jaħdmu fiha.

(6)

Persunal ta' skemi ta' kards ta' pagament għandhom ikunu permessi biss biex iwettqu kompiti relatati mat-tfassil, aġġornament jew implimentazzjoni ta' proċessar ta' servizzi fejn kundizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw il-konformità ma' rekwiżiti ta' indipendenza jiġu ssodisfati.

(7)

Biex jiġu evitati kwalunkwe inċentivi għal skemi ta' kards ta' pagament jew għal entitajiet ta' pproċessar li jipprovdu lil xulxin, permezz tal-persunal tagħhom, trattament preferenzjali jew informazzjoni privileġġjata li ma tkunx disponibbli għall-kompetituri tagħhom, l-oqfsa ta' remunerazzjoni għal persunal ta' skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar ma għandhomx ikunu bbażati direttament jew indirettament fuq il-prestazzjoni ekonomika tal-entitajiet ta' pproċessar jew l-iskemi ta' kards ta' pagament. Il-politiki ta' remunerazzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

(8)

Huwa xieraq li jiġi speċifikat li meta skema ta' kards ta' pagament u l-entità tal-ipproċessar ikunu parti mill-istess entità ġuridika jew grupp, ir-regoli biex jiżguraw il-konformità ta' persunal mar-Regolament preżenti għandhom jiġu stabbiliti f'kodiċi ta' kondotta b'sanzjonijiet effettivi u mekkaniżmi ta' infurzar li għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

(9)

L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar għandhom jitħallew jużaw servizzi kondiviżi sakemm dan l-użu ma jwassalx għall-qsim ta' informazzjoni sensittiva bejniethom u li l-kundizzjonijiet għall-qsim ta' servizzi, inklużi l-kondizzjonijiet finanzjarji li permezz tagħhom dawk is-servizzi jiġu offruti, huma dokumentati kif suppost f'dokument wieħed. Dak id-dokument irid ikun għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom biex ikunu jistgħu jiżguraw l-applikazzjoni ta' rekwiżiti ta' indipendenza. Kondizzjonijiet speċifiċi għall-qsim tas-sistema ta' ġestjoni tal-informazzjoni għandhom jiġu introdotti. L-iskambju ta' informazzjoni sensittiva bejn l-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar li jistgħu jagħtu jew lill-iskema ta' pagament jew lill-entità tal-ipproċessar vantaġġ kompetittiv, madankollu, għandu jkun ipprojbit.

(10)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għall-kompożizzjoni tal-organi ta' tmexxija ta' skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar, irrispettivament mill-forma legali tagħhom u l-arranġamenti organizzazzjonali, li jiżgura li l-kunflitti potenzjali ta' interess għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet bejn l-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar huma mitigati adegwatament. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati u għandhom jiġu soġġetti għal reviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, l-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar għandhom ikunu separati fil-pjanijiet ta' ħidma annwali approvati mill-korpi ta' ġestjoni rilevanti tagħhom. Dawk il-pjanijiet operazzjonali annwali separati jridu jkunu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom biex ikunu jistgħu jiżguraw l-infurzar tar-rekwiżiti ta' indipendenza.

(11)

Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) lill-Kummissjoni.

(12)

L-ABE wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa f'dak li għandu x'jaqsam mal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar biex tkun żgurata l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) 2015/751.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“korp ta' ġestjoni” tfisser korp ta' skema ta' kards ta' pagament jew ta' entità ta' proċessar, li jkun maħtur skont il-liġi nazzjonali, li jingħata s-setgħa li jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità, u li jissorvelja u jimmonitorja t-teħid ta' deċiżjonijiet ta' ġestjoni, u jinkludi l-persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-entità;

(2)

“maniġment ta' grad għoli” tfisser dawk il-persuni fiżiċi fi ħdan skema ta' kard ta' pagament jew entità ta' pproċessar li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi u li jkunu responsabbli u jwieġbu lill-korp ta' ġestjoni dwar il-ġestjoni ta' kuljum tal-iskema ta' kards ta' pagament jew entità ta' pproċessar;

