Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D2009

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/2009 tas-17 ta' Diċembru 2018 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

    ST/14056/2018/INIT

    ĠU L 322, 18.12.2018, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/2009/oj

    18.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 322/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/2009

    tas-17 ta' Diċembru 2018

    li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/233/PESK (1) li tistabbilixxi l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya).

    (2)

    Fis-17 ta' Lulju 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1342 (2) li testendi l-mandat ta' EUBAM Libya sal-31 ta' Diċembru 2018 u li tipprevedi ammont ta' referenza finanzjarja sat-30 ta' Novembru 2017.

    (3)

    Fl-20 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2162 (3) li tipprevedi ammont ta' referenza finanzjarja sal-31 ta' Diċembru 2018.

    (4)

    Wara r-Rieżami Strateġiku ta' EUNAVFOR MED operation Sophia, EUBAM Libya u ċ-Ċellola tal-UE ta' Kollegament u Ippjanar, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà rrakkomanda li l-mandat jiġi emendat u estiż sat-30 ta' Ġunju 2020.

    (5)

    Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/233/PESK tiġi emendata u estiża skont dan.

    (6)

    L-EUBAM Libya ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2013/233/PESK hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Objettivi

    L-objettivi tal-EUBAM Libya għandhom ikunu li tassisti lill-awtoritajiet Libjani fit-tisħiħ tal-istrutturi tas-sigurtà tal-istat fil-Libja, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali bil-għan li tikkontribwixxi għall-isforzi biex jitkissru n-netwerks tal-kriminalità organizzata involuti b'mod partikolari fil-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu fil-Libja u fir-reġjun tal-Mediterran Ċentrali.

    Artikolu 3

    Kompiti

    1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 2, l-EUBAM Libya għandha:

    (a)

    tappoġġa l-iżvilupp ta' qafas usa' ta' ġestjoni tal-fruntieri, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' White Paper dwar Strateġija għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, inkluż strateġija marittima dwar is-sigurtà, billi tipprovdi l-għoti ta' kapaċitajiet u timplimenta proġetti konkreti lill-Aġenziji Libjani tal-Infurzar tal-Liġi Marittima u l-Aġenziji Libjani tal-Ġestjoni tal-Fruntiera tal-Art filwaqt li tevalwa wkoll il-possibbiltajiet tal-espansjoni tal-attivitajiet barra mill-belt kapitali, inkluż fuq il-fruntiera mat-Tuneżija u fin-Nofsinhar tal-pajjiż;

    (b)

    tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-ippjanar strateġiku, inkluż fir-rigward tal-pulizija, fil-Ministeru għall-Intern fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, inkluż, fejn fattibbli, assistenza lill-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) u l-isforzi tagħha għall-bini tal-kapaċità tal-pulizija, u tappoġġa l-funzjonijiet ta' koordinazzjoni fost l-awtoritajiet Libjani rilevanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;

    (c)

    tappoġġa r-riforma istituzzjonali u tipprovdi assistenza għall-ippjanar strateġiku għall-Ministeru tal-Ġustizzja u tipprovdi tisħiħ tal-kapaċitajiet usa' għall-atturi rilevanti fil-qasam tal-ġustizzja kriminali inkluż l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Istitut Ġudizzjarju Superjuri;

    (d)

    tappoġġa l-koordinazzjoni strateġika bejn id-donaturi u l-implimentazzjoni ta' proġetti skont il-ħtiġijiet tal-Libja fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali.

    2.   L-EUBAM Libya għandha tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tagħha.

    3.   L-EUBAM Libya ma għandha twettaq l-ebda funzjoni eżekuttiva.”.

    (2)

    Fl-Artikolu 13(1) jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUBAM Libya għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2019 sat-30 ta' Ġunju 2020 għandu jkun ta' EUR 61 678 576,39.”.

    (3)

    Fl-Artikolu 16, it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Hija għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2020.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. KÖSTINGER


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat- 22 ta' Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 138, 24.5.2013, p. 15).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1342 tas-17 ta' Lulju 2017 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 185, 18.7.2017, p. 60).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2162 tal-20 ta' Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 304, 21.11.2017, p. 50).


    Top