Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1700

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1700 tas-6 ta' Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja biex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/12984/2018/INIT

    ĠU L 285, 13.11.2018, p. 78–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1700/oj

    13.11.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 285/78


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1700

    tas-6 ta' Novembru 2018

    li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja biex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-punt (15) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE jawtorizza lis-Slovenja biex teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dawk il-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 25 000.

    (2)

    Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE (2), is-Slovenja ġiet awtorizzata biex, sal-31 ta' Diċembru 2015 u bħala deroga mill-punt (15) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 50 000. Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2089 (3), l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/54/UE ġiet estiża sal-31 ta' Diċembru 2018.

    (3)

    B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-22 ta' Mejju 2018, is-Slovenja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 50 000.

    (4)

    F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba tas-Slovenja lill-Istati Membri l-oħra b'ittra datata l-25 ta' Ġunju 2018. B'ittra datata s-26 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tqis it-talba.

    (5)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mis-Slovenja, fi tmiem l-2017 madwar 48 % tal-persuni rreġistrati għall-VAT kellhom fatturat taxxabbli ta' inqas minn EUR 50 000. Dawk il-persuni taxxabbli kienu jirrappreżentaw 1 % biss tal-fatturat totali li 0,3 % minnu kien rappreżentat minn persuni taxxabbli b'fatturat taxxabbli ta' inqas minn EUR 25 000.

    (6)

    Peress li l-livell limitu ogħla wassal għal tnaqqis fl-obbligi tal-VAT għal impriżi żgħar, filwaqt li dawn l-impriżi għadhom jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f'konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, jenħtieġ li s-Slovenja tkun awtorizzata tapplika l-miżura għal perjodu limitat ieħor sal-31 ta' Diċembru 2021.

    (7)

    Peress li l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar huma soġġetti għal rieżami, jista' jkun li qabel ma jiskadi l-perjodu ta' validità tad-deroga fil-31 ta' Diċembru 2021, tidħol fis-seħħ direttiva li temenda dawn l-Artikoli u li tistabbilixxi data li minnha jridu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali. F'dak il-każ, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tieqaf tapplika.

    (8)

    Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li s-Slovenja għandha twettaq kalkolu tal-kumpens f'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (4).

    (9)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/54/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/54/UE, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2013 sal-ewwel data li sseħħ minn dawn iż-żewġ dati li ġejjin:

    (a)

    il-31 ta' Diċembru 2021;

    (b)

    id-data li minnha l-Istati Membri jridu japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li meħtieġa jadottaw f'każ li tidħol fis-seħħ direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LÖGER


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE tat-22 ta' Jannar 2013 li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 15).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2089 tal-10 ta' Novembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 302, 19.11.2015, p. 107).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


    Top