(3)

“remunerazzjoni” tfisser kull forma ta' remunerazzjoni fissa u varjabbli, inklużi pagamenti magħmula, jew il-benefiċċji monetarji jew mhux monetarji, mogħtija direttament minn jew f'isem l-iskema ta' kards ta' pagament jew entità ta' pproċessar lill-impjegati;

(4)

“servizzi komuni” tfisser kull attività, funzjoni jew servizz imwettqa minn kull unità interna fi ħdan skema ta' kards ta' pagament jew entità ta' pproċessar jew entità legali separata u mwettqa għall-benefiċċju kemm tal-iskema ta' kards ta' pagament kif ukoll tal-entità tal-ipproċessar;

(5)

“grupp” tfisser impriża prinċipali u l-impriżi sussidjarji kollha tagħha kif definit fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva (UE) 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

KAPITOLU II

KONTABBILTÀ

Artikolu 3

Informazzjoni finanzjarja

1.   L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar parteċipanti għandu jkollhom fis-seħħ proċessi ta' kontabilità li jippermettulhom li jipproduċu informazzjoni finanzjarja dwar kontijiet separati tal-qligħ u t-telf u noti ta' spjegazzjoni għal dik l-informazzjoni finanzjarja.

2.   L-informazzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkonforma mal-qafas tal-kontabbiltà applikabbli għat-tħejjija tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta' skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar.

Artikolu 4

Allokazzjoni ta' spejjeż u dħul

1.   L-informazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tkun ibbażata fuq allokazzjoni ta' spejjeż u dħul bejn skema ta' kards ta' pagament u l-entità tal-ipproċessar skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

spejjeż u dħul li huma direttament attribwibbli għall-provvista ta' servizzi ta' pproċessar għandhom jiġu allokati lill-entità tal-ipproċessar;

(b)

spejjeż u dħul li huma direttament attribwibbli għall-iskema ta' kards ta' pagament għandhom jiġu allokati lill-iskema ta' kards ta' pagament;

(c)

spejjeż u dħul li ma humiex direttament attribwibbli għall-provvista ta' servizzi ta' pproċessar jew lill-iskema ta' kards ta' pagament għandhom jiġu allokati fuq bażi tal-ispejjeż skont l-attività (“ABC”), li jinvolvi l-allokazzjoni ta' spejjeż indiretti u d-dħul skont il-konsum reali tal-entità ta' servizzi tal-ipproċessar jew mill-iskema ta' kards ta' pagament;

(d)

spejjeż u dħul li ma jistgħux ikunu attribwiti direttament u ma jistgħux jiġu allokati fuq ABC għandhom jiġu allokati skont metodoloġija dokumentata ta' kontabilità flimkien ma' nota ta' sostenn.

2.   In-nota ta' sostenn imsemmija fil-paragrafu 1(d) għandha tindika kwalunkwe spejjeż u dħul allokati skont dik il-metodoloġija:

(a)

il-bażi għall-allokazzjoni;

(b)

ir-raġuni għal dik il-bażi.

Artikolu 5

Dokumentazzjoni ta' trasferiment ta' riżorsi finanzjarji bejn l-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar.

1.   L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar għandhom jipproduċu noti ta' spjegazzjoni speċifiċi għal kwalunkwe trasferiment ta' riżorsi finanzjarji bejniethom għall-forniment ta' servizzi jew l-użu ta' servizzi kondiviżi kif imsemmi fl-Artikolu 12. Dawk in-noti ta' spjegazzjoni għandhom jispeċifikaw il-prezzijiet u t-tariffi għal dawn is-servizzi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligu sottostanti u arranġamenti organizzattivi li jistgħu jeżistu bejniethom. Dawn in-noti ta' spjegazzjoni għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 3(1).

