EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1962

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1962 tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi regoli interni dwar l-ipproċessar ta' data personali mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' ċerti drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2018/8654

ĠU L 315, 12.12.2018, p. 41–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1962/oj

12.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/41


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1962

tal-11 ta' Diċembru 2018

li tistabbilixxi regoli interni dwar l-ipproċessar ta' data personali mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' ċerti drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“l-Uffiċċju”) ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom (1) bħala servizz tal-Kummissjoni. L-Uffiċċju jwettaq investigazzjonijiet b'indipendenza sħiħa.

(2)

L-Uffiċċju jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi bil-għan li jiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għal dak il-għan, jeżerċita s-setgħat ta' investigazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-atti rilevanti tal-Unjoni fl-Istati Membri, kif ukoll f'konformità mal-ftehimiet ta' kooperazzjoni u assistenza reċiproka u kwalunkwe strument legali ieħor fis-seħħ, f'pajjiżi terzi u fil-bini ta' organizzazzjonijiet internazzjonali.

(3)

L-Uffiċċju jmexxi wkoll investigazzjonijiet amministrattivi fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji stabbiliti mit-Trattati jew abbażi tagħhom. Fil-qafas tal-mandat investigattiv tiegħu, l-Uffiċċju jiġbor informazzjoni ta' interess investigattiv, inkluża data personali, minn diversi sorsi — awtoritajiet pubbliċi, entitajiet privati u persuni fiżiċi — u jiskambjaha ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, ma' awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u pajjiżi terzi, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali qabel, matul u wara l-attivitajiet ta' investigazzjoni jew ta' koordinazzjoni.

(4)

Fil-qafas tal-attivitajiet tiegħu, l-Uffiċċju jipproċessa bosta kategoriji ta' data personali, b'mod partikolari data ta' identifikazzjoni, data ta' kuntatt, data professjonali u data dwar involviment ta' każijiet. L-Uffiċċju, irrappreżentat mid-Direttur Ġenerali tiegħu, jaġixxi bħala l-kontrollur tad-data. Id-data personali hija maħżuna f'ambjent elettroniku sigur li jimpedixxi l-aċċess illegali jew it-trasferiment ta' data lil persuni li m'għandhomx bżonn li jkunu jafu. Id-data personali pproċessata tinżamm għal ħmistax-il sena wara li l-każ jiġi miċħud jew l-investigazzjoni jew il-każ ta' koordinazzjoni jingħalaq b'deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali. Fi tmiem il-perjodu taż-żamma, l-informazzjoni relatata mal-każ, inkluża d-data personali, tiġi ttrasferita fl-arkivji storiċi.

(5)

Waqt it-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-Uffiċċju huwa marbut li jirrispetta d-drittijiet ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali rikonoxxut mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat, kif ukoll minn atti legali bbażati fuq dawk id-dispożizzjonijiet. Fl-istess ħin, l-Uffiċċju huwa mitlub jikkonforma ma' regoli stretti ta' kunfidenzjalità u segretezza professjonali msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u jiżgura r-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati u tax-xhieda, imsemmija fl-Artikolu 9 ta' dak ir-Regolament, b'mod partikolari d-dritt tal-persuni kkonċernati għall-preżunzjoni tal-innoċenza.

(6)

L-ambjent elettroniku sigur li fih tinħażen id-data personali kif ukoll il-garanziji proċedurali u r-regoli stretti ta' kunfidenzjalità u segretezza professjonali msemmija rispettivament fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni kontra r-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data involuti mill-ipproċessar.

(7)

F'ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) mal-ħtiġijiet tal-investigazzjonijiet u l-kunfidenzjalità tal-iskambji ta' informazzjoni ma' awtoritajiet pubbliċi kompetenti oħra, kif ukoll b'rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' suġġetti tad-data oħrajn. Għal dak il-għan, l-Artikolu 25 ta' dak ir-Regolament jipprovdi l-possibbiltà lill-Uffiċċju li jirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 tiegħu, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22.

