EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1135

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1135 tal-10 ta' Awwissu 2018 li tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li għandhom jagħmlu disponibbli l-Istati Membri għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (notifikata bid-dokument C(2018) 5009) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/5009

ĠU L 205, 14.8.2018, p. 40–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1135/oj

14.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/40


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1135

tal-10 ta' Awwissu 2018

li tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li għandhom jagħmlu disponibbli l-Istati Membri għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali

(notifikata bid-dokument C(2018) 5009)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 72(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/795/UE (2) stabbiliet l-obbligi għall-Istati Membri li jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE għall-perjodu 2013-2016. Dik id-Deċiżjoni eżawriet l-effetti temporali tagħha u jenħtieġ li titħassar.

(2)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni fir-rigward tas-snin mill-2017 li l-Istati Membri jridu jagħmlu disponibbli.

(3)

Skont l-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2010/75/UE, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva, dwar id-data rappreżentattiva dwar l-emissjonijiet u forom oħra ta' tniġġis, dwar il-valuri limitu tal-emissjonijiet, u dwar l-applikazzjoni tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli skont l-Artikoli 14 u 15 ta' dik id-Direttiva, b'mod partikulari dwar l-għoti ta' eżenzjonijiet skont l-Artikolu 15(4) tiegħu.

(4)

Barra minn dan, l-Istati Membri huma meħtieġa jinkludu l-informazzjoni skont l-Artikoli 51(4), 55(2) u 59(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2010/75/UE fir-rapporti sottomessi skont l-Artikolu 72 ta' dik id-Direttiva.

(5)

Skont l-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2010/75/UE, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni disponibbli f'format elettroniku bl-użu ta' għodda ta' rappurtar pprovduta mill-Kummissjoni għal dan il-għan.

(6)

Id-Direttiva 2010/75/UE teħtieġ li kull installazzjoni koperta mill-Kapitolu II tagħha jkollha permess individwali biex topera. Il-kundizzjonijiet tal-permess għandhom ikunu msejsa fuq ir-rendiment ambjentali li jista' jinkiseb minn dik l-installazzjoni filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tekniċi tagħha, il-fatturi esterni inklużi l-kundizzjonijiet lokali, u l-użu tagħha tal-aħjar tekniki disponibbli. Il-permessi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet, b'mod partikolari, dawk li jikkonċernaw il-valuri limitu tal-emissjonijiet, il-monitoraġġ tal-emissjonijiet u l-valutazzjoni tal-konformità speċifiċi għal kull installazzjoni individwali. Perjodikament il-kundizzjonijiet tal-permessi għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid, u fejn ikun meħtieġ, aġġornati, b'mod partikolari meta jkunu ġew ippubblikati l-konklużjonijiet dwar l-aħjar tekniki disponibbli (“il-konklużjonijiet tal-BAT”) għall-attività prinċipali ta' installazzjoni, skont l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2010/75/UE. L-aktar mod effiċjenti biex isir rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE huwa li tingħata l-informazzjoni rilevanti għal kull installazzjoni individwali, u għalhekk jiġu estiżi għas-setturi kollha l-approċċi meħuda fil-Moduli 2 u 3 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/795/UE.

(7)

L-impjanti tal-kombustjoni kbar u l-impjanti tal-(ko)inċinerazzjoni tal-iskart huma koperti minn dispożizzjonijiet speċifiċi fil-Kapitoli III u IV tad-Direttiva 2010/75/UE. Barra minn hekk, jenħtieġ li, għal dawk l-impjanti, l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' derogi temporanji u salvagwardji ta' kontroll ta' emissjonijiet kif speċifikati fl-Artikoli 32 sa 35 u 46(2) tad-Direttiva 2010/75/UE. Għall-impjanti ta' inċinerazzjoni tal-iskart u għall-impjanti tal-koinċinerazzjoni tal-iskart b'kapaċità ta' inqas minn żewġ tunnellati metriċi fis-siegħa, l-Artikolu 55(3) ta' din id-Direttiva jesiġi li l-Istati Membri jagħmlu lista ta' installazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni ta' dik il-lista sabiex tkun tista' timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva f'dawk l-impjanti iżgħar.

