This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D0680
Commission Decision (EU) 2018/680 of 2 May 2018 establishing EU Ecolabel criteria for indoor cleaning services (notified under document C(2018) 2503) (Text with EEA relevance. )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/680 tat-2 ta' Mejju 2018 li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa (notifikata bid-dokument C(2018) 2503) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/680 tat-2 ta' Mejju 2018 li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa (notifikata bid-dokument C(2018) 2503) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2018/2503
ĠU L 114, 4.5.2018, p. 22–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 30/03/2023
4.5.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 114/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/680
tat-2 ta' Mejju 2018
li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa
(notifikata bid-dokument C(2018) 2503)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Wara konsultazzjoni mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jistabbilixxi regoli għall-istabbiliment u l-applikazzjoni tal-iskema volontarja tal-Ekotikketta tal-UE, li hi maħsuba biex tippromwovi l-oġġetti u s-servizzi li jkollhom livell għoli ta' prestazzjoni ambjentali. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprevedi li jeħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għal kull grupp ta' prodotti. |
(3) |
Il-proposta biex jiġu żviluppati kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa tressqet mir-rappreżentanti tal-industrija tas-settur tat-tindif professjonali. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni nediet u mexxiet l-iżvilupp ta' dawn il-kriterji. |
(4) |
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa, bil-ħsieb li jiġu promossi l-użu ta' prodotti u ta' aċċessorji tat-tindif b'impatt ambjentali baxx, it-taħriġ tal-istaff fi kwistjonijiet ambjentali, il-bażijiet ta' sistema ta' ġestjoni ambjentali u s-separazzjoni korretta tal-iskart. |
(5) |
Jenħtieġ li l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE stabbiliti għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati, ikunu validi għal ħames snin mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu ta' innovazzjoni għal dan il-grupp ta' prodotti. |
(6) |
Il-kodiċi li jikkorrispondi għall-grupp ta' prodotti huwa parti integrali tan-numri ta' reġistrazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Sabiex il-korpi kompetenti jkunu jistgħu jassenjaw numru ta' reġistrazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa li jkunu konformi mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE, jeħtieġ li jiġi assenjat kodiċi għal dan il-grupp ta' prodotti. |
(7) |
Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-grupp ta' prodotti “servizzi tat-tindif ta' ġewwa” għandu jinkludi l-forniment ta' servizzi ta' rutina tat-tindif professjonali, imwettqa ġewwa f'binjiet kummerċjali, istituzzjonali u f'binjiet oħrajn aċċessibbli għall-pubbliku kif ukoll f'residenzi privati. Iż-żoni li fihom isiru s-servizzi tat-tindif jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, uffiċċji, faċilitajiet sanitarji u żoni tal-isptar aċċessibbli għall-pubbliku, bħal kurituri, kmamar ta' stennija u kmamar fejn wieħed jieqaf għal pawża.
2. Għandu jinkludi wkoll it-tindif ta' superfiċi tal-ħġieġ li jistgħu jintlaħqu mingħajr l-użu ta' xi tagħmir jew makkinarju speċjalizzat.
3. Dan il-grupp ta' prodotti ma għandux jinkludi l-attivitajiet ta' diżinfettar jew attivitajiet ta' tindif li jseħħu fuq siti ta' produzzjoni jew attivitajiet li għalihom il-prodotti tat-tindif jiġu pprovduti mill-klijent.
