Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1548

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1548 tal-15 ta' Ottubru 2018 li tistabbilixxi miżuri biex tkun stabbilita lista ta' persuni identifikati fis-Sistema ta' Dħul u Ħruġ (EES) bħala li baqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-proċedura sabiex dik il-lista tkun għad-disponibbiltà tal-Istati Membri

    C/2018/6665

    ĠU L 259, 16.10.2018, p. 39–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1548/oj

    16.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 259/39


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1548

    tal-15 ta' Ottubru 2018

    li tistabbilixxi miżuri biex tkun stabbilita lista ta' persuni identifikati fis-Sistema ta' Dħul u Ħruġ (EES) bħala li baqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-proċedura sabiex dik il-lista tkun għad-disponibbiltà tal-Istati Membri

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(k) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 stabbilixxa s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) li tirreġistra elettronikament il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiddaħħlu għal soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri u li tikkalkula t-tul ta' żmien tas-soġġorn awtorizzat tagħhom.

    (2)

    L-EES għandha l-għan li ttejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, twaqqaf l-immigrazzjoni irregolari u tiffaċilita l-ġestjoni tal-flussi migratorji. Jenħtieġ li l-EES, b'mod partikolari, tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' kwalunkwe persuna li ma tissodisfax jew li ma tkunx għadha tissodisfa l-kondizzjonijiet tat-tul tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-EES tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 jispeċifika l-objettivi tal-EES, il-kategoriji ta' data li għandhom jiddaħħlu fl-EES, ir-raġunijiet li għalihom għandha tintuża d-data, il-kriterji għad-dħul tagħhom, l-awtoritajiet awtorizzati li jaċċessaw id-data, regoli oħra dwar l-ipproċessar tad-data u l-protezzjoni tad-data personali kif ukoll l-arkitettura teknika tal-EES, ir-regoli dwar it-tħaddim u l-użu tagħha u l-interoperabbiltà ma' sistemi ta' informazzjoni oħra. Jiddefinixxi wkoll ir-responsabbiltajiet tal-EES.

    (4)

    Skont ir-Regolament (UE) 2017/2226, jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-ġestjoni operattiva tal-EES.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 jesiġi li qabel l-iżvilupp tal-EES, il-Kummissjoni tadotta miżuri meħtieġa għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni teknika tal-EES. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 36(k) tar-Regolament (UE) 2017/2226 jirreferi speċifikament għall-adozzjoni ta' miżuri għall-istabbiliment tal-lista ta' persuni identifikati fl-EES bħala persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-proċedura biex dik il-lista ssir disponibbli lill-Istati Membri.

    (6)

    Abbażi ta' dawn il-miżuri, l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja jenħtieġ imbagħad li tkun tista' tiddefinixxi d-disinn tal-arkitettura fiżika tal-EES inkluż l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni tagħha, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema u tiżviluppa l-EES.

    (7)

    F'dan il-qafas, huwa b'hekk meħtieġ li jiġu adottati miżuri biex tkun stabbilita lista ta' persuni identifikati mill-EES bħala li baqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-proċedura sabiex dik il-lista tkun għad-disponibbiltà tal-Istati Membri.

    (8)

    Jenħtieġ li l-aċċess għal-lista ta' persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn ikun limitat għall-awtoritajiet kompetenti inkarigati, f'konformità mal-liġi nazzjonali, mill-verifika fit-territorju tal-Istati Membri ta' jekk il-kondizzjonijiet għad-dħul jew għas-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri humiex issodisfati, jew mill-eżaminar tal-kondizzjonijiet għar-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri u mit-teħid ta' deċiżjonijiet relatati magħha, jew għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi lejn pajjiż terz ta' oriġini jew ta' tranżitu.

    (9)

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, peress li r-Regolament (UE) 2017/2226 jimxi fuq il-passi tal-acquis ta' Schengen, id-Danimarka, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, innotifikat fit-30 ta' Mejju 2018, id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2017/2226 fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Danimarka hija għaldaqstant marbuta bil-liġi internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (11)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (12)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

    (13)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (7), li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

    (14)

    Fir-rigward ta' Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

    (15)

    Fir-rigward ta' Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, it-tħaddim tal-EES jitlob l-għoti ta' aċċess passiv għall-VIS u li jsiru applikabbli d-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta' Schengen relatati mas-SIS f'konformità mad-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill. Dawk il-kondizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfati biss ladarba l-verifika skont il-proċedura ta' evalwazzjoni applikabbli ta' Schengen tkun tlestiet b'suċċess. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-EES titħaddem biss minn dawk l-Istati Membri li jissodisfaw dawk il-kondizzjonijiet sa ma jibdew l-operazzjonijiet tal-EES. Stati Membri li ma jkunux qed iħaddmu l-EES mill-bidu nett tal-operazzjonijiet jenħtieġ li jkunu konnessi mal-EES f'konformità mal-proċedura stabbilita f'dan ir-Regolament (UE) 2017/2226 ladarba jiġu ssodisfati dawk il-kondizzjonijiet kollha.