(8)

Skont l-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2010/75/UE, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll data rappreżentattiva dwar l-emissjonijiet u forom oħra ta' tniġġis. Sabiex jonqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar fejn id-data dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tkun disponibbli skont l-Artikolu 24(3)(b) tad-Direttiva 2010/75/UE u wkoll link għad-data dwar l-emissjonijiet rrapportata skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Skont dak ir-Regolament, l-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw data annwali dwar, inter alia, trasferimenti 'l barra mis-sit ta' skart u rilaxxi fl-arja, fl-ilma u fl-art tas-sustanzi li jniġġsu f'konformità mal-Anness II tiegħu, li jkopri s-sustanzi li jniġġsu kollha elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2010/75/UE. Fl-istess waqt, l-“installazzjonijiet” kollha koperti mid-Direttiva 2010/75/UE għandhom x'jaqsmu jew jikkoinċidu ma' “faċilità” koperta minn dak ir-Regolament. Id-data rrapportata skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 b'hekk tipprovdi “data rappreżentattiva dwar l-emissjonijiet u forom oħra ta' tniġġis” fit-tifsira tal-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2010/75/UE.

(9)

Jenħtieġ li l-link għar-rappurtar tal-emissjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 jinħoloq bl-użu tad-data ġeografika eżistenti li tiġi ġestita mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-punt 8 tal-Anness III ta' dik id-Direttiva. Il-mudell tad-data stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 (5) tippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jillinkjaw “installazzjonijiet”, impjanti ta' kombustjoni kbar u impjanti ta' (ko)inċinerazzjoni tal-iskart ma' “faċilitajiet” fit-tifsira tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 166/2006. Għalhekk, ir-rappurtar ta' data ġeografika dwar l-installazzjonijiet, l-impjanti ta' kombustjoni kbar u l-impjanti ta' (ko)inċinerazzjoni tal-iskart minflok ma jingħataw rapporti dettaljati dwar emissjonijiet minn installazzjonijiet huma, f'dan il-kuntest, biss “tip” ieħor ta' rappurtar fit-tifsira tal-Artikolu 72(2) tad-Direttiva 2010/75/UE. Dan jinkludi l-adattament tal-mudell INSPIRE għar-rekwiżiti speċifiċi ta' rappurtar tal-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2010/75/UE, u b'hekk irendi obbligatorju ċerti elementi ta' informazzjoni ġeografika li huma annullabbli fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 1089/2010.

(10)

Għal installazzjonijiet u attivitajiet li jużaw solventi organiċi li mhumiex koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2010/75/UE, u għalhekk mhux neċessarjament soġġetti għal permess speċifiku għall-installazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw informazzjoni dwar l-għadd totali ta' installazzjonijiet u dwar l-għadd ta' installazzjonijiet li japplikaw skema ta' tnaqqis skont l-Artikolu 59(1)(b) ta' dik id-Direttiva, jew deroga skont il-paragrafu 2 jew 3 tal-Artikolu 59 tagħha. Din se tinforma lill-Kummissjoni jekk tistax tiġi affettwata l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE, u sa liema punt.

(11)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2010/75/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għal installazzjonijiet koperti mill-Kapitoli II, III u IV tad-Direttiva 2010/75/UE, bl-eċċezzjoni ta' impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart u impjanti tal-koinċinerazzjoni tal-iskart b'kapaċità nominali ta' inqas minn żewġ tunnellati metriċi fis-siegħa, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni l-informazzjoni stipulata fl-Anness I billi jużuw il-format stabbilit f'dak l-Anness, għal kull installazzjoni koperta.

Fir-rigward tal-impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart u tal-impjanti tal-koinċinerazzjoni tal-iskart b'kapaċità nominali ta' inqas minn żewġ tunnellati fis-siegħa u fir-rigward tal-installazzjonijiet koperti mill-Kapitolu V tad-Direttiva 2010/75/UE, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni l-informazzjoni stipulata fl-Anness II billi jużaw il-format stabbilit f'dak l-Anness.

