This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D1547
Commission Implementing Decision (EU) 2018/1547 of 15 October 2018 laying down the specifications for the connection of the central access points to the Entry/Exit System (EES) and for a technical solution to facilitate the collection of data by Member States for the purpose of generating statistics on the access to the EES data for law enforcement purposes
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1547 tal-15 ta' Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-kollegament tal-punti ta' aċċess ċentrali mas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u għal soluzzjoni teknika għall-iffaċilitar tal-ġbir tad-data mill-Istati Membri għall-fini ta' ġġenerar ta' statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta' infurzar tal-liġi
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1547 tal-15 ta' Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-kollegament tal-punti ta' aċċess ċentrali mas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u għal soluzzjoni teknika għall-iffaċilitar tal-ġbir tad-data mill-Istati Membri għall-fini ta' ġġenerar ta' statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta' infurzar tal-liġi
C/2018/6629
ĠU L 259, 16.10.2018, p. 35–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
16.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 259/35 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1547
tal-15 ta' Ottubru 2018
li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-kollegament tal-punti ta' aċċess ċentrali mas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u għal soluzzjoni teknika għall-iffaċilitar tal-ġbir tad-data mill-Istati Membri għall-fini ta' ġġenerar ta' statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta' infurzar tal-liġi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(l) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/2226 stabbilixxa s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) li tirreġistra elettronikament il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiddaħħlu għal soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri u li tikkalkula t-tul ta' żmien tas-soġġorn awtorizzat tagħhom. |
(2) |
L-EES għandha l-għan li ttejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, twaqqaf l-immigrazzjoni irregolari u tiffaċilita l-ġestjoni tal-flussi migratorji. Jenħtieġ li l-EES, b'mod partikolari, tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' kwalunkwe persuna li ma tissodisfax jew li ma tkunx għadha tissodisfa l-kondizzjonijiet tat-tul tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-EES tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2017/2226 jistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta' aċċess għad-data tal-EES għall-finijiet tal-prevenzjoni, is-sejbien jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' reati kriminali serji oħrajn. Jenħtieġ li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Europol jagħmlu talbiet għall-aċċess għad-data tal-EES permezz tal-hekk imsejħa punti ta' aċċess ċentrali, korp jew entità inkarigata mil-liġi nazzjonali biex teżerċita awtorità pubblika u li jenħtieġ li tkun kapaċi li tivverifika b'mod effettiv jekk il-kondizzjonijiet biex jintalab aċċess għall-EES humiex issodisfati f'kull każ. Jenħtieġ li l-punti ta' aċċess ċentrali jipproċessaw it-talbiet għall-aċċess għad-data tal-EES għall-finijiet tal-prevenzjoni, is-sejbien jew l-investigazzjoni u jittrasmettu d-data tal-EES lill-unità operattiva li tagħmel it-talba. Sabiex jippermetti dawn l-operazzjonijiet ta' pproċessar tad-data, kull Stat Membru jenħtieġ li jikkollega l-punti ta' aċċess ċentrali rispettivi tiegħu mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi. Jenħtieġ li l-Europol ikun konness ukoll, u jkun responsabbli għall-kollegament tal-punt ta' aċċess ċentrali tal-Europol mal-EES. |
(4) |
F'konformità mar-Regolament (UE) 2017/2226, jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-ġestjoni operattiva tal-EES. |
(5) |
Ir-Regolament (UE) 2017/2226 jesiġi li qabel l-iżvilupp tal-EES, il-Kummissjoni tadotta miżuri meħtieġa għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni teknika tal-EES. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 36(l) tar-Regolament (UE) 2017/2226 jirreferi speċifikament għall-adozzjoni ta' miżuri għall-ispeċifikazzjonijiet għall-kollegament tal-punti ta' aċċess ċentrali mal-EES u għal soluzzjoni teknika għall-iffaċilitar tal-ġbir tad-data mill-Istati Membri għall-fini ta' ġġenerar ta' statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta' infurzar tal-liġi |
(6) |
Abbażi ta' dawn il-miżuri, l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja jenħtieġ imbagħad li tkun tista' tiddefinixxi d-disinn tal-arkitettura fiżika tal-EES inkluż l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni tagħha, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema u tiżviluppa l-EES. |
(7) |
F'dan il-qafas huwa għalhekk meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet għas-soluzzjonijiet tekniċi li għandhom jintużaw biex jikkollegaw il-punti ta' aċċess ċentrali tal-Istati Membri mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi u biex jikkollegaw il-punt ta' aċċess ċentrali tal-Europol mal-EES. Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet għal soluzzjoni teknika li tiffaċilita l-ġbir tad-data għall-fini ta' ġġenerar ta' statistika dwar l-aċċess għad-data tal-EES għal finijiet ta' infurzar tal-liġi jiġu adottati wkoll. |
(8) |
Is-soluzzjoni teknika magħżula għall-implimentazzjoni tal-EES jenħtieġ li tqis il-ħtieġa li jkun hemm integrazzjoni aħjar tas-sistemi ta' ġestjoni tal-fruntieri tal-Unjoni li diġà jeżistu u ta' dawk tal-futur, kif ukoll l-interoperabbiltà ta' dawn is-sistemi. Jenħtieġ li dawn is-soluzzjonijiet tekniċi jkunu jistgħu jespandu u jagħtu lok għal evoluzzjoni ulterjuri sabiex ikunu jistgħu, fejn ikun hemm bżonn, li jintegraw funzjonalitajiet addizzjonali, jimmaniġġjaw għadd akbar ta' operazzjonijiet u jaħżnu aktar data. |
(9) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, peress li r-Regolament (UE) 2017/2226 jimxi fuq il-passi tal-acquis ta' Schengen, id-Danimarka, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, innotifikat fit-30 ta' Mejju 2018, id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2017/2226 fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Danimarka hija għaldaqstant marbuta bil-liġi internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni. |
(10) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(11) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(12) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6). |
(13) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (7), li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8). |
(14) |
Fir-rigward ta' Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10). |
(15) |
Fir-rigward ta' Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, it-tħaddim tal-EES jitlob l-għoti ta' aċċess passiv għall-VIS u li jsiru applikabbli d-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta' Schengen relatati mas-SIS f'konformità mad-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill. Dawk il-kondizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfati biss ladarba l-verifika skont il-proċedura ta' evalwazzjoni applikabbli ta' Schengen tkun tlestiet b'suċċess. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-EES titħaddem biss minn dawk l-Istati Membri li jissodisfaw dawk il-kondizzjonijiet sa ma jibdew l-operazzjonijiet tal-EES. Stati Membri li ma jkunux qed iħaddmu l-EES mill-bidu nett tal-operazzjonijiet jenħtieġ li jkunu konnessi mal-EES f'konformità mal-proċedura stabbilita f'dan ir-Regolament (UE) 2017/2226 ladarba jiġu ssodisfati dawk il-kondizzjonijiet kollha. |
(16) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fit-23 ta' April 2018. |
(17) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Kollegament tal-punt(i) ta' aċċess ċentrali ta' kull Stat Membru
Għall-finijiet tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-punt(i) ta' aċċess ċentrali msemmi(ja) fl-Artikolu 29(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandu jkollu/hom aċċess għall-EES biex jipproċessa(w) it-talbiet tal-unitajiet operattivi fl-ambitu tal-awtoritajiet maħtura.
