Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0901

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/901 tal-25 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

    ST/9741/2018/REV/1

    ĠU L 160I, 25.6.2018, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/901/oj

    25.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 160/12


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/901

    tal-25 ta' Ġunju 2018

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 tat-13 ta' Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074.

    (2)

    Fit-28 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet dwar il-Venezwela fejn iddikjara li l-elezzjonijiet, li saru fil-Venezwela fl-20 ta' Mejju 2018, la kienu ħielsa u lanqas ġusti u li l-elezzjoni u l-eżitu tagħha kienu nieqsa minn kull kredibbiltà minħabba li l-proċess elettorali ma żgurax il-garanziji neċessarji għal elezzjonijiet inklużiva u demokratiċi.

    (3)

    Il-konklużjonijiet appellaw biex jerġgħu jsiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda f'konformità ma' standards demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment u l-ordni kostituzzjonali Venezwelana, u, f'dak il-kuntest, għal aktar miżuri restrittivi mmirati u riversibbli li ma jagħmlux ħsara lill-popolazzjoni tal-Venezwela.

    (4)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, jenħtieġ li 11-il persuna jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  ĠU L 295, 14.11.2017, p. 60.


    ANNESS

    Il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074:

     

    “Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    8.

    Tareck Zaidan El-Aissami Maddah

    Viċi President tal-Ekonomija u Ministru għall-Industrija u l-Produzzjoni Nazzjonali

    Data tat-twelid: 12 ta' Novembru 1974

    Viċi President tal-Ekonomija u Ministru għall-Industrija u l-Produzzjoni Nazzjonali. Bħala l-eks-Viċi President tal-Venezwela b'sorveljanza tad-direzzjoni tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN), Maddah huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-organizzazzjoni, inkluż id-detenzjoni arbitrarja, l-investigazzjonijiet motivati politikament, it-trattament inuman u degradanti, u t-tortura. Huwa wkoll responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluż il-projbizzjoni ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi, u t-tmexxija tal-“kmand anti-coup” tal-President Maduro immirat lejn is-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

    25.6.2018

    9.

    Sergio José Rivero Marcano

    Spettur Ġeneral tal-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjana

    Data tat-twelid: 8 ta' Novembru 1964

    Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana sas-16 ta' Jannar 2018. Involut fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, u responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana taħt il-kmand tiegħu, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza, u d-detenzjoni arbitrarja u l-abbuż ta' membri tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni. L-azzjonijiet u l-politiki tiegħu bħala Kmandant Ġeneral tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, inkluż l-assalt mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana ta' membri tal-Assemblea Nazzjonali eletta demokratikament u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar l-elezzjonijiet frodulenti għall-Assemblea Kostitwenti li hija illeġittima, dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

    25.6.2018

    10.

    Jesús Rafael Suárez Chourio

    Kmandant Ġeneral tal-Armata Bolivarjana

    Data tat-twelid: 19 ta' Lulju 1962

    Kmandant Ġeneral tal-Armata Nazzjonali Bolivarjana tal-Venezwela u eks-Kmandant tar-Reġjun ta' Difiża Komprensiv tal-Venezwela taż-Żona Ċentrali (REDI Ċentrali). Responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn forzi taħt il-kmand tiegħu, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza u l-maltrattament tad-detenuti. Huwa attakka l-oppożizzjoni demokratika u appoġġa l-użu ta' qrati militari biex jipproċessa dimostranti ċivili.

    25.6.2018

    11.

    Iván Hernández Dala

    Kap tad-Direttorat Ġenerali ta' Kontrospjunaġġ Militari

    Data tat-twelid: 18 ta' Mejju 1966

    Kap tad-Direttorat Ġenerali ta' Kontrospjunaġġ Militari (DGCIM) minn Jannar 2014 u Kap tal-Gwardja Presidenzjali minn Settembru 2015. Bħala l-Kap tad-DGCIM, Iván Hernández Dala huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika mwettqa minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu, inkluż l-użu eċċessiv tal-forza u l-maltrattament tad-detenuti.

