Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1888

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1888 tat-3 ta' Diċembru 2018 li tiddetermina li sospensjoni temporanja tad-dazju doganali preferenzjali skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mhijiex adegwata għall-importazzjonijiet tal-banana li toriġina mill-Gwatemala u mill-Perù

    C/2018/7948

    ĠU L 308, 4.12.2018, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1888/oj

    4.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 308/49


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1888

    tat-3 ta' Diċembru 2018

    li tiddetermina li sospensjoni temporanja tad-dazju doganali preferenzjali skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mhijiex adegwata għall-importazzjonijiet tal-banana li toriġina mill-Gwatemala u mill-Perù

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Kolombja il-Perù u l-Ekwador fuq in-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013, li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ġie introdott mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana permezz tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Amerika Ċenterali, min-naħa l-oħra. Ġie inkluż mekkaniżmu simili fil-Ftehim ta' Kummerċ bjen l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, min-naħa l-oħra. Dawn il-Ftehimiet (“il-Ftehimiet”), bdew japplikaw b'mod provviżorju għall-Gwatemala fl-1 ta' Awwissu 2013 u għall-Perù fl-1 ta' Marzu 2013.

    (2)

    Skont dawn il-mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni, kif implimentat bir-Regolament (UE) Nru 20/2013 u bir-Regolament (UE) Nru 19/2013, ladarba jinqabeż volum indikattiv definit għall-importazzjonijiet ta' banana friska (3) minn wieħed mill-pajjiżi kkonċernati, il-Kummissjoni tista' jew tissospendi temporanjament id-dazju doganali preferenzjali applikat fuq l-importazzjonijiet ta' banana friska għal dak il-pajjiż, jew tiddetermina li tali sospensjoni ma tkunx xierqa. Jenħtieġ li dan isir billi jiġi adottat att ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' urġenza stipulata fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) Nru 20/2013 u fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) Nru 19/2013.

    (3)

    Fl-10 ta' Settembru u fil-15 ta' Ottubru 2018, l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta' banana friska li toriġina mill-Gwatemala u mill-Perù qabżu l-volum indikattiv ta' 70 000 tunnellata u 97 500 tunnellata rispettivament, kif definit fil-Ftehimiet rilevanti rispettivi.

    (4)

    F'dan il-kuntest, skont l-Artikoli 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 20/2013 u skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 19/2013, il-Kummissjoni analizzat l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-qagħda tas-suq tal-Unjoni għall-banana sabiex tiddeċiedi jekk id-dazju doganali preferenzjali għandux jiġi sospiż. Il-Kummissjoni eżaminat l-effett tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra u l-istabbiltà ġenerali tas-suq tal-banana friska fl-Unjoni.

    (5)

    Fil-15 ta' Ottubru 2018 l-importazzjonijiet ta' banana friska mill-Gwatemala u mill-Perù kienu jirrappreżentaw 2,95 % u 2,80 % tal-importazzjonijiet ta' banana friska lejn l-Unjoni suġġetti għall-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni. Barra minn hekk, il-Gwatemala u l-Perù kienu jirrappreżentaw rispettivament 1,8 % u 2,2 % mill-importazzjonijiet totali ta' banana friska lejn l-Unjoni.

    (6)

    Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet minn pajjiżi esportaturi kbar li huma wkoll soġġetti għall-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni, notevolment il-Kolombja, l-Ekwador u l-Costa Rica ammontaw rispettivament għal 51 %, 64,3 % u 64,3 % tal-limiti tagħhom. Il-kwantitajiet “mhux użati” fl-ambitu tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni (madwar 2,4 miljun tunnellata) huma għalhekk sinifikament ogħla mill-importazzjonijiet totali mill-Gwatemala u mill-Perù (105 366 u 99 698 tunnellata).

    (7)

    Il-prezzijiet ta' importazzjoni mill-Gwatemala u mill-Perù kienu bħala medja ta' EUR 527/tunnellata u ta' EUR 730/tunnellata għall-ewwel tmien (8) xhur tal-2018 (skont l-aħħar data disponibbli), li huwa rispettivament 20 % irħas u 10,7 % ogħla mill-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet l-oħrajn ta' banana friska lejn l-Unjoni.

    (8)

    F'dan il-kuntest, minkejja l-prezz baxx tal-banana importata mill-Gwatemala, il-prezz bl-ingrossa medju tal-banana fis-suq tal-Unjoni f'Lulju 2018, ma rreġistra ebda bidla 'l isfel u baqa' għoli. Tabilħaqq, il-prezz bl-ingrossa medju tal-banana (ta' kull oriġini) kien ta' EUR 911,5/tunellata f'Awwissu 2018, li huwa 2,8 % ogħla mill-prezz korrispondenti f'Awwissu 2017 (EUR 855,3/tunellata). Barra minn dan, il-prezz bl-ingrossa medju tal-banana prodotta fl-Unjoni kien ta' EUR 1 228,6/tunnellata f'Awwissu 2018, li huwa 38,9 % ogħla mil-livell f'Awwissu 2017 (EUR 884,6/tunellata). Dan huwa wkoll minkejja l-fatt li l-importazzjonijiet min-Nikaragwa issa qabżu l-livell limitu tagħhom b'409 %.

    (9)

    Minħabba l-fatt li l-importazzjonijiet tal-banana mill-Gwatemala u mill-Perù huma rispettivament żgħar, ma kellhomx impatt fuq il-prezz tas-suq tal-banana fl-Unjoni. Għaldaqstant, f'dan l-istadju, la hemm indikazzjoni li l-istabbiltà tas-suq tal-Unjoni kienet affettwata mill-importazzjonijiet ta' banana friska mill-Gwatemala u mill-Perù li qabżu l-volum indikattiv ta' importazzjoni annwali definit, u lanqas li dan kellu xi impatt sinifikanti fuq il-qagħda tal-produtturi fl-Unjoni.

    (10)

    Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni ta' xi theddida ta' deterjorament serju fis-suq tal-Unjoni jew ta' deterjorament serju fil-qagħda ekonomika tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni f'Awwissu 2018.

    (11)

    Għaldaqstant, is-sospensjoni tad-dazju doganali preferenzjali fuq l-importazzjonijiet tal-banana li toriġina mill-Gwatemala u mill-Perù mhijiex xierqa f'dan l-istadju.

    (12)

    Il-Kummissjoni se tkompli l-monitoraġġ tagħha f'dan ir-rigward u tista' tadotta miżuri jekk dan ikun xieraq,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-sospensjoni temporanja tad-dazju doganali preferenzjali fuq l-importazzjonijiet ta' banana friska kklassifikata taħt is-subintestatura 0803 90 10 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea u li toriġina mill-Gwatemala u/jew mill-Perù mhijiex xierqa.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 17, 19.1.2013, p. 1.

    (2)  ĠU L 17, 19.1.2013, p. 13.

    (3)  Is-subintestatura 0803 90 10 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta' Ottubru 2018


    Top