Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D2014

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2014 tal-14 ta' Diċembru 2018 li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/221/UE rigward il-lista taż-żoni fl-Irlanda li huma ħielsa mill-Ostreid herpesvirus 1 μvar (OsHV-1 μVar) (notifikata bid-dokument C(2018) 8618) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/8618

    ĠU L 322, 18.12.2018, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32021D0260

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/2014/oj

    18.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 322/55


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2014

    tal-14 ta' Diċembru 2018

    li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/221/UE rigward il-lista taż-żoni fl-Irlanda li huma ħielsa mill-Ostreid herpesvirus 1 μvar (OsHV-1 μVar)

    (notifikata bid-dokument C(2018) 8618)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE (2) jistabbilixxi lista ta' Stati Membri, żoni u kompartimenti li huma meqjusin ħielsa minn ċertu mard imsemmi fil-Parti II tal-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE. Stat Membru elenkat għal marda partikolari f'dawk iż-żoni jista' jeżiġi l-konformità ma' ċerti miżuri nazzjonali approvati minn dik id-Deċiżjoni biex jiġi limitat l-impatt ta' dawk il-mardiet.

    (2)

    Fil-preżent, f'dik il-lista hemm għadd ta' kompartimenti fit-territorju tal-Irlanda li huma meqjusin ħielsa mill-virus tal-Ostreid herpesvirus 1 μvar (OsHV-1 μVar). Minħabba tifqigħa reċenti tal-OsHV-1 μVar li seħħet fil-Kompartiment 6 fil-Bajja ta' Poulnasharry, li l-Irlanda informat lill-Kummissjoni dwarha, jenħtieġ li jiġu aġġornati d-demarkazzjonijiet ġeografiċi taż-żoni ħielsa minn din il-marda fl-Irlanda.

    (3)

    Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/221/UE jiġi emendat skont dan.

    (4)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fir-raba' kolonna tat-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/221/UE, “Id-demarkazzjoni ġeografika taż-żona b'miżuri nazzjonali approvati”, fir-ringiela tal-“Ostreid herpesvirus 1 μνar (OsHV-1 μVar)”, l-entrata għall-Irlanda hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Il-kompartiment 1: Il-Bajja ta' Sheephaven

    Il-kompartiment 3: Il-Bajjiet ta' Killala, Broadhaven u Blacksod

    Il-kompartiment 4: Il-Bajja ta' Streamstown

    Il-kompartiment 5: Il-Bajjiet ta' Bertraghboy u Galway

    Il-kompartiment A: Il-Mafqas tal-Bajja ta' Tralee.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE tal-15 ta' April 2010 li tapprova miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta' ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u annimali akkwatiċi selvaġġi b'konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (ĠU L 98, 20.4.2010, p. 7).


    Top