(8)

L-Uffiċċju maħtur, skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(9)

Sabiex jiġu żgurati l-kunfidenzjalità u l-effikaċja tal-investigazzjonijiet u ta' attivitajiet operattivi oħra mwettqa mill-Uffiċċju filwaqt li jiġu rrispettati l-istandards tal-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jeħtieġ li jiġu adottati regoli interni li skonthom l-Uffiċċju jista' jirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data f'konformità mal-Artikolu 25 ta' dak ir-Regolament.

(10)

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-att legali għandu jkopri l-operazzjonijiet ta' pproċessar kollha mwettqa mill-Uffiċċju fit-twettiq tal-funzjoni investigattiva indipendenti tiegħu. Għandhom japplikaw għal operazzjonijiet ta' pproċessar imwettqa qabel il-ftuħ ta' investigazzjoni, kemm waqt investigazzjonijiet interni kif ukoll esterni, kif imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, u matul il-monitoraġġ tas-segwitu għall-eżitu tal-investigazzjonijiet. Ir-regoli għandhom japplikaw għal operazzjonijiet ta' pproċessar li jagħmlu parti mill-attivitajiet marbuta mal-funzjoni investigattiva bħas-sistema ta' rapportar ta' frodi, analiżi operazzjonali, bażijiet ta' data ta' kooperazzjoni internazzjonali, kif ukoll operazzjonijiet li jista' jkun fihom data investigattiva bħal pereżempju fil-ġestjoni ta' investigazzjonijiet tal-UPD jew fi proċessi oħra ta' lmenti mwettqa mill-Uffiċċju. Għandu jinkludi wkoll assistenza u kooperazzjoni pprovduti mill-Uffiċċju lil awtoritajiet nazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali barra mill-investigazzjonijiet amministrattivi tiegħu.

(11)

Sabiex jikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-individwi kollha dwar l-attivitajiet tiegħu li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali u tad-drittijiet tiegħu b'mod trasparenti u koerenti fil-forma ta' avviżi ta' protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web tal-Uffiċċju, kif ukoll li jinforma b'mod individwali lis-suġġetti tad-data rilevanti għall-investigazzjoni — persuni kkonċernati, xhieda u informaturi fil-format xieraq.

(12)

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725, l-Uffiċċju jista' jkollu jillimita l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta' drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data sabiex jipproteġi l-investigazzjonijiet tiegħu stess, l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, l-għodod u l-metodi ta' investigazzjoni, kif ukoll id-drittijiet ta' persuni oħra relatati mal-investigazzjonijiet tiegħu.

(13)

F'xi każijiet, l-għoti ta' informazzjoni partikolari lis-suġġetti tad-data jew il-kxif tal-eżistenza ta' investigazzjoni jista' jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament l-iskop tal-operazzjoni tal-ipproċessar u l-kapaċità tal-Uffiċċju jew tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni biex iwettqu investigazzjoni b'mod effettiv fil-futur.

(14)

Barra minn hekk, l-Uffiċċju huwa meħtieġ li jipproteġi l-identità tal-informaturi, inklużi l-informaturi u x-xhieda, li ma għandhomx ibatu minn riperkussjonijiet negattivi fir-rigward tal-kooperazzjoni tagħhom mal-Uffiċċju.

(15)

Għal dawk ir-raġunijiet, l-Uffiċċju jista' jeħtieġ li japplika ċerti raġunijiet għar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għal operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa fil-qafas tal-kompiti tal-Uffiċċju stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom.

(16)

Barra minn hekk, sabiex tinżamm kooperazzjoni effettiva, l-Uffiċċju jista' jkun mitlub li japplika restrizzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data sabiex jipproteġi l-informazzjoni li jkun fiha data personali li toriġina mis-servizzi tal-Kummissjoni jew minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u minn pajjiżi terzi, kif ukoll minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Għal dak il-għan, l-Uffiċċju għandu jikkonsulta lil dawk is-servizzi, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji, l-aġenziji, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali dwar ir-raġunijiet rilevanti għal u l-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet.

