EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1996

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1996 tal-14 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi r-regoli interni dwar il-provvista ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta' data personali għall-fini ta' investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ u l-politika kummerċjali

C/2018/8811

ĠU L 320, 17.12.2018, p. 40–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1996/oj

17.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/40


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1996

tal-14 ta' Diċembru 2018

li tistabbilixxi r-regoli interni dwar il-provvista ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' wħud mid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-ipproċessar ta' data personali għall-fini ta' investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ u l-politika kummerċjali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-qafas tal-mandat tagħha skont ir-Regolamenti (UE) 2015/478 (1), (UE) 2015/755 (2), (UE) 2016/1036 (3), (UE) 2016/1037 (4), tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni tmexxi l-politika kummerċjali tal-Unjoni.

(2)

B'mod partikolari, matul l-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ, inevitabbilment tiġi pproċessata data personali fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-Kummissjoni tiġbor informazzjoni ta' interess investigattiv, inkluż data personali. Soġġett għall-ħtiġijiet għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, jenħtieġ li l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunkwe parti għal investigazzjoni tkun disponibbli fil-pront għall-partijiet interessati l-oħra li qegħdin jieħdu sehem fl-investigazzjoni permezz tal-aċċess għall-fajl mhux kunfidenzjali. Dan it-trasferiment ta' data huwa neċessarju u legalment meħtieġ għad-difiża ta' talbiet legali tal-partijiet interessati. Il-kompiti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali u tad-difiża tal-kummerċ huma r-responsabbiltà primarja tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (“DĠ Kummerċ”), fejn l-entitajiet organizzattivi tiegħu jaġixxu bħala kontrollur.

(3)

Pereżempju, id-data personali pproċessata mill-Kummissjoni hija, pereżempju, data ta' identifikazzjoni, data ta' kuntatt, data professjonali, u data relatata jew ippreżentata b'rabta mas-suġġett tal-investigazzjoni. Id-data personali hija maħżuna f'ambjent elettroniku sigur biex tevita aċċess illegali jew trasferiment ta' data lil persuni barra l-Kummissjoni. Ċerta data personali tista' tiġi inkluża f'ambjent elettroniku separat għal aċċess minn numru ta' partijiet regolat b'interess fl-investigazzjoni. Id-data personali tinżamm mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni sakemm tispiċċa l-investigazzjoni. Il-perjodu ta' ritenzjoni amministrattiva tad-data huwa ħames snin, li jibda jgħodd minn meta tispiċċa l-investigazzjoni. Fi tmiem il-perjodu ta' ritenzjoni, l-informazzjoni relatata mal-każ, inkluża data personali tiġi trasferita fl-Arkivji Storiċi tal-Kummissjoni (6).

(4)

Filwaqt li twettaq il-kompiti tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta d-drittijiet ta' persuni fiżiċi b'rabta mal-ipproċessar ta' data personali rikonoxxuta mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat, kif ukoll id-drittijiet previsti fir-Regolament (UE) 2018/1725. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni trid tikkonforma ma' regoli stretti ta' kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1036, l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/1037, l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755.

(5)

F'ċerti ċirkustanzi, huwa meħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-ħtieġa ta' effikaċja tal-investigazzjonijiet, kif ukoll b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' suġġetti oħra tad-data. F'dan is-sens, l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprovdi lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza previst fl-Artikolu 4(1)(a) tiegħu, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta' dak ir-Regolament.

(6)

Sabiex tkun żgurata l-effettività tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-Kummerċ filwaqt li jitħarsu l-istandards ta' protezzjoni ta' data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, li ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli interni li bihom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(7)

Huwa għalhekk neċessarju li jiġu stabbiliti regoli interni li jkopru l-operazzjonijiet ta' pproċessar kollha mwettqa mill-Kummissjoni fit-twettiq tal-funzjoni investigattiva tagħha fil-qasam tad-difiża tal-kummerċ. Dawk ir-regoli jenħtieġ li japplikaw għall-operazzjonijiet ta' pproċessar imwettqa qabel ma tinfetaħ investigazzjoni, matul investigazzjoni u matul il-monitoraġġ tas-segwitu tal-eżitu tal-investigazzjonijiet.

(8)

Biex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma lill-individwi kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u dwar id-drittijiet tagħhom b'mod trasparenti u koerenti fil-forma ta' avviżi ta' protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Fejn ikun rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta salvagwardji addizzjonali biex tiżgura li s-suġġetti tad-data jiġu infurmati individwalment f'format xieraq.