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw l-informazzjoni stabbilita fl-Annessi I u II billi jużaw l-għodda elettronika tar-rappurtar armonizzat magħmula disponibbli mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

L-informazzjoni speċifikata fl-Anness I, għandha tiġi sottomessa l-ewwel għas-sena ta' rappurtar 2017 sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor f'dak l-Anness. Għal dik is-sena ta' rappurtar, l-informazzjoni għandha tiġi sottomessa sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2019. Għas-snin ta' rappurtar sussegwenti, l-informazzjoni speċifikata fl-Anness I għandha tiġi sottomessa kull sena fi żmien disa' (9) xhur minn tmiem is-sena ta' rappurtar.

L-informazzjoni speċifikata fl-Anness II għandha tiġi sottomessa l-ewwel għas-snin ta' rappurtar 2017 u 2018. Għal dawk is-snin ta' rappurtar, l-informazzjoni għandha tiġi sottomessa sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2019. Għas-snin ta' rappurtar sussegwenti, l-informazzjoni speċifikata fl-Anness II għandha tiġi sottomessa kull tliet snin fi żmien disa' (9) xhur minn tmiem dawk is-snin ta' rappurtar.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/795/UE tat-12 ta' Diċembru 2012 li tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li għandhom jagħmlu disponibbli l-Istati Membri għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU L 349, 19.12.2012, p. 57).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta' Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 tat-23 ta' Novembru 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interoperabbiltà tas-settijiet ta' dejta u servizzi ġeografiċi (ĠU L 323, 8.12.2010, p. 11).


ANNESS I

Informazzjoni dwar installazzjonijiet koperti mill-Kapitoli II, III u IV tad-Direttiva 2010/75/UE [bl-eċċezzjoni ta' impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart u impjanti tal-koinċinerazzjoni tal-iskart b'kapaċità nominali ta' anqas minn żewġ tunnellati metriċi fis-siegħa]

Nota: L-Istati Membri jistgħu jindikaw informazzjoni li huma jikkunsidraw bħala kunfidenzjali, filwaqt li jagħtu r-raġunijiet li huma kkunsidrati li jipprekludu lill-Kummissjoni milli tagħmilha pubblikament disponibbli.

1.1.

Informazzjoni kuntestwali

Tip

Format

1.1.1.

Identifikatur tal-pajjiż

L-identifikazzjoni tal-pajjiż fejn jinsabu l-installazzjonijiet u l-partijiet tal-installazzjonijiet.

1.1.2.

Sena ta' rappurtar

Is-sena kalendarja li għaliha jirreferi r-rappurtar.


1.2

Informazzjoni dwar l-installazzjonijiet kollha koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2010/75/UE

Tip

Format

1.2.1.

inspireId

Identifikatur uniku tal-installazzjoni li jsegwi r-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE.

1.2.2

thematicId (1)

Identifikatur ta' oġġett tematiku.

1.2.3.

pointGeometry

Latitudni u lonġitudni (il-koordinati għaċ-ċentru approssimattiv tal-installazzjoni) espressi b'referenza għas-sistema ta' referenza ta' koordinati ETRS89 (2D)-EPSG:4258, bi preċiżjoni ta' ħames (5) ċifri deċimali.

1.2.4.

Isem l-installazzjoni

Denominazzjoni uffiċjali, isem proprju jew konvenzjonali tal-installazzjoni.

1.2.5.

Stat

L-istatus operazzjonali tal-installazzjoni

1.2.6.

Awtorità kompetenti

Għal attivitajiet koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2010/75/UE, l-isem u l-informazzjoni tal-kuntatt għal:

(a)

l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-għoti ta' permessi skont il-Kapitolu II ta' dik id-Direttiva.

(b)

l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-ispezzjonijiet skont il-Kapitolu II ta' dik id-Direttiva.

1.2.7.

Attivitajiet imwettqa

L-identifikazzjoni tal-attivitajiet kollha koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2010/75/UE mwettqa fl-installazzjoni.

1.2.8.

Konklużjonijiet tal-BAT

Mis-sena ta' rappurtar 2018, l-identifikazzjoni tad-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konklużjonijiet tal-BAT li huma applikabbli għal kwalunkwe attività mwettqa fl-installazzjoni.

1.2.9.

Kapitoli oħra rilevanti skont id-Direttiva 2010/75/UE

Identifikazzjoni ta' Kapitoli tad-Direttiva 2010/75/UE li japplikaw għall-installazzjoni (jew għal parti minnha).

1.2.10.

