This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018H0464
Commission Recommendation (EU) 2018/464 of 19 March 2018 on the monitoring of metals and iodine in seaweed, halophytes and products based on seaweed (Text with EEA relevance. )
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/464 tad-19 ta' Marzu 2018 dwar il-monitoraġġ ta' metalli u jodju fl-alka tal-baħar, il-pjanti li jgħixu fl-ilma mielaħ u prodotti bbażati fuq l-alka tal-baħar (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/464 tad-19 ta' Marzu 2018 dwar il-monitoraġġ ta' metalli u jodju fl-alka tal-baħar, il-pjanti li jgħixu fl-ilma mielaħ u prodotti bbażati fuq l-alka tal-baħar (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2018/1560
ĠU L 78, 21.3.2018, pp. 16–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
21.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 78/16 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/464
tad-19 ta' Marzu 2018
dwar il-monitoraġġ ta' metalli u jodju fl-alka tal-baħar, il-pjanti li jgħixu fl-ilma mielaħ u prodotti bbażati fuq l-alka tal-baħar
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-livelli massimi (MLs) għall-arseniku, il-kadmju u ċ-ċomb f'diversi oġġetti tal-ikel ġew stabbiliti skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (1). Madankollu, bħalissa ma ġew stabbiliti l-ebda MLs għal dawn is-sustanzi fl-alka tal-baħar u l-pjanti li jgħixu fl-ilma mielaħ, ħlief għall-MLs stabbiliti skont dan ir-Regolament għas-supplimenti tal-ikel li huma magħmulin esklussivament mill-alka tal-baħar jew mill-prodotti li ġejjin mill-alka tal-baħar jew prinċipalment minnhom. |
|
(2) |
Għall-merkurju bħalissa hemm stabbilit limitu massimu ta' residwi (MRL) għall-algi u l-organiżmi prokarjotiċi f'livell predefinit ta' 0,01 mg/kg skont ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(3) |
Fl-2006 il-Kumitat Xjentifiku għall-ikel stabbilixxa l-limitu massimu għat-teħid tal-jodju ta' 600 μg kuljum għall-adulti u ta' 200 μg kuljum għat-tfal ta' bejn sena u tliet snin (3). Il-kumitat indika li l-inġestjoni tal-prodotti tal-alga rikki bil-jodju, b'mod partikolari l-prodotti mnixxfa, tista' twassal għal teħid eċċessiv tal-jodju b'mod perikoluż, jekk dawn il-prodotti fihom aktar minn 20 mg jodju/kg ta' materja niexfa u l-popolazzjoni esposta tgħix f'żona b'nuqqas ta' jodju endemiku. |
|
(4) |
Id-dejta tal-okkorrenza disponibbli turi li l-alki tal-baħar fihom konċentrazzjonijiet sinifikanti arseniku, kadmju, jodju, ċomb u merkurju. Peress li l-pjanti li jgħixu fl-ilma mielaħ jikbru wkoll f'ambjent tal-baħar, jista' raġonevolment jiġi preżunt li dawn juru xejra simili tal-użu ta' dawn is-sustanzi u għaldaqstant xejra simili ta' kontaminazzjoni. |
|
(5) |
L-alka tal-baħar u l-pjanti li jgħixu fl-ilma mielaħ isawru kontribut dejjem aktar importanti lix-xejriet tal-konsum ta' ċerti konsumaturi tal-UE. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk il-kontribut tal-arseniku, tal-kadmju, tal-jodju, taċ-ċomb u tal-merkurju mill-alka tal-baħar u l-pjanti li jgħixu fl-ilma mielaħ għall-esponiment totali ta' dawn is-sustanzi ikunx jirrikjedi l-istabbiliment ta' MLs għall-arseniku, il-kadmju u ċ-ċomb għal dawn il-komoditajiet jew l-emenda tal-MRL għall-merkurju tal-algi u l-organiżmi prokarjotiċi jew li tittieħed xi azzjoni marbuta mal-esponiment għall-jodju minn dawn il-prodotti. |
|
(6) |
Għall-addittivi tal-ikel ibbażati fuq l-alka tal-baħar, l-ispeċifikazzjonijiet ġew stipulati fl-annessi tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (4). Għal uħud minn dawn l-addittivi, l-EFSA rrakkomandat li jeħtieg li jiġu riveduti l-limiti għall-impuritajiet tal-elementi tossiċi sabiex jiġi żgurat li l-użu ta' dawn l-addittivi ma jiffurmawx sors sinifikanti ta' esponiment għal dawn l-elementi tossiċi b'mod partikolari għat-trabi u t-tfal żgħar (5). Għalhekk, l-esponiment għall-arseniku, il-kadmju, il-jodju, iċ-ċomb u l-merkurju fl-addittivi tal-ikel ibbażati fuq l-alka tal-baħar u l-algi jenħtieġ li jiġi vvalutat. |
|
(7) |
Għall-arseniku, iċ-ċomb, il-kadmju u l-merkurju, il-livelli massimi fl-għalf huma stabbiliti skont id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Peress li ċerti speċijiet tal-alka tal-baħar jintużaw bħala għalf, il-kontenut tal-metall ta' dawn l-ispeċijiet jentħieġ jiġi investigat ukoll, kemm għal raġunijiet ta' saħħa tal-annimali kif ukoll fid-dawl tat-trasferiment ta' dawn il-metalli lil prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali. |