(9)

Abbażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi wkoll l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta' drittijiet oħrajn tas-suġġetti tad-data sabiex tipproteġi l-investigazzjonijiet tagħha stess kif ukoll id-drittijiet ta' persuni oħra relatati mal-investigazzjonijiet tagħha.

(10)

Barra minn hekk, biex tinżamm il-kooperazzjoni effettiva, jista' jkun meħtieġ għall-Kummissjoni li tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data biex tipproteġi l-attivitajiet ta' pproċessar ta' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-UE jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta lil dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji, aġenziji u awtoritajiet rilevanti fuq ir-raġunijiet rilevanti biex timponi restrizzjonijiet u dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet.

(11)

Il-Kummissjoni tista' wkoll ikollha tirrestrinġi l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta' drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data fir-rigward ta' data personali riċevuta minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, biex tikkoopera ma' dawk il-pajjiżi jew l-organizzazzjonijiet u b'hekk tissalvagwardja għan importanti ta' interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni. Madankollu, f'ċerti ċirkustanzi l-interess jew id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu jegħlbu l-interess tal-kooperazzjoni internazzjonali.

(12)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tittratta r-restrizzjonijiet kollha b'mod trasparenti u tirreġistra kull applikazzjoni ta' restrizzjonijiet fis-sistema ta' reġistrazzjoni korrispondenti.

(13)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kontrolluri jistgħu jipposponu, jonqsu jew jiċħdu milli jipprovdu informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta' restrizzjoni lis-suġġett tad-data jekk l-għoti ta' dik l-informazzjoni kollha b'xi mod jikkomprometti l-finijiet tar-restrizzjoni. Dan, b'mod partikolari, huwa l-każ tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(14)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi b'mod regolari r-restrizzjonijiet imposti sabiex tiżgura li d-dritt tas-suġġett tad-data li jiġi infurmat skont l-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jiġi ristrett biss sakemm dawn ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa mill-Kummissjoni biex tkun tista' tmexxi l-investigazzjonijiet ta' difiża tal-kummerċ.

(15)

Fejn jiġu ristretti drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data, il-kontrollur jenħtieġ li jivvaluta fuq bażi ta' każ b'każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkompromettix l-għan tagħha.

(16)

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Deċiżjoni.

(17)

Ir-Regolament (UE) 2018/1725 jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 45/2001 mingħajr l-ebda perjodu tranżizzjonali, mid-data li fiha jidħol fis-seħħ. Il-possibilità li japplikaw restrizzjonijiet fuq ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data ġie prevista fir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Sabiex jiġi evitat l-ipperikolar tal-politika kummerċjali u t-tmexxija tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data ta' dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(18)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fit-30 ta' Novembru 2018.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni biex is-suġġetti tad-data jkunu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data tagħhom f'konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta twettaq investigazzjonijiet fil-politika kummerċjali u fid-difiża tal-kummerċ.

Hija tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) ta' dak ir-Regolament.

2.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Kummissjoni għall-fini ta' jew relatata ma', attivitajiet imwettqa sabiex jissodisfaw il-kompiti tal-Kummissjoni msemmija fir-Regolamenti (UE) 2016/1036, (UE) 2016/1037, (UE) 2015/478 u (UE) 2015/755.

3.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mis-servizzi kollha tal-Kummissjoni sa fejn huma jipproċessaw data personali li tinsab f'informazzjoni li huma meħtieġa li jibagħtu lill-Kummissjoni jew data personali diġà pproċessata minnha għall-fini ta' jew fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 2

Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli

1.   Fejn il-Kummissjoni teżerċita d-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, għandha tqis jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament.

2.   Skont l-Artikoli 3 sa 7 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza previst fl-Artikolu 4(1)(a) ta' dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta' dak ir-Regolament, meta l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun ta' preġudizzju għall-attivitajiet ta' politika kummerċjali u d-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni, jew ikun jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.

3.   Skont l-Artikoli 3 sa 7 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi wkoll id-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fir-rigward ta' data personali miksuba minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni, fuq il-bażi ta' atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta' dak ir-Regolament, jew f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (9);

(b)

fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq il-bażi ta' atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), jew skont miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(c)

fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jipperikola l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ.