Rapport ta' referenza ppreżentat

Indikazzjoni ta' jekk ġiex sottomess rapport ta' bażi kif imsemmi fl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2010/75/UE lill-awtorità kompetenti.

1.2.11.

Permess mogħti

(a)

Indikazzjoni ta' jekk tkun ġietx mogħtija permess biex tiġi operata l-installazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/75/UE.

(b)

URL(s) fejn il-permess(i) ikun(u) sar(u) disponibbli għall-pubbliku.

(c)

Mis-sena ta' rappurtar tal-2018, jekk ma jkunx ingħata permess skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/75/UE, deskrizzjoni ta' liema azzjoni ta' infurzar tkun ittieħdet.

1.2.12.

Kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-kundizzjonijiet tal-permess

(a)

Indikazzjoni ta' jekk il-kundizzjonijiet tal-permess ġewx ikkunsidrati mill-ġdid skont l-Artikolu 21(3) ta' dik id-Direttiva.

(b)

jekk applikabbli, id-data li fiha l-kundizzjonijiet tal-permess ġew aġġornati skont l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2010/75/UE.

1.2.13.

Deroga BAT skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75/UE

Il-kundizzjonijiet tal-permess fejn l-installazzjonijiet ikunu ġew ikkunsidrati mill-ġdid skont l-Artikolu 21(3) ta' dik id-Direttiva, indikazzjoni ta' jekk ingħatatx deroga skont l-Artikolu 15(4) tagħha.

Mis-sena ta' rappurtar 2018, fejn tkun ingħatat deroga, informazzjoni dwar:

(a)

il-URL li jagħmel disponibbli għall-pubbliku r-raġunijiet speċifiċi għad-deroga, skont l-Artikolu 24(2)(f) tad-Direttiva 2010/75/UE.

(b)

id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konklużjonijiet tal-BAT li għalihom ingħatat id-deroga.

(c)

il-Livell ta' Emissjonijiet Assoċjati mal-BAT (BAT-AEL) minn fejn tkun ingħatat id-deroga.

(d)

jekk applikabbli, it-tul ta' żmien tad-deroga.

1.2.14.

Kundizzjonijiet għal permess iktar stretti

Mis-sena ta' rappurtar 2018, għall-installazzjonijiet fejn ikunu ġew ikkunsidrati mill-ġdid il-kundizzjonijiet tal-permess skont l-Artikolu 21(3), speċifikazzjoni ta' jekk il-permess jistabbilixxix valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti mill-iktar valur baxx tal-medda tal-BAT-AEL, li jindika:

(a)

il-konklużjonijiet applikabbli tad-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-BAT.

(b)

il-BAT-AEL applikabbli.

(c)

jekk dawk il-valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti ġewx stabbiliti skont l-Artikolu 14(4) jew l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75/UE jew skont it-tnejn li huma.

1.2.15.

Żjarat fuq il-post (spezzjonijiet)

(a)

L-għadd ta' żjarat fl-installazzjoni tal-produzzjoni li jkunu twettqu mill-awtorità kompetenti matul is-sena ta' rappurtar.

(b)

Mis-sena ta' rappurtar tal-2018, il-URL speċifiku tar-rapport tal-aħħar żjara tas-sit, jew rapport ġeneriku URL li jispjega kif rapporti ta' żjarat individwali jistgħu jiġu aċċessati pubblikament skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(6).

1.2.16.

Data tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet

Mis-sena ta' rappurtar 2018, indikazzjoni ta' kif ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet ikunu saru disponibbli għall-pubbliku skont l-Artikolu 24(3)(b), inkluż il-URL jekk ikunu ġew maħluqa siti tal-Internet għal dan il-għan.

1.2.17.

eSPIRS identifier

Mis-sena ta' rappurtar 2018, fejn l-installazzjoni tkun koperta mid-Direttiva 2012/18/UE, l-identifikatur tas-Sistema ta' Ġbir ta' Informazzjoni dwar l-Impjanti Seveso (SPIRS) (“eSPIRS identifier”) tal-istabbiliment fejn tinsab l-installazzjoni. Mhux obbligatorja.

1.2.18.

Identifikatur tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet

Mis-sena ta' rappurtar 2018, fejn l-installazzjoni hija kompletament jew parzjalment koperta mid-Direttiva 2003/87/KE, l-identifikatur użat għar-rappurtar skont dik id-Direttiva. Mhux obbligatorja.