2.   Fejn skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar ma jkunux jappartjenu għall-istess entità ġuridika jew grupp, in-noti ta' spjegazzjoni speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu evidenza li l-prezzijiet u t-tariffi għall-provvista ta' servizzi bejnhom jew l-użu ta' servizzi komuni ma jvarjawx minn prezzijiet u tariffi għall-istess jew, fl-assenza tagħhom, servizzi paragunabbli mitluba bejn l-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar li ma jagħmlux parti mill-istess entità ġuridika jew grupp.

Artikolu 6

Reviżjoni u frekwenza tal-informazzjoni finanzjarja

1.   L-informazzjoni finanzjarja prodotta skont l-Artikoli 3, 4 u 5 għandha tiġi riveduta minn awditur indipendenti u ċċertifikat.

2.   Ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi pprovdut fil-forma ta' rapport li jassigura:

(a)

informazzjoni finanzjarja affidabbli u ġusta prodotta mill-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar;

(b)

konsistenza u komparabilità tal-informazzjoni finanzjarja mal-oqfsa ta' kontabilità għat-tħejjija tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta' skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar;

(c)

konsistenza mal-informazzjoni finanzjarja tal-politiki ta' allokazzjoni ta' snin preċedenti jew, fejn din il-konsistenza hija nieqsa, spjegazzjoni għaliex il-politika ta' allokazzjoni inbidlet u dikjarazzjoni mill-ġdid ta' ċifri tas-snin preċedenti.

3.   L-informazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 għandha tiġi ppreżentata lill-awditur imsemmi fil-paragrafu 1 kull sena u għandha tkun disponibbli b'mod sħiħ għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom, flimkien mar-reviżjoni mill-awditur indipendenti.

KAPITOLU III

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 7

Separazzjoni funzjonali

L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar li mhumiex stabbiliti bħala żewġ entitajiet ġuridiċi separati għandhom jiġu organizzati bħala unitajiet ta' negozju interni differenti.

Artikolu 8

Separazzjoni ta' postijiet tax-xogħol

L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar li jinsabu fl-istess bini għandhom ikunu organizzati f'post tax-xogħol separat mgħammra b'aċċess ristrett u kkontrollat.

Artikolu 9

L-indipendenza tal-maniġment ta' grad għoli

Il-maniġment għoli ta' skemi ta' kards ta' pagament jew l-unità ta' negozju tal-iskema ta' kards ta' pagament għandom ikunu differenti mill-maniġment ta' grad għoli ta' entitajiet ta' pproċessar jew tal-unità tan-negozju ta' entità ta' pproċessar, u għandhom jaġixxu b'mod awtonomu. Il-maniġment ta' grad għoli ta' skemi ta' kards ta' pagament jew l-unitajiet ta' negozju tal-iskema ta' kards ta' pagament ma għandhomx jitħallew jagħmlu xogħol għal entitajiet ta' proċessar jew unitajiet tan-negozju ta' entitajiet ta' pproċessar, u viċe versa, għal tul ta' żmien minimu ta' sena wara li l-maniġment ta' grad għoli jkun ħalla l-entità li għaliha kien qed jaħdem.

Artikolu 10

Indipendenza tal-persunal

1.   Il-persunal ta' skemi ta' kards ta' pagament għandu jkun differenti minn persunal ta' entitajiet ta' pproċessar.

2.   Il-persunal ta' skemi ta' kards ta' pagament u ta' entitajiet ta' pproċessar jista' jwettaq kompiti relatati mal-forniment ta' servizzi kondiviżi kif imsemmi fl-Artikolu 12.

3.   Il-persunal ta' entità ta' pproċessar jista' jwettaq kompiti relatati mat-tfassil ta' sett uniku ta' regoli, prassi u standards u linji gwida ta' implimentazzjoni għall-eżekuzzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kards, sakemm:

(a)

il-kompiti relatati mat-tfassil ta' sett uniku ta' regoli jistgħu jitwettqu minn entitajiet ta' pproċessar oħrajn fuq bażi mhux diskriminatorja;

(b)

it-tfassil ta' dawn ir-regoli jinvolvi kampjun rappreżentattiv tal- entitajiet ta' pproċessar kollha li jipparteċipaw fl-iskema ta' kards ta' pagament.

