Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1907

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1907 tal-20 ta' Diċembru 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika

    ST/7964/2018/INIT

    ĠU L 330, 27.12.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1907/oj

    27.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 330/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1907

    tal-20 ta' Diċembru 2018

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/966 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fi 17 ta' Lulju 2018.

    (2)

    Sabiex ikun żgurat it-tħaddim effiċjenti tas-sistema tal-iffaċilitar tal-esportazzjoni tal-inbid prevista fil-Ftehim, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata li tissospendi temporanjament, f'isem l-Unjoni u skont kif previst fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 2.29 tal-Ftehim, l-aċċettazzjoni tal-awtoċertifikazzjoni tal-prodotti tal-inbid kif stipulata fl-Artikolu 2.28 tal-Ftehim. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata li ttemm dik is-sospensjoni temporanja f'isem l-Unjoni u kif previst fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 2.29 tal-Ftehim.

    (3)

    F'konformità mal-Artikolu 218(7) tat-Trattat, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova, f'isem l-Unjoni, ċerti modifiki għall-Ftehim. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun awtorizzata tapprova modifiki skont l-Artikolu 10.14 tal-Ftehim fir-rigward tal-Parti 2 tal-Anness 10 tal-Ftehim wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 207(3) tat-Trattat. Jenħtieġ li dik l-awtorizzazzjoni ma tapplikax għal modifiki għal impenji taħt il-paragrafu 4 (“Akkwist ta' oġġetti u servizzi relatati mal-ferroviji”) u l-paragrafu 5 (“Servizzi”) tat-Taqsima A tal-Parti 2 tal-Anness 10 għall-Ftehim. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata wkoll tapprova modifiki tal-Anness 14-A u l-Anness 14-B għall-Ftehim.

    (4)

    F'konformità mal-Artikolu 23.5 tal-Ftehim, xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li jagħti drittijiet jew jimponi obbligi fuq persuni, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi ta' persuni skont id-dritt internazzjonali pubbliku. Għalhekk ma huwiex possibbli li l-Ftehim jiġi invokat direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

    (5)

    Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika huwa b'dan approvat.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1.   Id-deċiżjoni tal-Unjoni li temporanjament tissospendi, skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 2.29 tal-Ftehim, l-aċċettazzjoni tal-awtoċertifikazzjoni tal-prodotti tal-inbid kif stipulat fl-Artikolu 2.28 tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni.

    2.   Id-deċiżjoni tal-Unjoni li ttemm, skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 2.29 tal-Ftehim, is-sospensjoni temporanja msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tittieħed mill-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Għall-finijiet tal-Artikolu 10.14 tal-Ftehim, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-modifiki jew rettifiki għall-impenji skont il-Parti 2 tal-Anness 10 għall-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3) tat-Trattat. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal modifi għal impenji taħt il-paragrafu 4 (“Akkwist ta' oġġetti u servizzi relatati mal-ferroviji”) u l-paragrafu 5 (“Servizzi”) tat-Taqsima A tal-Parti 2 tal-Anness 10 għall-Ftehim.

    Artikolu 4

    Il-modifiki tal-Anness 14-A u l-Anness 14-B għall-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali stabbilit mill-Ftehim, għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni. Fejn il-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu ftehim wara oġġezzjonijiet marbuta mal-indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    Artikolu 5

    Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 23.3 tal-Ftehim (4).

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. KÖSTINGER


    (1)  Approvazzjoni ta' 12 ta' Diċembru 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/966 tas-6 ta' Lulju 2018 dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (ĠU L 174, 10.7.2018, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

    (4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top