1.2.19.

Rimarki

Kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. Mhux obbligatorja.


1.3

Informazzjoni addizzjonali dwar impjanti kbar ta' kombustjoni koperti mill-Kapitolu III u impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart u impjanti ta' koinċinerazzjoni ta' skart b'kapaċità ta' żewġ tunnellati jew iktar fis-siegħa koperti mill-Kapitolu IV tad-Direttiva 2010/75/UE (2)

Tip

Format

1.3.1   

Informazzjoni ġenerali

1.3.1.a.

inspireId

Identifikatur uniku li jsegwi r-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE, kif speċifikat ulterjorment fir-Regolament (UE) Nru 1089/2010, b'mod partikolari l-punt 8 tal-Anness IV ta' dak ir-Regolament, kif emendat.

1.3.1 b.

thematicId (3)

Identifikatur ta' oġġett tematiku.

1.3.1.c.

pointGeometry

Latitudni u lonġitudni (il-koordinati għaċ-ċentru approssimattiv tal-impjant) espressi b'referenza għas-sistema ta' referenza ta' koordinati ETRS89 (2D)-EPSG:4258, bi preċiżjoni ta' ħames (5) ċifri deċimali.

1.3.1.d.

Isem l-impjant

Denominazzjoni uffiċjali jew isem proprju jew konvenzjonali tal-impjant.

1.3.1.e.

Stat

L-istatus operazzjonali tal-impjant.

1.3.2.   

Informazzjoni dwar impjanti kbar ta' kombustjoni

1.3.2.a.

Kapaċità termali kklassifikata totali

Il-kapaċità termali kklassifikata totali tal-impjant kbir tal-kombustjoni.

1.3.2.b.

Derogi skont id-Direttiva 2010/75/UE

Dettalji ta' kwalunkwe deroga kif previst fl-Artikoli 31 sa 35 tad-Direttiva 2010/75/UE mogħtija fir-rigward tal-impjanti kbar tal-kombustjoni.

1.3.2.c.

Rimarki

Kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. Mhux obbligatorja.

1.3.3.   

Informazzjoni dwar impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart u impjanti tal-koinċinerazzjoni tal-iskart b'kapaċità nominali ta' żewġ tunnellati metriċi fis-siegħa jew aktar

1.3.3.a.

Kapaċità totali nominali

Kapaċità totali nominali tal-impjant ta' inċinerazzjoni tal-iskart jew tal-impjant ta' koinċinerazzjoni tal-iskart.

1.3.3.b.

Kapaċità permessa għall-iskart perikoluż

Kapaċità totali permessa għall-inċinerazzjoni u l-koinċinerazzjoni tal-iskart perikoluż.

1.3.3.c.

Kapaċità permessa ta' skart mhux perikoluż

Kapaċità totali permessa għall-inċinerazzjoni u l-koinċinerazzjoni tal-iskart mhux perikoluż.

1.3.3.d.

L-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2010/75/UE dwar salvagwardji ta' kontroll tal-emissjonijiet

Mis-sena ta' rappurtar 2018, indikazzjoni ta':

(a)

jekk iktar minn 40 % tas-sħana rilaxxata li tirriżulta mill-inċinerazzjoni hijiex ġejja minn skart perikoluż.

(b)

jekk l-iskart muniċipali mħallat li ma mhux trattat huwiex koinċinerat.

1.3.3.e.

Kundizzjonijiet speċifiċi

(a)

Indikazzjoni ta' jekk ġietx awtorizzata bidla fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2010/75/UE.

(b)

Jekk applikabbli, informazzjoni ulterjuri dwar in-natura tal-bidla awtorizzata fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim.

(c)

Mis-sena ta' rappurtar tal-2018, jekk applikabbli:

(i)

URL għall-permess li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tat-tħaddim.

(ii)

il-URL tal-aħħar rapport taż-żjara fis-sit li jkun sar disponibbli għall-pubbliku skont l-Artikolu 23(6), jew URL fejn huwa spjegat kif dan ir-rapport jista' jiġi aċċessat pubblikament.

1.3.3.f.