(17)

Fil-qafas tal-funzjoni investigattiva tiegħu, l-Uffiċċju ta' spiss jiskambja informazzjoni, inkluża data personali,fost oħrajn mas-servizzi tal-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi li jassistu lis-servizzi tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi tagħhom. F'konformità mal-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) 2018/1725 — li jirrikjedi li r-regoli interni jiġu adottati fl-ogħla livell ta' ġestjoni tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji u l-uffiċċji kkonċernati tal-Unjoni — din id-Deċiżjoni għandha tinkludi l-ipproċessar ta' data personali li tinsab fl-informazzjoni li huma meħtieġa jittrażmettu lill-Uffiċċju. Għalhekk, is-servizzi u l-aġenziji eżekuttivi kollha tal-Kummissjoni li jipproċessaw data personali skont id-dmir tagħhom li jinfurmaw lill-Uffiċċju skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jew fejn tali data personali tiġi pproċessata mill-Uffiċċju fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti f'din id-Deċiżjoni bil-ħsieb li jiġu protetti l-operazzjonijiet ta' pproċessar imwettqa mill-Uffiċċju. F'ċirkostanzi bħal dawn, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi kkonċernati għandhom għalhekk jikkonsultaw lill-Uffiċċju dwar ir-raġunijiet rilevanti għar-restrizzjonijiet u n-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom sabiex jiżguraw l-applikazzjoni koerenti tagħhom.

(18)

L-Uffiċċju — u, fejn rilevanti, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi — għandu jittratta r-restrizzjonijiet kollha b'mod trasparenti u jirreġistra kull applikazzjoni ta' restrizzjonijiet fis-sistema ta' rekords korrispondenti.

(19)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kontrolluri jistgħu jiddiferixxu jew iżommu lura milli jipprovdu informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta' restrizzjoni għas-suġġett tad-data jekk dan bi kwalunkwe mod jikkomprometti l-għan tar-restrizzjoni. B'mod partikolari, fejn tiġi applikata restrizzjoni għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 16 u 35, in-notifika ta' tali restrizzjoni tikkomprometti l-iskop tar-restrizzjoni. Sabiex jiġi żgurat li d-dritt tas-suġġett tad-data li jkun infurmat skont l-Artikoli 16 u 38 tar-Regolament (UE) 2018/1725 huwa ristrett biss sakemm ir-raġunijiet għad-differiment tal-aħħar, l-Uffiċċju għandu jirrevedi regolarment il-pożizzjoni tiegħu.

(20)

Fejn restrizzjoni fuq id-drittijiet ta' suġġetti tad-data oħra tiġi applikata, il-kontrollur għandu jivvaluta fuq bażi ta' każ b'każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkompromettix l-iskop tagħha.

(21)

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Uffiċċju — u, fejn rilevanti, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jew tal-aġenzija eżekuttiva kkonċernata — għandu jwettaq ukoll reviżjoni indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Deċiżjoni,

(22)

Regolament (UE) 2018/1725 jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 45/2001, mingħajr ebda perjodu tranżitorju, mid-data tad-dħul fis-seħħ. Il-possibbiltà li jiġu applikati restrizzjonijiet għal ċerti drittijiet hija stipulata fir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Sabiex jiġi evitat li jiġi pperikolat l-għan tal-investigazzjonijiet fil-mandat tal-Uffiċċju u li jaffettwaw b'mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(23)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat fit-23 ta' Novembru 2018.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tema u l-ambitu

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“l-Uffiċċju”) biex jinforma lis-suġġetti tad-data bl-ipproċessar tad-data tagħhom skont l-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom l-Uffiċċju jista' jirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 sa 20, kif ukoll l-Artikolu 35, tar-Regolament (UE) 2018/1725, skont l-Artikolu 25 ta' dak ir-Regolament.

