EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0066

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/66 tad-29 ta' Settembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jispeċifika kif l-ammont nominali tal-istrumenti finanzjarji għajr id-derivattivi, l-ammont nozzjonali tad-derivattivi u l-valur nett tal-assi tal-fondi ta' investiment għandhom jiġu vvalutati (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/6464

ĠU L 12, 17.1.2018, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/66/oj

17.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 12/11


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/66

tad-29 ta' Settembru 2017

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jispeċifika kif l-ammont nominali tal-istrumenti finanzjarji għajr id-derivattivi, l-ammont nozzjonali tad-derivattivi u l-valur nett tal-assi tal-fondi ta' investiment għandhom jiġu vvalutati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(6)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-valur totali tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji jew tal-fondi ta' investiment li huma marbutin ma' parametru referenzjarju huwa l-kriterju ewlieni biex skont ir-Regolament (UE) 2016/1011, dan il-parametru referenzjarju jiġi kategorizzat bħala ta' importanza kritika, sinifikanti jew mhux sinifikanti. Għalhekk jenħtieġ li l-ammont nominali tal-istrumenti finanzjarji għajr id-derivattivi, l-ammont nozzjonali ta' derivattivi u l-valur nett tal-assi ta' fondi ta' investiment jiġi kkalkulat bl-istess mod fl-Unjoni kollha, sabiex il-kategorizzazzjoni konsistenti tal-parametri referenzjarji fl-Istati Membri u l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament (UE) 2016/1011 jiġu żgurati.

(2)

Sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-parametri referenzjarji, l-ammont nominali tal-istrumenti finanzjarji, l-ammont nozzjonali tad-derivattivi u l-valur nett tal-assi tal-fondi ta' investiment jinħtieġ li għalhekk jiġu kkalkulati bl-użu tad-dejta regolatorja meta tkun disponibbli.

(3)

Il-valur totali tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji jew tal-fondi ta' investiment jinħtieġ li jkun ikkalkulat billi jiġu kkunsidrati kemm ir-referenzi diretti għal dawn l-istrumenti finanzjarji, il-kuntratti finanzjarji jew il-fondi ta' investiment, kif ukoll ir-referenzi indiretti għal parametru referenzjarju f'taħlita ta' parametri referenzjarji. Meta strument finanzjarju, kuntratt finanzjarju jew fond ta' investiment ikun marbut ma' għadd ta' parametri referenzjarji, huwa xieraq li dawn il-bosta referenzi jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-valur totali tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment li jkunu marbutin ma' parametru referenzjarju, peress li dawn il-prodotti finanzjarji ma jiddependux biss fuq dan il-parametru referenzjarju. Għalhekk jinħtieġ li l-kalkolu tal-valur totali fil-każ ta' referenzi indiretti jiġi speċifikat, sabiex ikun direttament applikabbli u vvalutat b'mod konsistenti fl-Unjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ammont nominali tal-istrumenti finanzjarji għajr id-derivattivi u l-unitajiet fl-impriżi għall-investiment kollettiv

L-ammont nominali ta' strumenti finanzjarji għajr id-derivattivi u l-unitajiet fl-impriżi ta' investiment kollettiv għandu jkun l-ammont nominali totali maħruġ f'valur monetarju msemmi fit-Tabella 3, fis-Sezzjoni 14 tal-Anness tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/585 (2).

Artikolu 2

L-ammont nozzjonali tad-derivattivi

L-ammont nozzjonali tad-derivattivi, imsemmi fl-Artikolu 20(6)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1011, għandu jkun il-valur nozzjonali msemmi fit-Tabella 2, fis-Sezzjoni 20 tal-Anness tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/104 (3). Madankollu, fejn dan il-valur nozzjonali huwa negattiv, il-valur nozzjonali għandu jkun ugwali għall-valur assolut.

Għal tranżazzjonijiet indiċizzati tad-derivattivi tal-kreditu, il-fattur ta' indiċjar fit-Tabella 2, fis-Sezzjoni 89 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2017/104 għandu jiġi applikat għall-valur nozzjonali.

