Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0910(18)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tan-Netherlands u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tan-Netherlands

    ST/9445/2018/INIT

    ĠU C 320, 10.9.2018, p. 80–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 320/80


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-13 ta' Lulju 2018

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tan-Netherlands u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tan-Netherlands

    (2018/C 320/18)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lin-Netherlands bħala wieħed mill-Istati Membri li fir-rigward tiegħu kellha ssir analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fl-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

    (2)

    Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, in-Netherlands jenħtieġ li jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (2) hawn isfel.

    (3)

    Ir-rapport tal-pajjiżi tal-2018 dwar in-Netherlands ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Dan ivvaluta xi progress li għamlu n-Netherlands biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (4), is-segwitu li kien hemm għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tan-Netherlands rigward il-miri nazzjonali tagħhom ta' Europa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-7 ta' Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li n-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, minn fost l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, in-Netherlands għandhom l-akbar surplus fil-kont kurrenti fuq medja ta' tliet snin, f'termini ta' PDG. Is-surplus jissuġġerixxi allokazzjoni mhux ottimali tar-riżorsi, u tista' tittieħed l-opportunità biex it-tkabbir u l-ġid jiżdiedu. Id-dejn privat huwa għoli, speċifikament l-ammont tad-dejn ipotekarju tal-unitajiet domestiċi u tal-impriżi multinazzjonali. Il-karti bilanċjali twal tal-unitajiet domestiċi jżidu l-vulnerabbiltà quddiem ħasdiet finanzjarji.

    (4)

    In-Netherlands ippreżentaw il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħhom tal-2018 fit-30 ta' April 2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħhom tal-2018 fis-26 ta' April 2018. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

    (5)

    Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

    (6)

    In-Netherlands bħalissa jinsabu fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Gvern, fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2018 qed jippjana tnaqqis fil-bilanċ pożittiv tal-gvern ġenerali, minn 1,1 % tal-PDG fl-2017 għal 0,3 % tal-PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju – defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG – jibqa' jiġi ssodisfat matul il-perijodu tal-programm. Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG hu mistenni li jonqos gradwalment għal 44,0 % tal-PDG fl-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Abbażi tal-previżjonijiet tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali proġettat li jonqos minn surplus ta' 0,5 % tal-PDG fl-2017 għal defiċit ta' 0,1 % tal-PDG fl-2018 u ta' 0,3 % tal-PDG fl-2019, ogħla mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li se jibqa' fuq xejra soda 'l isfel u taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat. Kollox ma' kollox il-Kunsill huwa tal-opinjoni li n-Netherlands huma previsti li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u fl-2019. Fl-istess ħin, filwaqt li jiġi rrispettat l-objettiv fit-terminu medju, għad hemm lok biex jintużaw politiki fiskali u strutturali biex joħolqu l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

    (7)

    In-Netherlands għandhom settur tar-riċerka u l-iżvilupp effiċjenti u b'sistema edukattiva u bażi xjentifika bi prestazzjoni għolja jipprovdu bażi soda biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u t-tkabbir tal-kapaċità permezz tal-edukazzjoni u attivitajiet ta' riċerka u żvilupp. Investiment addizzjonali sostanzjali ġie mħabbar li jista' jgħin jistabbilizza l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp pubbliċi u privati. Jekk in-Netherlands humiex se jilħqu l-miri tagħhom ta' Ewropa 2020, b'mod partikolari fuq l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u fuq l-enerġija rinnovabbli, jibqa' inċert.

    (8)

    Sfida ċentrali fl-indirizzar tal-livelli għolja ta' dejn tal-unitajiet domestiċi hija s-suq tad-djar, fejn riġiditajiet u inċentivi li joħolqu distorsjonijiet li akkumulaw matul deċennji jagħtu l-forma lix-xejriet tal-finanzjament tad-djar u dawk tat-tfaddil settorjali. Sa mill-2012, sensiela ta' miżuri ġew implimentati li, parzjalment, jindirizzaw din is-sitwazzjoni. Fl-2017, il-Gvern ħabbar pjanijiet biex jaċċellera t-tnaqqis fid-deduċibbiltà tat-taxxa fuq l-imgħax ipotekarju li jibda fl-2020. Madankollu, in-nuqqas ta' suq li jiffunzjona tajjeb għas-segment tan-nofs tas-suq tal-kiri jinkoraġġixxi lill-familji biex jixtru pjuttost milli jikru, li jwassal għal proporzjonijiet għoljin ta' dejn meta mqabbel mad-dħul u tal-vulnerabbiltà finanzjarja f'età żgħira. Is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali huwa wieħed mill-akbar fl-Unjoni iżda l-akkomodazzjoni mhijiex dejjem okkupata minn dawk verament fil-bżonn. Unitajiet domestiċi bi dħul għoli jibqgħu f'akkomodazzjoni soċjali, billi l-korporazzjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali ma jżidux il-kirjiet malajr daqskemm legalment jistgħu. Filwaqt li l-Gvern ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jappoġġa l-provvista ta' akkomodazzjoni affordabbli fis-suq privat tal-kera, pjanijiet konkreti għal tali appoġġ għadhom ma ġewx ikkomunikati sa issa.