Artikolu 2
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. |
“servizzi ta' rutina tat-tindif professjonali” tfisser servizzi tat-tindif professjonali li jiġu pprovduti minn tal-inqas darba fix-xahar, bl-eċċezzjoni tat-tindif tal-ħġieġ li għandu jitqies bħala ta' rutina meta jitwettaq minn tal-inqas darba kull tliet xhur; |
2. |
“prodotti tat-tindif mhux dilwiti” tfisser prodotti li jridu jiġu dilwiti qabel l-użu u li għandhom rata ta' dilwizzjoni ta' mill-inqas 1:100; |
3. |
“aċċessorji tat-tindif” tfisser oġġetti tat-tindif li jistgħu jerġgħu jintużaw bħal biċċiet, moppijiet u bramel tal-ilma; |
4. |
“mikrofibra” tfisser fibra sintetika li tkun ifjen minn ħajt ta' denier jew deċiteks wieħed; |
5. |
“bini tal-applikant” tfisser il-post fejn l-applikant iwettaq il-kompiti amministrattivi u organizzattivi marbuta mal-attività tiegħu; |
6. |
“kompitit ta' tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE” tfisser kompiti mwettqa mill-istaff bħala parti minn kuntratt ta' servizz tat-tindif ta' ġewwa. |
Artikolu 3
1. Sabiex jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, servizz għandu jagħamel parti mill-grupp ta' prodotti “servizzi tat-tindif ta' ġewwa” kif speċifikat fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, u għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
ikun konformi mal-kriterji obbligatorji stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni; |
(b) |
ikun konformi ma' għadd suffiċjenti ta' kriterji fakultattivi stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni sabiex jikseb mill-inqas 14-il punt; |
(c) |
ikun soġġett għal rekords tal-kontabilità separati fir-rigward ta' servizzi oħra pprovduti mill-istess operatur li ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, inklużi servizzi tat-tindif ta' ġewwa oħra li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. |
2. Operatur li jkun ingħata l-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa ma għandux jipprovdi servizzi oħra li mhumiex koperti bl-Ekotikketta tal-UE, sakemm is-servizzi tat-tindif ta' ġewwa koperti bl-Ekotikketta tal-UE ma jkunux ipprovduti minn subdiviżjoni, sussidjarja, fergħa jew dipartiment tal-operatur li jkun/tkun distint/a b'mod ċar minn dan u fejn jinżammu rekords tal-kontabilità separati.
Kull servizz ieħor ipprovdut minn dak l-operatur li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, inklużi servizzi tat-tindif ta' ġewwa oħra li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, ma għandhomx ikunu koperti bil-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa u ma għandhomx jiġu kkummerċjalizzati bħala tali.
3. Meta operatur li jkun ingħata l-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa juża subkuntratturi għall-forniment ta' tali servizzi, dawn jeħtieġ li jkollhom liċenzja tal-Ekotiketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa.
Artikolu 4
Il-kriterji għall-grupp ta' prodotti “servizzi tat-tindif ta' ġewwa” u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati għandhom ikunu validi għal ħames snin mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat għall-grupp ta' prodotti “servizzi tat-tindif ta' ġewwa” għandu jkun “052”
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2018.
Għall-Kummissjoni
Karmenu VELLA
Membru tal-Kummissjoni
ANNESS
IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE U R-REKWIŻITI TAL-VALUTAZZJONI U TAL-VERIFIKA GĦALL-GRUPP TA' PRODOTTI “SERVIZZI TAT-TINDIF TA' ĠEWWA”
QAFAS
KRITERJI
Il-kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta' prodotti tas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa:
Kriterji obbligatorji
Kriterju M1: |
Użu ta' prodotti tat-tindif b'impatt ambjentali baxx |
Kriterju M2: |
Dożaġġ tal-prodott tat-tindif |
Kriterju M3: |
Użu ta' prodotti tal-mikrofibra |
Kriterju M4: |
Taħriġ tal-istaff |
Kriterju M5: |
Elementi bażiċi tas-sistema tal-ġestjoni ambjentali |
Kriterju M6: |
Separazzjoni tat-tipi differenti ta' skart solidu fil-bini tal-applikant |
Kriterju M7: |
Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE |
Kriterji fakultattivi
Kriterju O1: |
Użu kbir ta' prodotti tat-tindif b'impatt ambjentali baxx (sa 3 punti) |
Kriterju O2: |
Użu ta' prodotti tat-tindif konċentrati u mhux dilwiti (sa 3 punti) |
Kriterju O3: |
Użu kbir ta' prodotti tal-mikrofibra (sa 3 punti) |
Kriterju O4: |
Użu ta' aċċessorji għat-tindif b'impatt ambjentali baxx (sa 4 punti) |
Kriterju O5: |
L-effiċjenza enerġetika għall-vacuum cleaners (3 punti) |
Kriterju O6: |
Ir-reġistrazzjoni EMAS jew iċ-ċertifikazzjoni ISO 14001 tal-fornitur tas-servizz (sa 5 punti) |
Kriterju O7: |
Ġestjoni tal-iskart solidu fis-siti tat-tindif (2 punti) |
Kriterju O8: |
Kwalità tas-servizz (sa 3 punti) |
Kriterju O9: |
Flotta ta' vetturi proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu (sa 5 punti) |
Kriterju O10: |
L-effiċjenza tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ li huma proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu (sa 4 punti) |
Kriterju O11: |
Servizzi bl-ekotikketta u prodotti oħrajn bl-ekotikketta (sa 5 punti) |
Kriterju O12: |
Prodotti konsumabbli u magni tal-elettriku għat-tnixxif tal-idejn fornuti lill-klijent (sa 3 punti) |
VALUTAZZJONI U VERIFIKA
Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f'kull kriterju.
