EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1696

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 tat-13 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli ta' ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”)

ST/10413/2018/INIT

ĠU L 282, 12.11.2018, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/01/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1696/oj

12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/8


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1696

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar ir-regoli ta' ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaħtru l-Kap Prosekutur Ewropew, bi qbil komuni, minn lista ristretta ta' kandidati kwalifikati mfassla minn bord tal-għażla. Il-bord tal-għażla għandu jikkonsisti minn 12-il persuna li għandhom jintgħażlu minn fost dawk li qabel kienu membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, dawk li qabel kienu membri nazzjonali tal-Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali, prosekuturi ta' livell għoli u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta. Waħda mill-persuni magħżula għandha tiġi proposta mill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi r-regoli ta' ħidma tal-bord tal-għażla.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi wkoll li l-Kunsill għandu jaħtar kull Prosekutur Ewropew minn fost tliet kandidati nominati minn kull Stat Membru wara li jkun irċieva opinjoni motivata mill-bord tal-għażla.

(3)

Il-proċedura għall-għażla tal-Kap Prosekutur Ewropew u tal-Prosekuturi Ewropej għandha tkun element ewlieni biex tkun iggarantita l-indipendenza tagħhom.

(4)

Jenħtieġ li r-regoli ta' ħidma tal-bord tal-għażla jiggarantixxu li l-bord tal-għażla jkollu l-indipendenza u l-imparzjalità neċessarji biex iwettaq il-ħidma tiegħu.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli ta' ħidma tal-bord tal-għażla,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regoli ta' ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 huma stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.


ANNESS

REGOLI TA' ĦIDMA TAL-BORD TAL-GĦAŻLA

I.   Missjoni

Il-bord tal-għażla għandu jfassal lista ristretta ta' kandidati kwalifikati għall-kariga ta' Kap Prosekutur Ewropew, f'konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (1), qabel il-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Huwa għandu wkoll jipprovdi opinjoni motivata dwar il-kwalifiki tal-kandidati nominati għall-kariga ta' Prosekutur Ewropew f'konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Il-Kunsill għandu jaħtar il-Prosekuturi Ewropej wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata.

II.   Għamla u mandat

Il-bord tal-għażla għandu jikkonsisti minn 12-il persuna li, fil-mument tal-ħatra tagħhom, huma ex-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, ex-membri nazzjonali tal-Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali, prosekuturi ta' livell għoli u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta. Il-membri kollha għandhom jissodisfaw minn tal-anqas kriterju wieħed minn dawk imsemmija hawn fuq fil-mument tal-ħatra tagħhom.

Il-membri tal-bord tal-għażla għandhom jinħatru mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għal perijodu ta' erba' snin. Waħda mill-persuni magħżula għandha tkun proposta mill-Parlament Ewropew. Il-persuna li tkun ser tissostitwixxi membru qabel it-tmiem ta' dak il-perijodu għandha tinħatar għall-bqija tal-mandat tal-predeċessur tagħha permezz tal-istess proċedura, mill-aktar fis possibbli wara t-terminazzjoni tal-kariga bħala membru tal-predeċessur tagħha. Il-membri tal-bord tal-għażla jistgħu jerġgħu jinħatru darba.

III.   Presidenza u segretarjat

Il-bord tal-għażla għandu jkun ippresedut minn wieħed mill-membri tiegħu, elett għal dak l-iskop mill-membri tal-bord tal-għażla permezz ta' vot ta' maġġoranza. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mis-segretarjat tal-bord tal-għażla. Is-segretarjat għandu jipprovdi l-appoġġ amministrattiv neċessarju għall-ħidma tal-bord tal-għażla, inkluża t-traduzzjoni tad-dokumenti. Huwa għandu wkoll jittrasmetti l-lista ristretta tal-kandidati kwalifikati għall-kariga ta' Kap Prosekutur Ewropew lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u, rispettivament, l-opinjonijiet motivati dwar il-kwalifiki tal-kandidati biex jaqdu d-doveri ta' Prosekuturi Ewropej lill-Kunsill.

IV.   Deliberazzjonijiet u quorum

Id-deliberazzjonijiet tal-bord tal-għażla għandhom ikunu kunfidenzjali u għandhom isiru in camera. Il-laqgħat tal-bord tal-għażla għandhom ikunu validi biss jekk ikunu preżenti minn tal-anqas disa' membri.

Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-għażla għandhom jittieħdu b'konsensus. Madankollu, jekk membru jitlob biex jittieħed vot, id-deċiżjoni għandha tittieħed permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti. Fl-eventwalità li l-voti jkunu ndaqs, il-president għandu jkollu l-vot deċiżiv. L-istess regoli għandhom japplikaw ukoll għad-determinazzjoni tar-reġim lingwistiku kif stabbilit fir-Regola X.

V.   Referenza lill-bord tal-għażla u talbiet għal informazzjoni addizzjonali

Mar-riċezzjoni tal-applikazzjonijiet għall-kariga ta' Kap Prosekutur Ewropew, is-segretarjat għandu jibgħathom lill-membri kollha tal-bord tal-għażla. L-istess japplika għan-nomini għall-kariga ta' Prosekutur Ewropew, inklużi d-dokumenti ta' akkumpanjament ippreżentati mill-Istati Membri.

Il-bord tal-għażla jista' jitlob lill-applikanti biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali jew materjal ieħor li l-bord tal-għażla jqis meħtieġa għad-deliberazzjonijiet tiegħu, u, fil-każ ta' nomini għall-kariga ta' Prosekutur Ewropew, il-bord tal-għażla jista' jitlob lill-gvern tal-Istat Membru nominanti biex jipprovdi tali informazzjoni jew materjal.