    (9)

    Kif indikat fir-Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro, il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa hija essenzjali biex timpedixxi d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn id-ditti, tipprovdi trattament ġust lill-kontribwenti u tissalvagwardja l-finanzi pubbliċi. L-effetti sekondarji ta' strateġiji ta' ppjanar aggressiv tal-persuna taxxabbli bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni koordinata ta' politiki nazzjonali biex jikkomplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Il-livell għoli ta' dividendi, royalties u pagamenti ta' imgħax li jsiru permezz tan-Netherlands jissuġġerixxi li r-regoli tat-taxxa tal-pajjiż huma użati minn kumpaniji li jinvolvu ruħhom f'ippjanar aggressiv tat-taxxa. Proporzjon kbir tal-istokk tal-investiment dirett barrani huwa miżmum mill-“entitajiet bi skop speċjali”. In-nuqqas ta' taxxi minn ras il-għajn fuq outbound royalties (jiġifieri minn residenti tal-Unjoni għal residenti ta' pajjiż terz) u l-pagamenti ta' imgħax jista' jwassal biex dawk il-pagamenti jevadu t-taxxa kompletament, jekk huma wkoll mhux soġġetti għat-taxxa fil-ġurisdizzjoni riċeventi. In-nuqqas ta' regoli kontra l-abbuż, speċjalment fil-każ ta' entitajiet ibridi, jista' jiffaċilita wkoll l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-impenn tan-Netherlands biex jiġġieldu kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa kif stabbilit fl-aġenda ta' riforma dwar it-tassazzjoni, inkluż taxxi minn ras il-għajn fuq pagamenti ta' dividendi, imgħax u royalties f'każ ta' abbuż jew ħlasijiet għal ġurisdizzjonijiet b'taxxa baxxa, huwa pass importanti sabiex jitnaqqas l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u għandu jiġi implimentat malajr u segwit mill-qrib. Skont skambji reċenti mal-awtoritajiet Netherlandiżi, il-Kummissjoni ser tkompli d-djalogu kostruttiv tagħha fil-ġlieda kontra l-istrateġiji tal-ippjanar tat-taxxa aggressivi.

    (10)

    Minkejja r-rata baxxa ta' qgħad u rati għolja ta' postijiet tax-xogħol battala, it-tkabbir tal-pagi nominali kien moderat għal 1,5 % fl-2017. Dan huwa taħt il-livell li seta' jkun mistenni bbażat fuq l-inflazzjoni, il-produttività u l-qgħad. Tkabbir moderat tal-pagi jista' jkun parzjalment marbut maż-żidiet bil-mod fil-produttività, impjiegi vakanti fis-suq tax-xogħol u ż-żieda fis-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Fl-2017, il-Gvern adotta diversi miżuri fiskali, li jnaqqsu l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol u jimmiraw għal żieda netta tad-dħul disponibbli ta' unità domestika ta' dawk li jaħdmu. Aktar tisħiħ tad-dħul disponibbli nett ta' unità domestika billi jinħolqu l-kundizzjonijiet biex jiġi promoss it-tkabbir tal-pagi u r-riforma tat-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet sabiex tagħmilhom aktar trasparenti, aktar ġusti bejn il-ġenerazzjonijiet u aktar reżiljenti għax-xokkijiet iwasslu biex tiġi appoġġata d-domanda domestika u jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar mill-ġdid fiż-Żona tal-Euro.