Żvelar pubbliku

Mis-sena ta' rappurtar 2018, indikazzjoni ta' kif l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2010/75/UE tkun ġiet magħmula disponibbli għall-pubbliku, inkluż il-URL jekk ikunu nħalqu siti tal-Internet għal dan il-għan.

1.3.3.g.

Rimarki

Kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. Mhux obbligatorja.


1.4

Informazzjoni fejn l-installazzjoni tal-IED tkun parti minn jew tikkoinċidi ma' Faċilità (4)

Tip

Format

1.4.1.

inspireId

Identifikatur uniku tal-faċilità li jsegwi r-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/2/KE.

1.4.2

thematicId (5)

Identifikatur ta' oġġett tematiku.

1.4.3

riverBasinDistrict

Identifikatur ta' kodiċi u/jew isem assenjat lid-distrett tal-baċin ta' kanal tal-ilma.

1.4.4.

Ġeometrija

Latitudni u lonġitudni (il-koordinati għaċ-ċentru approssimattiv tal-impjant) espressi b'referenza għas-sistema ta' referenza ta' koordinati ETRS89 (2D)-EPSG:4258, bi preċiżjoni ta' ħames (5) ċifri deċimali.

1.4.5.

Funzjoni

Attivitajiet imwettqa mill-faċilità. Il-funzjoni tiġi deskritta mill-attività tal-faċilità espressa bħala l-kodiċi NACE.

1.4.6.

Isem il-faċilità

Denominazzjoni uffiċjali jew isem proprju jew konvenzjonali tal-faċilità.

1.4.7.

Stat

L-istatus operazzjonali tal-faċilità.

1.4.8.

Rimarki

Kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. Mhux obbligatorja.


(1)  Dan il-qasam għandu multipliċità ta'0-1 taħt INSPIRE.

(2)  Għall-inċinerazzjoni tal-iskart u impjanti tal-koinċinerazzjoni tal-iskart b'kapaċità ta' bejn tnejn sa tliet tunnellati/siegħa biss, id-data li trid tiġi sottomessa sa mis-sena ta' rappurtar 2018.

(3)  Dan il-qasam għandu multipliċità ta' 0-1 taħt INSPIRE.

(4)  Din hija “Faċilità ta' Produzzjoni (ProductionFacility)” kif definita fir-Regolament (UE) Nru 1089/2010, l-Anness IV, il-punt 8.2.1 bħala “installazzjoni waħda jew iktar fl-istess sit operata mill-istess persuna fiżika jew ġuridika, maħsuba, mibnija jew installata sabiex taqdi skopijiet speċifiċi ta' produzzjoni jew industrijali, li tinkludi l-infrastruttura, it-tagħmir u l-materjali kollha” u koperta bir-Regolament (KE) Nru 166/2006.

(5)  Dan il-qasam għandu multipliċità ta' 0-1 taħt INSPIRE.


ANNESS II

Informazzjoni dwar impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart u impjanti tal-koinċinerazzjoni tal-iskart b'kapaċità nominali ta' anqas minn żewġ tunnellati metriċi fis-siegħa u fuq installazzjonijiet koperti mill-Kapitolu V tad-Direttiva 2010/75/UE

2.1.

Impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjanti tal-koinċinerazzjoni tal-iskart b'kapaċità nominali ta' anqas minn żewġ tunnellati metriċi fis-siegħa

Referenza għal-lista ta' installazzjonijiet ta' din ix-xorta disponibbli għall-pubbliku f'konformità mal-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2010/75/UE.

2.2.

Installazzjonijiet koperti mill-Kapitolu V tad-Direttiva 2010/75/UE (installazzjonijiet li jużaw solventi organiċi)

(a)

L-għadd totali ta' installazzjonijiet koperti mill-Kapitolu V tad-Direttiva 2010/75/UE.

(b)

L-għadd ta' installazzjonijiet li jikkonformaw mal-Artikolu 59(1)(b) tad-Direttiva 2010/75/UE.

(c)

L-għadd ta' installazzjonijiet li għalihom ingħatat deroga kif prevista fl-Artikolu 59(2) tad-Direttiva 2010/75/UE.

(d)

L-għadd ta' installazzjonijiet li għalihom ingħatat deroga kif prevista fl-Artikolu 59(3) tad-Direttiva 2010/75/UE.


Top