Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1854

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1854 tas-27 ta' Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja msejħa “Bijomassa Aħjar” sabiex tintwera l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà skont id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2018/7736

ĠU L 302, 28.11.2018, p. 73–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1854/oj

28.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/73


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1854

tas-27 ta' Novembru 2018

dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja msejħa “Bijomassa Aħjar” sabiex tintwera l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà skont id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (2), u b'mod partikolari t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 18(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikoli 7b u 7c u l-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikoli 17 u 18 u l-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE jistipulaw kriterji simili ta' sostenibbiltà għall-bijofjuwils u għall-bijolikwidi, u proċeduri simili għall-verifika tal-konformità tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi ma' dawk il-kriterji.

(2)

Meta l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ta' dik id-Direttiva.

(3)

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards għall-produzzjoni tal-prodotti tal-bijomassa fihom data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, u/jew juru li l-konsenji tal-bijofjuwils jew tal-bijolikwidi huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3), (4) u (5), u/jew li l-ebda materjal ma ġie mmodifikat jew imwarrab intenzjonalment sabiex il-konsenja jew parti minnha tkun tista' taqa' taħt l-Anness IX. Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew jipprovdi data miksuba skont skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert bid-deċiżjoni tar-rikonoxximent, jenħtieġ li Stat Membru ma jirrikjedix li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri ta' konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà.

(4)

It-talba biex jiġi rikonoxxut li l-iskema volontarja msejħa “Bijomassa Aħjar” turi li l-konsenji tal-bijofjuwils huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fl-20 ta' Frar 2018. L-iskema, li hija bbażata fi Vlinderweg 6, NL-2623 AX Delft, in-Netherlands, tkopri firxa wiesgħa ta' feedstocks fosthom skart u residwi u l-katina tal-kustodja kollha. Jenħtieġ li d-dokumenti tal-iskema rikonoxxuta jkunu disponibbli fil-pjattaforma ta' trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE.

(5)

Hija u tivvaluta l-iskema volontarja msejħa “Bijomassa Aħjar”, il-Kummissjoni sabet li din tkopri b'mod adegwat il-kriterji kollha ta' sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE, kif ukoll li din tapplika metodoloġija ta' bilanċ tal-massa skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(6)

Mill-valutazzjoni tal-iskema volontarja msejħa “Bijomassa Aħjar” irriżulta li din tilħaq standards adegwati ta' affidabbiltà, ta' trasparenza u ta' awditjar indipendenti, kif ukoll li tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u tal-Bijolikwidi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema volontarja msejħa “Bijomassa Aħjar” (“l-iskema”), li fl-20 ta' Frar 2018 ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni għal rikonoxximent, turi li l-konsenji tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi prodotti skont l-istandards għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi stabbiliti fl-iskema huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

L-iskema fiha wkoll data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE.

Artikolu 2

Fil-każ li l-kontenut tal-iskema, li ġiet ippreżentata fl-20 ta' Frar 2018 lill-Kummissjoni għal rikonoxximent, jinbidel b'tali mod li jista' jaffettwa l-bażi ta' din id-Deċiżjoni, dan it-tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat bil-ħsieb li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha tkopri b'mod adegwat il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni tista' tħassar din id-Deċiżjoni, fost affarijiet oħra, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi kkunsidrati bħala deċiżivi għal din id-Deċiżjoni jew jekk ikun twettaq ksur gravi u strutturali ta' dawk l-elementi;

(b)

jekk l-iskema ma tippreżentax rapporti annwali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7c(6) tad-Direttiva 98/70/KE u skont l-Artikolu 18(6) tad-Direttiva 2009/28/KE;

(c)

jekk l-iskema ma timplimentax l-istandards tal-awditjar indipendenti speċifikati fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 7c(5) tad-Direttiva 98/70/KE u fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2009/28/KE jew it-titjib ta' elementi oħra tal-iskema kkunsidrati bħala deċiżivi għall-issoktar tar-rikonoxximent.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika sat-18 ta’Diċembru 2023.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

(2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.


Top