Meta l-applikant jintalab jagħti dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżijiet, rapporti tat-testijiet, jew evidenza oħra sabiex juri l-konformità mal-kriterji, dawn jistgħu jiġu mingħand l-applikant u/jew il-fornitur(i) tiegħu u/jew mis-subkuntrattur(i) tiegħu.
Il-korpi kompetenti għandhom jagħtu preferenza lill-attestazzjonijiet li jinħarġu mill-korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u tal-ikkalibrar, u vverifikati minn korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi. L-akkreditament għandu jsir skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
L-informazzjoni meħuda mid-dikjarazzjonijiet ambjentali ppreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tista' tintuża bħala mezz ta' prova minflok l-attestazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti.
Jistgħu jintużaw metodi oħra tal-ittestjar apparti dawk imniżżla għal kull kriterju, dment li l-korp kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.
Il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta' sostenn u jagħmlu verifiki indipendenti.
Qabel l-għoti tal-konċessjoni l-korpi kompetenti għandhom jagħmlu żjara fuq il-post fil-bini tal-applikant u mill-inqas żjara waħda fuq il-post tas-servizz tat-tindif li qed jingħata f'sit tat-tindif.
Wara l-għoti tal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE, l-applikant għandu jipprovdi perjodikament lill-korp kompetenti lista tas-siti tat-tindif fejn dawn jipprovdu servizzi tat-tindif bl-Ekotikketta tal-UE, li tindika l-ewwel u l-aħħar jum ta' attività għal kull sit. Il-perjodu bejn in-notifiki ta' siti ġodda tat-tindif ma għandux jaqbeż l-erba' xhur, dment li l-applikant ma jkunx ħa kuntratti ġodda. Matul il-perjodu tal-għotja, il-korp kompetenti jista' jagħmel perjodikament żjarat ta' segwitu fuq il-post fil-bini tal-applikant jew f'sit tat-tindif.
Bħala prerekwiżit, is-servizzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti legali kollha tal-pajjiż (pajjiżi) li fihom ingħataw is-“servizzi tat-tindif ta' ġewwa”. B'mod partikolari, il-kumpanija trid tkun operazzjonali u rreġistrata, kif meħtieġ mil-liġijiet nazzjonali jew lokali u l-istaff tagħha jkun impjegat u assigurat b'mod legali. Għal dan il-għan, il-istaff għandu jkollu kuntratt nazzjonali legali bil-miktub validu, għandu tal-anqas jitħallas il-paga minima nazzjonali jew reġjonali ffissata skont ftehimiet kollettivi jew, fin-nuqqas ta' ftehimiet kollettivi, jitħallas il-paga minima reġjonali jew nazzjonali legali, u għandu jkollu sigħat tax-xogħol li jkunu konformi mal-liġi nazzjonali.
L-applikant għandu jiddikjara u juri li s-servizzi huma konformi ma' dawk ir-rekwiżiti billi juża verifika indipendenti jew evidenza dokumentarja li ma tippreġudikax il-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta (eż. kopja ta' politika soċjali miktuba, kopji ta' kuntratti, dikjarazzjonijiet tar-reġistrazzjoni tal-impjegat fis-sistema tal-assigurazzjoni nazzjonali, dokumentazzjoni jew reġistru uffiċjali bl-ismijiet u bl-għadd tal-impjegati mill-ispettorat jew mill-aġent tal-impjiegi tal-gvern lokali).
Matul iż-żjarat fuq il-post il-korpi kompetenti jistgħu jintervistaw għal għarrieda lill-istaff.
KRITERJI MANDATORJI
Kriterju M1 — Użu ta' prodotti tat-tindif b'impatt ambjentali baxx
Dan il-kriterju jkopri biss il-prodotti li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE. Iż-żewġ kriterji M1(a) u M1(b) għandhom jiġu ssodisfati mill-applikant.
Ekotikketta tal-UE M1(a) u prodotti oħrajn b'tikketta tat-tip I tal-ISO
Mill-inqas 50 % tal-volum tax-xiri tal-prodotti kollha tat-tindif użati kull sena, għajr il-wet wipes, prodotti mxarrba minn qabel oħrajn u prodotti li jintużaw għat-tixpip u l-konservazzjoni ta' moppijiet (matul il-proċess tal-ħasil), għandhom ikunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1217 (3) jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri.