2.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Uffiċċju għall-fini ta' jew fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa sabiex jiġu ssodisfati l-kompiti tal-Uffiċċju msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

3.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mis-servizzi tal-Kummissjoni u mill-aġenziji eżekuttivi sa fejn dawn jipproċessaw id-data personali inkluża fl-informazzjoni li huma meħtieġa jittrażmettu lill-Uffiċċju skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jew data personali diġà pproċessata mill-Uffiċċju għall-fini ta' jew fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 2

Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli

1.   Fejn l-Uffiċċju jeżerċita d-dmirijiet tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, għandu jikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament.

2.   Soġġett għall-Artikoli 3 sa 6 ta' din id-Deċiżjoni, l-Uffiċċju jista' jirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll l-Artikolu 4 tiegħu sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jipperikola l-għan tal-attivitajiet investigattivi tal-Uffiċċju, inkluż billi jiġu żvelati l-għodod u l-metodi investigattivi tiegħu, jew jaffettwa ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

3.   Soġġett għall-Artikoli 3 sa 6 ta' din id-Deċiżjoni, l-Uffiċċju jista' jirrestrinġi d-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fir-rigward tad-data personali miksuba mis-servizzi tal-Kummissjoni jew istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni, awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri jew pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun jista' jiġi ristrett mis-servizzi tal-Kummissjoni jew minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni fuq il-bażi ta' atti oħra stupulati fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta' dak ir-Regolament jew skont l-atti kostituttivi ta' istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

(b)

fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri abbażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jew skont miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

(c)

fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jistgħu jipperikolaw il-kooperazzjoni tal-Uffiċċju ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Qabel ma japplikaw ir-restrizzjonijiet fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Uffiċċju għandu jikkonsulta s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji, l-uffiċċji tal-Unjoni jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-Uffiċċju li l-applikazzjoni ta' restrizzjoni tkun prevista minn wieħed mill-atti msemmija f'dawk il-punti.

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-interessi tal-Unjoni biex tikkoopera ma' pajjiżi terzi jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali huma megħluba mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data.

4.   Fejni s-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi jipproċessaw data personali fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3), huma jistgħu, fejn ikun meħtieġ, japplikaw restrizzjonijiet f'konformità ma' din id-Deċiżjoni. Għal dak il-għan, huma għandhom jikkonsultaw lill-Uffiċċju, sakemm ma jkunx ċar għas-servizz tal-Kummissjoni jew l-aġenzija eżekuttiva kkonċernata li l-applikazzjoni ta' restrizzjoni tkun ġustifikata skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-forniment ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data

1.   L-Uffiċċju għandu jippubblika, fuq is-sit elettroniku tiegħu, avviżi dwar il-protezzjoni tad-data li jinformaw lis-suġġetti tad-data kollha dwar l-attivitajiet tiegħu li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

2.   L-Uffiċċju għandu jinforma b'mod individwali lis-suġġetti tad-data kollha li jqis li huma persuni kkonċernati, lix-xhieda jew lill-informaturi skont it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

3.   Fejn l-Uffiċċju jirrestrinġi, b'mod sħiħ jew parzjali, l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

Għal dak il-għan, ir-reġistru għandu jiddikjara kif l-għoti tal-informazzjoni jipperikola l-għan tal-attivitajiet investigattivi tal-Uffiċċju, jew tar-restrizzjonijiet applikati skont l-Artikolu 2(3), jew kif jista' jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

Għandhom jiġu rreġistrati r-rekords u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jkun fihom elementi fattwali u legali. Dawn għandhom ikunu disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

4.   Ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tkompli tapplika sakemm ir-raġunijiet li jiġġustifikawha jibqgħu applikabbli.

Fejn ir-raġunijiet għar-restrizzjoni ma japplikawx aktar, l-Uffiċċju għandu jipprovdi l-informazzjoni kkonċernata u r-raġunijiet għar-restrizzjoni fuq is-suġġett tad-data. Fl-istess ħin, l-Uffiċċju għandu jinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-Uffiċċju għandu jirrevedi l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tiegħu u fl-għeluq tal-investigazzjoni rilevanti. Wara dan, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li kwalunkwe restrizzjoni tinżamm fuq bażi annwali.

