Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0908

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/908 tal-25 ta' Ġunju 2018 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina

    ST/8873/2018/INIT

    ĠU L 161, 26.6.2018, p. 32–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/908/oj

    26.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 161/32


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/908

    tal-25 ta' Ġunju 2018

    li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fid-19 ta' Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/77 (1) li taħtar lis-Sur Lars-Gunnar WIGEMARK bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Bożnija-Ħerzegovina (BiH). Il-mandat tar-RSUE jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2018.

    (2)

    Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta' 14-il xahar.

    (3)

    Ir-RSUE ser timplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Il-mandat ta' Lars-Gunnar WIGEMARK bħala r- RSUE fil-Bożnija-Ħerzegovina huwa estiż sal-31 ta' Awwissu 2019. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi terminat qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u ta' proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

    Artikolu 2

    Objettivi tal-politika

    1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika li ġejjin tal-Unjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina (BiH):

    (a)

    il-kontinwazzjoni tal-progress fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni;

    (b)

    l-iżgurar ta' BiH stabbli, vijabbli, paċifika, multi-etnika u unita li tikkoopera paċifikament mal-ġirien tagħha; u

    (c)

    l-iżgurar li l-BiH timxi b'mod irriversibbi fit-triq lejn sħubija fl-UE.

    2.   L-UE ser tkompli wkoll tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas Ġenerali għall-Paċi fil-BiH.

    Artikolu 3

    Mandat

    Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

    (a)

    joffri l-konsulenza tal-Unjoni u jiffaċilita l-proċess politiku, partikolarment bil-promozzjoni tad-djalogu bejn il-livelli differenti tal-gvern;

    (b)

    jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni;

    (c)

    jiffaċilita l-progress fir-rigward tal-prijoritajiet politiċi, ekonomiċi u dawk tal-Unjoni, partikolarment billi jinkoraġġixxi aktar ħidma rigward l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni dwar kwistjonijiet tal-Unjoni u l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Riforma;

    (d)

    jappoġġa sforzi domestiċi allinjati ma' standards Ewropej biex jiġi żgurat li r-riżultati tal-elezzjoni jistgħu jiġu implimentati;

    (e)

    jimmonitorja u jagħti pariri lill-awtoritajiet eżekuttivi u leġislattivi fil-livelli kollha tal-gvern fil-BiH, u jżomm kollegament mal-awtoritajiet u l-partiti politiċi fil-BiH;

    (f)

    jiżgura l-implimentazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni fil-firxa kollha tal-attivitajiet fl-oqsma tal-istat tad-dritt u r-riforma tas-settur tas-sigurtà, jippromwovi l-koordinazzjoni globali mill-Unjoni ta', u jagħti direzzjoni politika lokali lil, l-isforzi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu, u, f'dak il-kuntest, jipprovdi lir-RGħ u lill-Kummissjoni b'valutazzjonijiet u konsulenza kif meħtieġ;

    (g)

    jipprovdi appoġġ għal interazzjoni rinfurzata u aktar effikaċi bejn is-sistema tal-ġustizzja kriminali u l-pulizija fil-BiH, kif ukoll għal inizjattivi li jimmiraw biex isaħħu l-effiċjenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji, b'mod partikolari d-Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja;

    (h)

    mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand militari, joffri lill-Kmandant tal-Forza tal-UE gwida politika dwar kwistjonijiet militari b'dimensjoni politika lokali, b'mod partikolari fir-rigward ta' operazzjonijiet sensittivi, u dwar relazzjonijiet ma' awtoritajiet lokali u l-mezzi tax-xandir lokali; jikkonsulta lill-Kmandant tal-Forza tal-UE qabel ma jieħu azzjoni politika li jista' jkollha impatt fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà u jikkoordina fir-rigward ta' messaġġi koerenti lill-awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn; jikkontribwixxi għall-konsultazzjonijiet dwar ir-Reviżjoni Strateġika ta' EUFOR/ALTHEA;

    (i)

    jikkoordina u jimplimenta l-isforzi ta' komunikazzjoni tal-Unjoni dwar kwistjonijiet tal-Unjoni lejn il-pubbliku fil-BiH;