Artikolu 11

Remunerazzjoni

1.   L-entitajiet ta' pproċessar għandhom jadottaw politiki ta' remunerazzjoni li ma joħolqux inċentivi lill-persunal tagħhom biex jipprovdi lill-iskema ta' kards ta' pagament bi trattament preferenzjali jew informazzjoni privileġġjata li ma tkunx disponibbli għall-kompetituri l-oħra. Ir-remunerazzjoni tal-persunal tagħhom għandha għalhekk tirrifletti l-prestazzjoni tal-entità tal-ipproċessar u m'għandhiex tkun marbuta direttament jew indirettament mal-prestazzjoni tal-iskema ta' kards ta' pagament li għaliha l-entità tal-ipproċessar tipprovdi s-servizzi.

2.   L-iskemi ta' kards ta' pagament għandhom jadottaw politiki ta' remunerazzjoni li ma joħolqux inċentivi lill-persunal tagħhom biex jipprovdu lill-entità ta' proċessar bi trattament preferenzjali jew informazzjoni privileġġjata li ma tkunx disponibbli għall-kompetituri l-oħra. Ir-remunerazzjoni tal-persunal tagħhom għandha għalhekk tirrifletti l-prestazzjoni tal-iskemi ta' kards ta' pagament u m'għandhiex tkun marbuta direttament jew indirettament mal-prestazzjoni tal-entità ta' proċessar.

3.   Il-politiki ta' remunerazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu disponibbli b'mod sħiħ għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

Artikolu 12

Użu ta' servizzi komuni

1.   L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar li jagħmlu użu minn servizzi komuni għandhom jiddeskrivu f'dokument uniku l-lista ta' servizzi komuni u l-kundizzjonijiet, inklużi l-kundizzjonijiet finanzjarji, li permezz tagħhom jiġu pprovduti dawk is-servizzi.

2.   Id-dokument uniku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

Artikolu 13

Użu ta' sistema ta' ġestjoni b'informazzjoni kondiviża

Sistema ta' ġestjoni ta' informazzjoni li hija kondiviża minn skema ta' kards ta' pagament u minn entità ta' pproċessar għandha tiżgura li:

(a)

il-persunal tal-iskema ta' kards ta' pagament u tal-entità ta' pproċessar huma identifikati separatament permezz tal-proċedura ta' awtentikazzjoni għall-aċċess fis-sistema ta' ġestjoni tal-informazzjoni;

(b)

l-utenti jkollhom aċċess biss għal informazzjoni li huma intitolati għaliha f'konformità ma' dan ir-Regolament. B'mod partikolari, kull informazzjoni sensittiva, kif imsemmi fl-Artikolu 14, ta' entità ta' pproċessar m'għandhiex tiġi aċċessata mill-persunal tal-iskema ta' kards ta' pagament u kwalunkwe informazzjoni sensittiva ta' skema ta' kards ta' pagament m'għandhiex tiġi aċċessata mill-persunal tal-entità tal-ipproċessar.

Artikolu 14

Informazzjoni sensittiva

L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar ma għandhomx jikkondividu informazzjoni ta' natura sensittiva li tipprovdi vantaġġ kompetittiv lill-iskema ta' pagament jew lill-entità tal-ipproċessar fejn dik l-informazzjoni ma tiġix kondiviża ma' kompetituri oħra.

Artikolu 15

Kodiċi ta' kondotta

1.   L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar li jappartjenu għall-istess entità ġuridika jew grupp għandhom jiddefinixxu u jippubblikaw fuq il-websajt tagħhom kodiċi ta' kondotta, li jispjega kif il-persunal rispettiv tagħhom għandu jaġixxi sabiex jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jistabbilixxi wkoll mekkaniżmi ta' infurzar effettivi.