Artikolu 4

Dritt ta' aċċess skont is-suġġett tad-data

1.   Fejn is-suġġetti tad-data jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom ipproċessata fil-kuntest ta' każ speċifiku wieħed jew aktar jew ta' operazzjoni ta' pproċessar partikolari, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Uffiċċju għandu jillimita l-valutazzjoni tiegħu tat-talba għal tali data personali biss.

2.   Fejn l-Uffiċċju jirrestrinġi, b'mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta' aċċess, imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, huwa għandu jieħu l-passi li ġejjin:

(a)

għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali tagħha, u bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jitlob rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

(b)

għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni; għal dak il-għan, ir-rekord għandu jiddikjara kif l-għoti tal-aċċess jipperikola l-għan tal-attivitajiet investigattivi tal-Uffiċċju jew tar-restrizzjonijiet applikati skont l-Artikolu 2(3), jew jista' jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti oħra tad-data.

L-għoti ta' informazzjoni msemmi fil-punt (a) jista' jiġi differit, imħolli barra jew miċħud skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   Ir-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 u, fejn applikabbli, id-dokumenti li fihom elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom ikunu disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba. L-Artikolu 25(7) tar-Regolament (KE) Nru 2018/1725 għandu jgħodd.

Artikolu 5

Dritt ta' rettifika, tħassir u restrizzjoni ta' pproċessar

Fejn l-Uffiċċju jirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, l-applikazzjoni tad-dritt għal rettifika, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar, kif imsemmi fl-Artikoli 18, 19(1) u 20(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, huwa għandu jieħu l-passi stipulati fl-Artikolu 4(2) ta' din id-Deċiżjoni u jirreġistra r-rekord skont l-Artikolu 4(3) tiegħu.

Artikolu 6

Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data

Meta l-Uffiċċju jirrestrinġi l-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data, imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, għandu jniżżel u jirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni f'konformità mal-Artikolu 3(3) ta' din id-Deċiżjoni. Għandu japplika l-Artikolu 3(4) ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Reviżjoni mill-Uffiċjal tal-Proċessar ta' Data

1.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Uffiċċju (“l-UPD tal-Uffiċċju”), għandu jiġi infurmat, mingħajr dewmien żejjed, kull meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jkunu ristretti f'konformità ma' din id-Deċiżjoni. L-UPD tal-Uffiċċju jiġi pprovdut b'aċċess għar-reġistrazzjoni u kwalunkwe dokument li jkun fih elementi fattwali u legali sottostanti.

L-UPD tal-Uffiċċju jista' jitlob reviżjoni tar-restrizzjonijiet. L-UPD tal-Uffiċċju jiġi infurmat bil-miktub dwar l-eżitu tar-reviżjoni mitluba.

2.   Fejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi jipproċessaw data personali fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3), l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (“l-UPD tal-Kummissjoni”) jew, fejn applikabbli, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-aġenzija eżekuttiva kkonċernata (“l-UPD tal-Aġenzija”), għandhom jiġu infurmati, mingħajr dewmien żejjed, kull meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jkunu ristretti f'konformità ma' din id-Deċiżjoni. Fuq talba, l-UPD tal-Kummissjoni jew, fejn applikabbli, l-UPD tal-Aġenzija, jingħataw aċċess għar-reġistrazzjoni u kwalunkwe dokument li jkun fih elementi fattwali u legali sottostanti.

L-UPD tal-Kummissjoni jew, fejn applikabbli, l-Aġenzija UPD, jistgħu jinfurmaw lill-kontrollur bil-miktub sabiex jirrevedu l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. L-UPD tal-Kummissjoni jew l-Aġenzija UPD jiġu infurmati bil-miktub dwar l-eżitu tar-reviżjoni mitluba.

3.   L-iskambji kollha ta' informazzjoni mal-UPD matul il-proċedura kollha għandhom jiġu rreġistrati fil-formola xierqa.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-11 ta' Diċembru 2018.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta' April 1999 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20).

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(3)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu tat-tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(5)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


Top