|
(8) |
Jenħtieġ li tinġabar id-dejta ta' okkorrenza għall-arseniku, il-kadmju, il-jodju, iċ-ċomb u l-merkurju f'diversi speċijiet tal-alka, il-pjanti li jgħixu fl-ilma mielaħ u l-prodotti bbażati fuq l-alka tal-baħar biex issostni l-valutazzjoni ta' esponiment dijetetiku. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI
|
1. |
Li l-Istati Membri, matul is-snin 2018, 2019 u 2020, b'kollaborazzjoni mal-operaturi tan-negozju tal-ikel u tal-għalf, iwettqu monitoraġġ fuq il-preżenza tal-arseniku, il-kadmju, il-jodju, iċ-ċomb u l-merkurju fl-alka tal-baħar, fil-pjanti li jgħixu fl-ilma mielaħ u fil-prodotti bbażati fuq l-alka tal-baħar. Dan il-monitoraġġ jenħtieġ li jkopri l-pjanti li jgħixu fl-ilma mielaħ tajbin għall-ikel li jinkludu Salicorna europaea u Tetragonia tetragonoides u varjetà wiesgħa ta' speċijiet tal-alka tal-baħar li jirriflettu t-tendenzi tal-konsum u l-użi tal-għalf, inklużi l-arame (Ecklonia bicyclis), għeneb il-baħar (Fucus vesiculosus), id-darusu (Palmaria palmata), il-hijiki (Hizikia fusiforme), il-likeni tal-baħar (Chondrus crispus), il-laminarja tas-swaba' (Laminaria digitata), il-kombu (Laminaria japonica, Saccharina japonica), in-nori (Porphyra u Pyropia spp.), l-alga kannella (Ascophyllum nodosum), ħass il-baħar (Ulva sp.), l-ispagetti tal-baħar (Himanthalia elongata), l-alka tas-snien (Fucus serratus), is-swaba' tal-baħar (Codium sp.) laminarja zokkrija (Sacharina latissima) il-wakame (Undaria pinnatifida) u l-alarja tittiekel (Alaria esculenta), sabiex ikun hemm stima preċiża tal-esponiment. Barra minn hekk, jenħtieġ li tinġabar id-dejta ta' okkorrenza għall-addittivi tal-ikel ibbażati fuq l-alka tal-baħar, inklużi E400, E401, E403, E404, E405, E406, E407, E407a u E160a(iv). |
|
2. |
Għall-monitoraġġ tal-ikel, jenħtieġ li jiġu segwiti l-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (7) sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni huma rappreżentattivi tal-lott tal-kampjun. |
|
3. |
Għall-monitoraġġ tal-għalf, jenħtieġ li jiġu segwiti d-dispożizzjonijiet previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (8). |
|
4. |
L-analiżijiet jenħtieġ li jitwettqu f'konformità mal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) billi jintuża metodu ta' analiżi li ġie ppruvat li jagħti riżultati affidabbli. |
|
5. |
L-analiżi tal-merkurju, preferibbilment jenħtieġ li ssir billi jiġi ddeterminat il-kontenut tal-metilmerkurju u l-merkurju totali u l-analiżi tal-arseniku jenħtieġ li ssir billi jiġi ddeterminat il-kontenut tal-inorganiku u tal-arseniku totali u, jekk ikun possibbli, speċijiet oħra rilevanti ta' arseniku. |
|
6. |
L-ispeċi jew l-għadd tal-addittivi jenħtieġ li jiġi rrapportat u jekk ġewx analizzati prodotti friski, mnixxfa jew ipproċessati. Fejn ikun possibbli wkoll, jenħtieġ li jiġu rrappurtati l-oriġini tal-prodotti (selvaġġi jew ikkultivati), id-data u l-lok tal-ħsad, il-parti tal-alka tal-baħar, li ġiet analizzata, u informazzjoni possibbli fuq it-tikketta tal-prodotti finali. |
|
7. |
Id-dejta ta' monitoraġġ jenħtieġ li tiġi pprovduta fuq bażi regolari lill-EFSA, bl-informazzjoni u fil-format ta' rapportar elettroniku kif stipulat mill-EFSA għall-ġabra f'bażi tad-dejta waħda. |
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2018.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li tiffissa l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).
(3) Tolerable upper intake levels for vitamins and minerals – Scientific Committee on Food – Scientific Panel on Dietetic Products, Nutrition and Allergies. Frar, 2006 http://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/efsa_rep/blobserver_assets/ndatolerableuil.pdf
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).
(5) Re-evaluation of agar (E406) as a food additive. EFSA Journal 2016; 14(12): 4645.
(6) Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta' kampjuni u ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' mikroelementi u ta' kontaminanti tal-ipproċessar fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).