    (16)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fit-23 ta' April 2018.

    (17)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kontenut u ġġenerar tal-lista

    L-EES għandha tiġġenera awtomatikament lista taċ-ċittadini kollha ta' pajjiż terz imsemmija fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet marbuta mat-tul ta' soġġorn qasir awtorizzat tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri. Il-lista għandha tkun aġġornata b'mod kostanti u awtomatiku sabiex tirrifletti b'mod preċiż kull emenda jew tħassir tad-data tal-EES imsemmija fl-Artikolu 16(1)(a), (b) u (c), l-Artikolu 16(2)(a), (b), (d) u (f), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2), u l-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

    Għal kull ċittadin ta' pajjiż terz identifikat mill-EES bħala persuna li tibqa' fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn, il-lista għandu jkun fiha d-data segwenti:

    (a)

    il-kunjom (isem il-familja); l-ewwel isem jew ismijiet (ismijiet mogħtija); id-data tat-twelid; in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet; is-sess;

    (b)

    it-tip u n-numru tad-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar;

    (c)

    id-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument jew dokumenti tal-ivvjaġġar;

    (d)

    numru ta' referenza individwali maħluq mill-EES waqt il-ħolqien tal-fajl individwali taċ-ċittadini ta' pajjiż terz;

    (e)

    għall-aktar dħul riċenti taċ-ċittadin ta' pajjiż terz:

    id-data u l-ħin tad-dħul;

    il-punt tal-qsim tal-fruntiera tad-dħul u l-awtorità li tkun awtorizzat id-dħul;

    (f)

    il-kodiċi bi tliet ittri tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża;

    (g)

    id-data li fiha ċ-ċittadin ta' pajjiż terz tniżżel fil-lista.

    Meta ċittadin ta' pajjiż terz inkluż fil-lista joħroġ mit-territorju tal-Istati Membri, id-data tiegħu jew tagħha għandha awtomatikament u immedjatament titħassar mil-lista.

    Meta Stat Membru jirrettifika jew jimla d-data tal-EES ta' ċittadin ta' pajjiż terz inkluż fil-lista, jirrestrinġi l-ipproċessar ta' tali data, jew iħassar tali data, id-data korrispondenti fil-lista għandha tiġi emendata skont dan jew, meta applikabbli, imħassra mil-lista mill-EES mingħajr dewmien u permezz ta' proċess awtomatizzat.

    Il-mekkaniżmi għall-produzzjoni awtomatika tal-lista għandhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-privatezza mid-disinn li se jkun żviluppat ulterjorment fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Din il-lista għandha tiġi ġġenerata fis-Sistema Ċentrali tal-EES.

    Artikolu 2

    Proċedura sabiex il-lista tkun għad-disponibbiltà tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

    L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura bħala awtoritajiet tal-immigrazzjoni kif definiti fil-punt (4) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandhom ikunu responsabbli mill-aċċess tal-lista tal-persuni identifikati mill-EES bħala persuni li baqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn.

    L-EES għandha tqiegħed għad-disponibbiltà tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni maħtura lista kontinwament aġġornata ta' persuni identifikati mill-EES bħala persuni li baqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn fl-għamla ta' rapport. Dan ir-rapport għandu jinħażen b'mod sigur fl-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi.

    L-EES għandha tikkontrolla, fil-livell tal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi, l-aċċess għar-rapport sabiex tiżgura li jkunu biss l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni maħtura li jkollhom aċċess għalih u jkunu jistgħu jikkonsultawh.

    L-operazzjonijiet kollha ta' proċessar tad-data mwettqa fl-ambitu tar-rapport għandhom jiġu rreġistrati f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2017/2226.

    Artikolu 3

    Format tar-rapport

    Il-kontenut tar-rapport għandu jiġi ppreżentat f'format strutturat u li wieħed jista' jaħdem fuqu li tista' ssir tfittxija fih u li jista' jintbagħat permezz tal-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ottubru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


    Top