F'konformità mal-Artikolu 38(1)(a) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/2226, kull Stat Membru għandu jikkollega l-punt(i) ta' aċċess ċentrali tiegħu mal-interfaċċa nazzjonali uniformi rispettiva f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
Artikolu 2
Kollegament tal-punt ta' aċċess ċentrali tal-Europol
Għall-finijiet tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-punt ta' aċċess ċentrali tal-Europol imsemmi fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandu jkollu aċċess għall-EES biex jipproċessa t-talbiet tal-awtorità maħtura tal-Europol imsemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
F'konformità mal-Artikolu 38(7) tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-Europol għandu jikkollega l-punt ta' aċċess ċentrali tiegħu ma' Interfaċċa Uniformi apposta f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
Artikolu 3
Ġbir tad-data għall-fini ta' ġġenerar tal-istatistika msemmija fl-Artikolu 72(8) tar-Regolament (UE) 2017/2226
Sabiex ikun iffaċilitat il-ġbir tad-data meħtieġa għall-iġġenerar tal-istatistika li trid tiġi prodotta mill-Istati Membri u mill-Europol skont l-Artikolu 72(8) tar-Regolament (UE) 2017/2226, eu-LISA għandha tqiegħed soluzzjoni teknika għad-disponibbiltà tal-punt(i) ta' aċċess ċentrali msemmija fl-Artikolu 29(3) u l-Artikolu 30(2) ta' dak ir-Regolament. L-użu ta' din is-soluzzjoni għandu jkun fakultattiv. Jekk tintuża, kull Stat Membru u l-Europol għandhom ikunu responsabbli għall-mobilitazzjoni nazzjonali kif ukoll għat-tmexxija teknika u operattiva ta' din is-soluzzjoni. Din is-soluzzjoni għandha tagħti lok għall-ġbir tad-data ta' statistika segwenti għal kull talba għal aċċess għall-EES:
(a) |
l-awtorità maħtura, il-punt ta' aċċess ċentrali u l-unità operattiva li tagħti bidu għat-talba msemmija fl-Artikolu 29(5) tar-Regolament (UE) 2017/2226; |
(b) |
marka li tinforma jekk it-talba tkunx issarrfet b'suċċess f'konkordanza; |
(c) |
marka li tagħti indikazzjoni jekk il-konsultazzjoni saritx għall-fini ta' identifikazzjoni jew għar-rekords ta' dħul/ħruġ; |
(d) |
marka li tinforma jekk il-konsultazzjoni tkunx saret permezz tal-proċeduri ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u marka li tinforma jekk l-urġenza ma tkunx ġiet aċċettata mill-verifika ex post imwettqa mill-punt ta' aċċess ċentrali; |
(e) |
it-tip ta' reat terroristiku jew reat kriminali serju kif definit fil-punti (24) u (25) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 li wassal għall-konsultazzjoni; |
(f) |
ir-raġunijiet mogħtija biex jiġġustifikaw is-suspett li l-persuna kkonċernata kienet koperta mir-Regolament (UE) 2017/2226 billi jintgħażel valur minn tabella tal-kodiċijiet bil-possibbiltà li jintgħażel il-valur “oħrajn” li jkollu miegħu spazju għal test liberu; |
(g) |
ir-raġunijiet mogħtija biex ma titnediex it-tfittxija fis-sistemi awtomatizzati għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' ta' Stati Membri oħra skont id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 billi jintgħażel valur minn tabella tal-kodiċijiet bil-possibbiltà li jintgħażel il-valur “oħrajn” li jkollu miegħu spazju għal test liberu. |
Din l-informazzjoni għandha tinħażen fil-livell lokali, mill-punt(i) ta' aċċess ċentrali biex issostni l-iġġenerar tal-istatistika msemmija fl-Artikolu 72(8) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
Id-data li tiddaħħal fis-soluzzjoni teknika għandha tintuża minn kull Stat Membru jew mill-Europol biex jiġġeneraw l-istatistika tagħhom imsemmija fl-Artikolu 72(8) tar-Regolament (UE) 2017/2226.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ottubru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(5) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(7) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(9) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).