Qabel ma' tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji rilevanti tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta' restrizzjoni hija pprovduta minn xi wieħed mill-atti msemmija f'dawk il-punti.

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fejn l-interess tal-Kummissjoni li tikkoopera ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjoni internazzjonali jkun megħlub mill-interessi jew id-drittijiet fundamentali u libertà tas-suġġetti tad-data.

4.   Il-Paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' deċiżjonijiet oħrajn tal-Kummissjoni li jistabbilixxu regoli interni li jikkonċernaw id-dispożizzjoni ta' informazzjoni għas-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' ċerti drittijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 23 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Dispożizzjoni ta' informazzjoni għas-suġġetti tad-data

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha avviż tal-protezzjoni tad-data li jinforma lis-suġġetti tad-data kollha bl-attivitajiet ta' difiża tal-kummerċ tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Fejn ikun rilevanti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jiġu infurmati individwalment f'format xieraq.

2.   Fejn il-Kummissjoni tillimita, totalment jew parzjalment id-dispożizzjoni ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data, li d-data tagħhom tiġi pproċessata għal skopijiet ta' politika kummerċjali jew investigazzjoni għad-difiża tal-kummerċ, hija għandha tniżżel u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni f'konformità mal-Artikolu 6.

Artikolu 4

Id-dritt ta' aċċess mis-suġġetti tad-data, id-dritt ta' tħassir u ta' restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Fejn il-Kummissjoni tillimita, totalment jew parzjalment, id-dritt ta' aċċess għad-data personali min-naħa tas-suġġetti tad-data, id-dritt ta' tħassir jew id-dritt ta' restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17, 19 u 20 rispettivament tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal aċċess, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġuni prinċipali talli sar hekk, u bil-possibilità li jsir ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jintalab rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-għoti tal-informazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jista' jitħassar, ma jingħatax jew jiġi miċħud sakemm jibqa' jipperikola l-iskop tar-restrizzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra r-raġunijiet għal tali restrizzjoni skont l-Artikolu 6.

4.   Fejn id-dritt ta' aċċess ikun totalment jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data għandu jeżerċita d-dritt tiegħu permezz ta' intermedjarju, jiġifieri l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, f'konformità mal-paragrafi 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 5

Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġetti tad-data

Fejn il-Kummissjoni tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data, kif insemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tniżżel u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni f'konformità mal-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

It-tniżżil u r-reġistrazzjoni ta' restrizzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tniżżel ir-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' tali restrizzjoni, li tqis ukoll l-elementi rilevanti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Għal dak il-għan, ir-reġistru għandu jindika kif l-eżerċizzju tad-dritt jipperikola l-għan tal-politika kummerċjali u tal-investigazzjoni għad-difiża tal-kummerċ, jew tar-restrizzjonijiet applikati skont l-Artikolu 2(2) jew (3), jew li jista' jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.

2.   Ir-reġistru u fejn applikabbli, id-dokumenti li fihom elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom isiru disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jintalbu.

Artikolu 7

Tul ta' żmien tar-restrizzjonijiet

1.   Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

2.   Fejn ir-raġunijiet għal restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 3 jew 5 ma jkunux għadhom japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni u tagħti r-raġuni għar-restrizzjoni lis-suġġett tad-data. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'kull ħin, jew li jitlob rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 5 kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħhom u fl-għeluq tal-investigazzjoni. Wara dan, il-Kummissjoni/kontrollur għandu jissorvelja l-bżonn li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni/posponiment fuq bażi annwali.

Artikolu 8

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea

1.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat, mingħajr dewmien żejjed, kull meta d-drittijiet tas-suġġett tad-data jiġu ristretti f'konformità ma' din id-Deċiżjoni. Meta jitlob dan, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jingħata aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokumenti li fihom elementi fattwali u legali sottostanti.

2.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista' jitlob rieżami tar-restrizzjoni. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkun infurmat bil-miktub bl-eżitu tar-rieżami mitlub.

Artikolu 9

Dħul fis-Seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-11 ta' Diċembru 2018.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(6)  Ir-ritenzjoni tal-fajls fil-Kummissjoni hija regolata mil-lista komuni ta' ritenzjoni, dokument regolatorju (l-aħħar verżjoni hija SEC(2012) 713) fil-forma ta' skeda ta' ritenzjoni li tistabbilixxi l-perjodi ta' ritenzjoni għat-tipi differenti ta' fajls tal-Kummissjoni.

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


Top