Artikolu 3

Il-valur nett tal-assi ta' impriżi għall-investiment kollettiv

Il-valur nett tal-assi ta' impriżi għall-investiment kollettiv imsemmi fl-Artikolu 20(6)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1011, għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

għal impriżi għall-investiment kollettiv suġġetti għad-Direttiva 2009/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4): il-valur nett tal-assi għal kull unità rrappurtata fl-aktar rapport annwali reċenti jew fir-rapport ta' nofs is-sena msemmi fl-Artikolu 68(2) ta' din id-Direttiva, immultiplikat bl-għadd ta' unitajiet;

(b)

għal impriżi tal-investiment kollettiv suġġetti għad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5): l-aħħar valur nett tal-assi msemmi fl-Artikolu 104(1)(c) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 (6).

Artikolu 4

L-użu ta' ammonti u valuri alternattivi

Meta l-ammonti jew il-valuri għall-kalkolu tal-valur totali tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji jew tal-fondi ta' investiment li huma marbutin ma' parametru referenzjarju, imsemmijin fl-Artikoli 1, 2 u 3, ma jkunux disponibbli jew ma jkunux kompluti, il-valur totali msemmi fl-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1011 u l-valur medju totali msemmi fl-Artikolu 24(1)(a) ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu kkalkulati billi jintużaw ammonti jew valuri alternattivi, inklużi indikaturi u ammonti jew valuri li jagħtu l-fornituri privati tal-informazzjoni, jew dejta pubblika kkalkulata u ppubblikata minn operaturi tas-suq, dment li dawn l-indikaturi u l-ammonti jew il-valuri jkollhom krettu ta' livell suffiċenti u jkunu affidabbli biżżejjed.

Amministratur li juża ammonti jew dejta alternattivi għandu jikkalkula l-ammont totali abbażi tal-aħjar sforz u skont l-aħjar kapaċità tagħhom, abbażi tad-dejta disponibbli.

Amministratur li juża ammonti jew dejta alternattivi għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti b'deskrizzjoni speċifika bil-miktub tas-sorsi ta' dejta użati meta jinnotifika lil din l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011.

Artikolu 5

Munita

L-ammonti u l-valuri msemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 għandhom jintwerew f'EUR. Meta jkun meħtieġ, l-ammonti jew il-valuri għandhom jiġu kkonvertiti skont ir-rata tal-kambju ta' referenza esterna tal-euro tal-ġurnata, ippubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 6

Referenza indiretta għal parametru referenzjarju f'taħlita ta' parametri referenzjarji

Meta parametru referenzjarju jintuża indirettament f'taħlita ta' parametri referenzjarji, l-ammonti jew valuri għall-finijiet tal-livelli limitu msemmija fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandhom ikunu waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-piż tal-parametri referenzjarji, f'termini ta' perċentwali, fit-taħlita tal-parametri referenzjarji, immultiplikata bl-ammont jew bil-valur totali, jew bil-valur medju, kif applikabbli, tal-istrument finanzjarju jew tal-fond ta' investiment inkwistjoni, fejn dan il-piż huwa speċifikat b'mod ċar jew jista' jiġi kkalkulat abbażi ta' informazzjoni oħra disponibbli;

(b)

l-ammont jew il-valur totali jew il-valur medju, kif applikabbli, tal-istrument finanzjarju jew tal-fond ta' investiment inkwistjoni diviż bl-għadd ta' parametri referenzjarji fit-taħlita tal-parametri referenzjarji, fejn il-piż reali tal-parametru referenzjarju ma jkunx speċifikat jew lanqas ma jista' jiġi approssimat.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2017

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/585 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-istandards u l-formati tad-dejta ta' referenza tal-istrumenti finanzjarji u l-miżuri tekniċi marbutin ma' arranġamenti li għandhom isiru mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-awtoritajiet kompetenti (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 368).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/104 tad-19 ta' Ottubru 2016 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 148/2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar id-dettalji minimi tad-dejta li trid tiġi rrappurtata lir-repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 17, 21.1.2017, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(5)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1).


Top