    25.6.2018

    12.

    Delcy Eloina Rodríguez Gómez

    Viċi President tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela

    Data tat-twelid: 18 ta' Mejju 1969

    Viċi President tal-Venezwela, eks-President tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u eks-membru tal-Kummissjoni Presidenzjali għall-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali illeġittima. L-azzjonijiet tagħha rigward il-Kummissjoni Presidenzjali u mbagħad bħala President tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima mminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż l-użurpazzjoni tas-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali biex jintużaw kontra l-oppożizzjoni u biex dawn ma jitħallewx jieħdu sehem fil-proċess politiku.

    25.6.2018

    13.

    Elías José Jaua Milano

    Ministru tas-Setgħa Popolari għall-Edukazzjoni

    Data tat-twelid: 16 ta' Diċembru 1969

    Ministru tas-Setgħa Popolari għall-Edukazzjoni. Eks-President tal-Kummissjoni Presidenzjali għall-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali illeġittima. Responsabbli li dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela permezz tar-rwol tiegħu li wassal biex tiġi stabbilita l-Assemblea Kostitwenti illeġittima.

    25.6.2018

    14.

    Sandra Oblitas Ruzza

    Viċi President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali

    Data tat-twelid: 7 ta' Ġunju 1969

    Viċi President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) u President tal-Kummissjoni tar-Reġistru Elettorali u Ċivili. Responsabbli għall-attivitajiet tas-CNE li mminaw id-demokrazija fil-Venezwela, inkluż l-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

    25.6.2018

    15.

    Freddy Alirio Bernal Rosales

    Data tat-twelid: 16 ta' Ġunju 1962

    Il-Kap taċ-Ċentru ta' Kontroll Nazzjonali tal-Kumitat għall-Provvista u l-Produzzjoni Lokali (CLAP) u l-Kummissarju Ġenerali ta' SEBIN. Responsabbli li dgħajjef id-demokrazija permezz tal-manipulazzjoni tad-distribuzzjonijiet tal-programm CLAP fost il-votanti. Barra minn hekk bħala Kummissarju Ġenerali ta' SEBIN, huwa responsabbli għall-attivitajiet ta' SEBIN li jinkludu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħad-detenzjoni arbitrarja.

    25.6.2018

    16.

    Katherine Nayarith Harrington Padrón

    Viċi Prosekutur Ġenerali (tradotta wkoll bħala Viċi Avukat Ġenerali)

    Data tat-twelid: 5 ta' Diċembru 1971

    Viċi Prosekutur Ġenerali (tradotta wkoll bħala Viċi Avukat Ġenerali) minn Lulju 2017. Maħtura Viċi Prosekutur Ġenerali mill-Qorti Suprema minflok mill-Assemblea Nazzjonali, bi ksur tal-Kostituzzjoni. Responsabbli li dgħajfet id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi tat bidu għal prosekuzzjonijiet politikament motivati u naqset milli tinvestiga allegazzjonijiet ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta' Maduro.

    25.6.2018

    17.

    Socorro Elizabeth Hernández Hernández

    Data tat-twelid: 11 ta' Marzu 1952

    Membru (Rettur) tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) u membru tal-Bord Elettorali Nazzjonali (JNE). Responsabbli għall-attivitajiet tas-CNE li mminaw id-demokrazija fil-Venezwela, inkluż l-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali b'rabta mal-elezzjoni revokatorja presidenzjali li ġiet ikkanċellata fl-2016, il-posponiment tal-elezzjonijiet tal-gvernaturi fl-2016, u r-rilokazzjoni ta' postijiet tal-votazzjoni fi żmien qasir qabel l-elezzjonijiet tal-gvernaturi fl-2017.

    25.6.2018

    18.

    Xavier Antonio Moreno Reyes

    Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali

    Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE). Responsabbli li approva d-deċiżjonijiet tas-CNE li mminaw id-demokrazija fil-Venezwela, inkluż l-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u l-manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

    25.6.2018”


    Top