    (11)

    It-tkabbir reċenti fl-impjiegi jista' jiġi attribwit fil-biċċa l-kbira tiegħu għal żieda fl-għadd ta' persuni impjegati b'kuntratti temporanji u l-persuni li jaħdmu għal rashom. Il-perċentwal għoli u li qed jiżdied ta' kuntratti temporanji kif ukoll iż-żieda rapida ta' persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati magħhom jistgħu jiġu spjegati fil-kuntest tad-differenzi kbar fir-regolamenti li japplikaw għax-xogħol, fil-protezzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll tad-differenzi bejn il-leġislazzjoni tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali. Għalkemm ittieħdu xi miżuri u riċentement ġew imħabbra xi oħrajn, xi wħud minn dawn il-fatturi għadhom jagħtu inċentivi finanzjarji lill-impjegati biex jibdew jaħdmu għal rashom jew jiffavorixxu biex dawn jiġu ingaġġati b'kuntratt temporanju. Barra minn hekk, l-infurzar ta' miżuri li jindirizzaw l-impjiegi indipendenti fittizji ġie sospiż sal-2020. Il-persuni li jaħdmu għal rashom bosta drabi ma jkunux assigurati biżżejjed kontra d-diżabbiltà, il-qgħad u x-xjuħija. Dan jista' jaffettwa s-sostenibbiltà tas-sistema tas-sigurtà soċjali fuq medda twila ta' żmien.

    (12)

    Minkejja suq tax-xogħol li jaħdem tajjeb b'mod ġenerali, għad hemm potenzjal mhux sfruttat tax-xogħol. B'mod partikolari l-għadd kbir ta' xogħol part-time tan-nisa u s-sitwazzjoni tal-impjieg ta' persuni bi sfond ta' migrazzjoni jibqgħu sfida importanti. Ir-rata ta' impjieg tal-migranti mhux imwielda fl-UE hija 20,6 punt perċentwali inqas minn dik għal persuni li twieldu fin-Netherlands, u differenza saħansitra ikbar għan-nisa li ma twieldux fl-UE.

    (13)

    Iż-żieda f'dawn l-aħħar snin fir-rata tat-tfaddil tal-unitajiet domestiċi seħħet parzjalment għax żdied l-iffrankar fit-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet (l-iskemi privati supplimentari obbligatorji), li kkontribwixxa għalih l-ambjent regolatorju. It-tqassim intraġenerazzjonali u interġenerazzjonali adegwat tal-ispejjeż u tar-riskji lil hinn mir-regoli adottati dwar l-indiċjar u l-ilqugħ finanzjarju (il-qafas ta' valutazzjoni finanzjarja) jgħin lill-unitajiet domestiċi biex jallokaw il-mezzi finanzjarji tagħhom b'modi li jgħinu aktar it-tkabbir. Il-Gvern ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jirriforma b'mod sostanzjali t-tieni pilastru tal-pensjonijiet biex itejjeb il-kopertura u joħloq ambjent aktar trasparenti, aktar flessibbli u sistema statistikament aktar ġusta. Fir-rigward tas-sostenibbiltà fiskali, Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2018 jindika li hemm riskju medju għas-sostenibbiltà fiskali fit-tul, billi l-infiq fil-kura fit-tul huwa pproġettat li jiżdied minn 3,5 % għal 6,0 % tal-PDG sal-2070.

    (14)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tan-Netherlands u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiżi tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lin-Netherlands fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fin-Netherlands imma qieset ukoll il-grad tal-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (15)

    Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u huwa tal-opinjoni (6) li n-Netherlands huma mistennija jikkonformaw mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    (16)

    Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt.

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands jieħdu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

    1.

    Filwaqt li jiġi rrispettat l-objettiv fit-terminu medju, jużaw politiki fiskali u strutturali biex ikabbru l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Jieħdu miżuri biex titnaqqas id-distorsjoni favur id-dejn għall-unitajiet domestiċi u d-distorsjonijiet li jifdal fis-suq tad-djar, b'mod partikolari billi jiġi appoġġat l-iżvilupp tas-settur tal-kiri privat.

    2.

    Inaqqsu l-inċentivi għall-użu ta' kuntratti temporanji u dawk li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati, filwaqt li jippromwovu protezzjoni soċjali adegwata għal dawk li jaħdmu għal rashom, u jindirizzaw l-impjieg indipendenti fittizju. Joħolqu kundizzjonijiet biex jippromwovu aktar tkabbir fil-pagi reali, b'rispett tar-rwol tas-sħab soċjali. Jieħdu miżuri biex jagħmlu t-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet aktar trasparenti, aktar ġust bejn il-ġenerazzjonijiet u aktar reżiljenti għax-xokkijiet.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LÖGER


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.

    (4)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (6)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top