Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D2006

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2006 tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/14473/2018/INIT

    ĠU L 322, 18.12.2018, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/2006/oj

    18.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 322/20


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/2006

    tal-11 ta' Diċembru 2018

    li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE (2) il-Latvja ġiet awtorizzata sal-31 ta' Diċembru 2009 biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 21(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE (3), biex tinnomina lir-riċevitur bħala l-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fil-każ ta' tranżazzjonijiet tal-injam. Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE (4), il-Latvja kienet awtorizzata sal-31 ta' Diċembru 2012 biex tapplika miżura speċjali ta deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkompli tinnomina lir-riċevitur bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT fil-każ ta' tranżazzjonijiet tal-injam (“il-miżura speċjali”). L-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali ġiet sussegwentement estiża bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/55/UE (5) sal-31 ta' Diċembru 2015 u bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2396 (6) sal-31 ta' Diċembru 2018.

    (2)

    Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-20 ta' Ġunju 2018, il-Latvja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali. Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-17 ta' Awwissu 2018, il-Latvja ppreżentat rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura kif meħtieġ mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1008/UE.

    (3)

    B'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba magħmula mill-Latvja lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittri datati s-7 ta' Settembru 2018. Bl-ittra tal-10 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

    (4)

    Skont il-Latvja, is-suq tal-injam, li huwa wieħed mill-aktar setturi importanti tal-ekonomija tagħha, huwa partikolarment sensittiv għall-frodi tal-VAT għaliex huwa ddominat minn għadd kbir ta' operaturi lokali żgħar u minn fornituri individwali. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti ġġenerat frodi tal-VAT, li l-awtoritajiet tat-taxxa Latvjani sabuha diffiċli biex jikkontrollaw. Sabiex jiġġieldu dan l-abbuż, huma introduċew il-mekkaniżmu tar-reverse charge għat-tranżazzjonijiet tal-injam, li wera li huwa effettiv ferm u naqqas b'mod sinifikanti l-frodi f'dan is-settur.

    (5)

    Sabiex jiġu evitati ċerti forom ta' evażjoni tat-taxxa, il-Latvja jenħtieġ li tkun awtorizzata li tapplika l-miżura speċjali għal perjodu ta' żmien limitat ulterjuri sal-31 ta' Diċembru 2021.

    (6)

    B'mod ġenerali, id-derogi jiġu awtorizzati għal perjodu ta' żmien limitat biex ikun jista' jiġi vvalutat jekk il-miżuri speċjali humiex xierqa u effettivi. Id-derogi jagħtu żmien lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra biex jindirizzaw il-problema inkwistjoni sakemm jiskadu l-miżuri speċjali, u b'hekk l-estensjoni ta' deroga ma tibqax valida. Deroga li tippermetti li jsir użu mill-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss eċċezzjonalment għal oqsma speċifiċi fejn isir frodi u tikkostitwixxi mezz tal-aħħar għażla. Għaldaqstant, il-Latvja jenħtieġ li timplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex tiġġieled u tipprevjeni l-frodi tal-VAT fir-rigward ta' provvisti tal-injam sal-iskadenza tad-deroga speċjali u konsegwentement ma hemmx għalfejn tkompli tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta' tali provvisti.

    (7)

    Il-miżura speċjali mhu ser ikollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

    (8)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1008/UE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1008/UE huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2021.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. BLÜMEL


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE tal-24 ta' Jannar 2006 li tawtorizza lil-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat (ĠU L 25, 28.1.2006, p. 31).

    (3)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE tas-7 ta' Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 24.12.2009, p. 30).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/55/UE tat-22 ta' Jannar 2013 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 16).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2396 tal-10 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 142).


    Top