    (j)

    jippromwovi l-proċess tal-integrazzjoni fl-Unjoni permezz ta' diplomazija pubblika mmirata u attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-Unjoni mfasslin biex jiżguraw fehim u appoġġ usa' fost il-pubbliku tal-BiH dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni, inkluż permezz tal-involviment ta' atturi tas-soċjetà ċivili lokali

    (k)

    jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-BiH, f'konformità mal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

    (l)

    jimpenja ruħu mal-awtoritajiet rilevanti tal-BiH fir-rigward tal-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mal-Mekkaniżmu Internazzjonali li Jeżerċita s-Setgħat Residwi tal-Qrati Kriminali;

    (m)

    f'konformità mal-proċess ta' integrazzjoni tal-Unjoni, jagħti pariri, jassisti, jiffaċilita u jimmonitorja d-djalogu politiku dwar il-bidliet kostituzzjonali u leġislattivi rilevanti li jkunu neċessarji;

    (n)

    iżomm kuntatti mill-qrib u konsultazzjonijiet mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli fil-BiH u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn li jaħdmu fil-pajjiż; f'dak il-kuntest, jinforma lill-Kunsill dwar diskussjonijiet fuq il-post fir-rigward tal-preżenza internazzjonali fil-pajjiż, inkluż l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli;

    (o)

    jipprovdi konsulenza lir-RGħ kif meħtieġ dwar persuni fiżiċi jew ġuridiċi li lilhom jistgħu jiġu imposti miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-BiH;

    (p)

    mingħajr preġudizzju għal-linji ta' kmand applikabbli, jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fuq il-post jiġu applikati b'mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni tal-mandat

    1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, taħt l-awtorità tar-RGħ.

    2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

    3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2018 sal-31 ta' Awwissu 2019 għandu jkun ta' EUR 7 521 937.

    2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku mir-RSUE għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-oġġetti mixtrija mir-RSUE.

    3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

    Artikolu 6

    Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

    1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi l-kompetenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif rikjest mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni informati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

    2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati biex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

    3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jissekonda, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tissekonda jew tas-SEAE, rispettivament, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

    Artikolu 7

    Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

    Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament regolari tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-partijiet ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

    Artikolu 8

    Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

    Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

    Artikolu 9

    Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

    1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

    2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal stazzjonat barra mill-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, skont il-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

    (a)

    jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment sigur tal-persunal lejn iż-żona ta' responsabbiltà u ġewwa fiha, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u li jipprevedu pjan ta' kontinġenza u evakwazzjoni;

    (b)

    jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif ikunu jeħtieġu l-kondizzjonijiet fiż-żona ta' responsabbiltà;

    (c)

    jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jew kif jaslu fiż-żona ta' responsabbiltà, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

    (d)

    jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha, li jsiru wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà u jipprovdi lill-Kunsill lir-RGħ, u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u r-rapport dwar implimentazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 11

    Rappurtar

    Ir-RSUE għandu jipprovdi rapporti regolarment lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu wkoll jirrapporta lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, kif ikun neċessarju. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. Taħt l-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

    Artikolu 12

    Koordinazzjoni

    1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jiġu ingaġġati b'mod konsistenti, biex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. Għandhom jiġu mfittxija kuntatti mal-Istati Membri fejn xieraq. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun, kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

    2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' atturi internazzjonali u reġjonali fuq il-post, u b'mod partikolari jżomm koordinazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli fil-BiH.

    3.   B'appoġġ għall-operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet, ir-RSUE, ma' atturi tal-Unjoni oħrajn preżenti fuq il-post, għandu jtejjeb id-disseminazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni minn dawk l-atturi tal-Unjoni bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta' għarfien u valutazzjoni komuni tas-sitwazzjoni.

    Artikolu 13

    Assistenza rigward pretensjonijiet

    Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-forniment ta' elementi b'rispons għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti fil-BiH, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali għanijiet.

    Artikolu 14

    Reviżjoni

    L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport ta' progress sal-31 ta' Ottubru 2018 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-31 ta' Mejju 2019.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/77 tad-19 ta' Jannar 2015 li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina (ĠU L 13, 20.1.2015, p. 7).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


    Top