VI.   Analiżi u smigħ

1.   Proċedura għall-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew

Malli jirċievi l-applikazzjonijiet tal-kandidati, il-bord tal-għażla għandu janalizza l-applikazzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, kif speċifikat ulterjorment fl-avviż ta' post battal. Il-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà għandhom jiġu esklużi mill-passi li jmiss tal-proċedura. Il-bord tal-għażla għandu jikklassifika lill-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom, abbażi tad-dokumentazzjoni u l-informazzjoni provduti fl-applikazzjoni jew prodotti wara li ssir talba skont ir-Regola V. Il-bord tal-għażla għandu jisma' għadd suffiċjenti ta' kandidati minn fost l-ogħla klassifikati sabiex ikun jista' jistabbilixxi l-lista ristretta msemmija fir-Regola VII(1). Is-smigħ għandu jsir bil-preżenza fiżika.

Il-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà jew li ma jkunux mistiedna għal smigħ mill-bord tal-għażla għandhom ikunu mgħarrfa bir-raġunijiet. Kandidat jista' jirreaġixxi għal din id-deċiżjoni billi jiddikjara r-raġunijiet għaliex ma jaqbilx mal-valutazzjoni tal-bord tal-għażla. Sussegwentement, il-bord jerġa' jivvaluta l-applikazzjoni tal-kandidat u jgħarrfu bil-konklużjoni tiegħu bil-miktub. Il-kandidati esklużi mill-proċedura tal-għażla jistgħu jressqu lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (2) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”) lill-Kunsill.

2.   Proċedura għall-ħatra ta' Prosekuturi Ewropej

Malli jirċievi n-nomini, il-bord tal-għażla għandu janalizzahom fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Il-bord tal-għażla għandu jisma' lill-kandidati nominati. Is-smigħ għandu jsiru bil-preżenza fiżika.

Fl-eventwalità li kandidat nominat jirtira n-nomina tiegħu qabel ma jseħħ is-smigħ, il-bord tal-għażla għandu, permezz tas-segretarjat tiegħu, jitlob li l-Istat Membru kkonċernat jinnomina kandidat ġdid.

VII.   Konklużjonijiet u dikjarazzjoni tar-raġunijiet

1.   Kap Prosekutur Ewropew

Abbażi tal-konklużjonijiet tiegħu matul l-analiżi u s-smigħ, il-bord tal-għażla għandu jfassal lista ristretta ta' bejn tlieta sa ħames kandidati li għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Huwa għandu jipprovdi raġunijiet għaliex ikun għażel lill-kandidati fuq il-lista ristretta. Il-kandidati li ma jkunux tqiegħdu fuq il-lista ristretta għandhom jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet.

Il-bord tal-għażla għandu jikklassifika lill-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom. Il-klassifikazzjoni għandha tindika l-ordni ta' preferenza tal-bord tal-għażla u ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-kandidati li ma jkunux tqiegħdu fuq il-lista ristretta ta' kandidati kwalifikati mfassla mill-bord tal-għażla jistgħu jressqu lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal lill-Kunsill.

2.   Prosekuturi Ewropej

Il-bord tal-għażla, abbażi tal-konklużjonijiet tiegħu matul l-analiżi u s-smigħ, għandu jifformula opinjoni dwar il-kwalifiki tal-kandidati biex jaqdu d-dmirijiet ta' Prosekuturi Ewropej u għandu jiddikjara espressament jekk kandidat jissodisfax jew le l-kondizzjonijiet fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Il-bord tal-għażla għandu jipprovdi raġunijiet għall-opinjoni tiegħu.

Fl-eventwalità li l-kandidati nominati ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-bord tal-għażla għandu, permezz tas-segretarjat tiegħu, jitlob li l-Istat Membru kkonċernat jinnomina għadd korrispondenti ta' kandidati ġodda.

Il-bord tal-għażla għandu jikklassifika lill-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom. Il-klassifikazzjoni għandha tindika l-ordni ta' preferenza tal-bord tal-għażla u ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Kunsill.

VIII.   Dispożizzjonijiet finanzjarji

Il-membri tal-bord tal-għażla li jkunu meħtieġa jivvjaġġaw lil hinn mill-post tar-residenza tagħhom sabiex jaqdu d-doveri tagħhom għandhom ikunu intitolati għal rimborż tal-ispejjeż tagħhom u għal gratifika f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 (3).

L-ispiża korrispondenti għandha titħallas mill-Kunsill.

IX.   Data personali

L-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-ħidma tal-bord tal-għażla għandu jsir taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Ir-regoli applikabbli għas-sigurtà tal-informazzjoni proċessata fil-kuntest tal-ħidma tal-bord tal-għażla, u għall-aċċess għaliha, għandhom ikunu dawk applikabbli għall-Kummissjoni.

X.   Reġim lingwistiku

Fuq il-proposta tal-president tiegħu, il-bord tal-għażla għandu jiddetermina l-lingwa jew lingwi ta' ħidma tal-bord tal-għażla fid-dawl tal-lingwi komuni mitkellma mill-membri tiegħu.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistitwixxi miżuri speċjali temporanjament applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 tad-29 ta' Frar 2016 li jiddetermina l-emolumenti ta' persuni f'karigi pubbliċi għolja tal-UE (ĠU L 58, 4.3.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


Top