2.   Il-kodiċi ta' kondotta għandu, b'mod partikolari, jiddefinixxi regoli li jipprevjenu l-iskambju ta' informazzjoni sensittiva, kif imsemmi fl-Artikolu 14 bejn l-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar. Il-kodiċi ta' kondotta għandu jkun soġġett għal reviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

KAPITOLU IV

IL-PROĊESS TA' TEĦID TA' DEĊIŻJONIJIET

Artikolu 16

L-indipendenza tal-korpi ta' ġestjoni

1.   L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar għandhom jiżguraw li l-kompożizzjoni tal-korpi ta' ġestjoni tagħhom itaffu l-kunflitti ta' interess għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet bejn l-iskema ta' kards ta' pagament u l-entità tal-ipproċessar, inkluż billi jiġu stabbiliti kriterji ċari u oġġettivi li skonthom direttorati jistgħu jinżammu mill-istess persuna fl-istess ħin fil-korp ta' ġestjoni tal-iskema ta' kards ta' pagament u tal-entità tal-ipproċessar. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati u għandhom jiġu soġġetti għal reviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-korpi ta' tmexxija tal-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar li jappartjenu għall-istess entità ġuridika jew grupp għandhom japprovaw u perjodikament jirrevedu politiki dwar kunflitti ta' interessi fil-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma' dan ir-Regolament.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2 u fejn direttorati jistgħu jinżammu mill-istess persuna fil-korp ta' ġestjoni tal-iskema ta' kards ta' pagament u l-entità tal-ipproċessar, l-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar għandhom jistabbilixxu:

(a)

korp ta' ġestjoni separat responsabbli għal deċiżjonijiet relatati mal-attivitajiet ta' skemi ta' kards ta' pagament, bl-eċċezzjoni ta' servizzi komuni msemmija fl-Artikolu 12, u li għandu jkun magħmul minn membri tal-korp ta' ġestjoni li ma jwettqu l-ebda funzjoni eżekuttiva f'dak li għandu x'jaqsam ma' attivitajiet ta' pproċessar. Dawk il-membri għandhom jagħtu pariri lill-korp maniġerjali dwar l-istrateġija ta' skemi ta' kards ta' pagament f'konformità ma' dan ir-Regolament u jassistu lill-korp ta' ġestjoni fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta' dik l-istrateġija mill-amministrazzjoni għolja;

(b)

korp ta' ġestjoni separat responsabbli għal deċiżjonijiet relatati mal-attivitajiet ta' proċessar, bl-eċċezzjoni ta' servizzi komuni msemmija fl-Artikolu 12, u li għandu jkun magħmul minn membri tal-korp ta' ġestjoni li ma jwettqu l-ebda funzjoni eżekuttiva f'dak li għandu x'jaqsam ma' attivitajiet ta' skemi ta' kards ta' pagament. Dawk il-membri għandhom jagħtu pariri lill-korp maniġerjali dwar l-istrateġija tal-entità tal-ipproċessar f'konformità ma' dan ir-Regolament u jassistu lill-korp ta' ġestjoni fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta' dik l-istrateġija mill-amministrazzjoni għolja;

(c)

linji ta' rappurtar indipendenti mill-maniġment ta' grad għoli tal-unità tan-negozju għall-iskema ta' kards ta' pagament jew tal-unità tan-negozju għall-entità ta' pproċessar, kif applikabbli, lill-korp ta' ġestjoni.

4.   L-arranġamenti organizzazzjonali stabbiliti skont il-paragrafu 3 għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

5.   Il-korp ta' ġestjoni għandu jżomm ir-responsabbiltà ġenerali biex tiġi żgurata konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Indipendenza tal-pjan operazzjonali annwali

1.   L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar għandu jkollhom pjanijiet ta' ħidma annwali separati li jiddeterminaw il-baġit, inkluż il-kapital u l-ispejjeż operattivi u delegazzjonijiet tal-awtorità possibbli biex isir l-infiq, li għandhom jiġu ppreżentati lill-korp ta' ġestjoni rispettiv tagħhom għall-approvazzjoni jew, fejn rilevanti, lill-korp ta' ġestjoni msemmi fl-Artikolu 16.

2.   Il-pjanijiet operazzjonali annwali separati għandhom ikunu kompletament disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12)

(3)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).


Top