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (it-tip u l-kwantitajiet ta' prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw il-prodotti tat-tindifi użati għall-kuntratti ta' servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE. Meta jintużaw prodotti bl-Ekotikketta tal-UE, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tal-Ekotikketta tal-UE u/jew it-tikketta tal-imballaġġ biex juri li ngħataw skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/1217.
Meta jintużaw prodotti bit-tikketta tat-tip I tal-ISO, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tat-tikketta tat-tip I u/jew kopja tat-tikketta tal-imballaġġ.
M1(b) Sustanzi Perikolużi
(i) |
Il-prodotti kollha li ma jkunux ingħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri ma għandux ikun fihom is-sustanzi elenkati fil-Kriterju 4(a)(i) tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin, irrispettivament mill-konċentrazzjoni. |
(ii) |
Il-prodotti kollha li ma jkunux ingħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri ma għandux ikun fihom is-sustanzi elenkati fil-Kriterju 4(a)(ii) tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin, f'ammonti ogħla minn dawk awtorizzati fil-kriterju. |
(iii) |
Il-prodotti kollha li ma jkunux ingħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri ma għandhomx jiġu kklassifikati u ttikkettati bħala li huma tossiċi akuti, sustanzi tossiċi speċifiċi għal organi ta' mira, sensitizzaturi respiratorji jew tal-ġilda, karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, jew bħala prodotti perikolużi għall-ambjent skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u kif interpretat skont id-dikjarazzjonijiet ta' periklu elenkati fit-tabella hawn taħt. Wet wipes u prodotti oħra mxarrba minn qabel għandhom ikunu konformi ma' dan ir-rekwiżit. |
Klassifikazzjonijiet ristretti tal-periklu u t-tqassim tagħhom f'kategoriji
Tossiċità akuta |
|
Kategoriji 1 u 2 |
Kategorija 3 |
H300 Fatali jekk jinbela' |
H301 Tossiku jekk jinbela' |
H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda |
H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda |
H330 Fatali jekk jinġibed man-nifs |
H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs |
H304 Jaf ikun fatali jekk jinbela' u jmur fil-pajp tan-nifs |
EUH070 Tossiku jekk imiss mal-għajnejn |
Tossiċità speċifika għall-organi fil-mira |
|
Kategorija 1 |
Kategorija 2 |
H370 Jagħmel ħsara lill-organi |
H371 Jista' jagħmel ħsara lill-organi |
H372 Jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew b'mod ripetut |
H373 Jista' jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew b'mod ripetut |
Sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda |
|
Kategorija 1 A |
Kategorija 1B |
H317 Jista' jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda |
H317 Jista' jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda |
H334 Jista' jikkawża sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtamm |
H334 Jista' jikkawża sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtamm |
Karċinoġenu, mutaġeniku jew tossiku għar-riproduzzjoni |
|
Kategoriji 1 A u 1B |
Kategorija 2 |
H340 Jista' jikkawża difetti ġenetiċi |
H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi |
H350 Jista' jikkawża l-kanċer |
H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer |
H350i Jista' jikkawża l-kanċer jekk jinġibed man-nifs |
|
H360F Jista' jagħmel ħsara lill-fertilità |
H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità |
H360D Jista' jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf. |
H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf |
H360FD Jista' jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista' jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf |
H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf |
H360Fd Jista' jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf |
H362 Jista' jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa |
H360Df Jista' jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità |
|
Perikoluż għall-ambjent akkwatiku |
|
Kategoriji 1 u 2 |
Kategoriji 3 u 4 |
H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi |
H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul |
H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul |
H413 Jista' jħalli effetti fit-tul lill-organiżmi akkwatiċi |
H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul |
|
Perikoluż għas-saff tal-ożonu |
|
H420 Perikoluż għas-saff tal-ożonu |
|
Valutazzjoni u verifika:
Il-punti (i) u (ii): l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata appoġġata minn dikjarazzjonijiet tal-fornituri li jikkonfermaw li s-sustanzi elenkati ma ġewx inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott irrispettivament mill-konċentrazzjoni jew li ma jaqbżux il-limiti speċifikati.
Il-punt (iii): l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità appoġġata mill-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza għall-prodotti kollha li ma jkunux ingħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin jew tikketta oħra tat-tip I tal-ISO.
Kriterju M2 — Dożaġġ tal-prodott tat-tindif
L-istaff li jwettaq kompiti ta' tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE għandu jkollu aċċess għal apparat ta' dożaġġ u ta' dilwizzjoni xieraq għall-prodotti tat-tindif użati (eż, dispensers awtomatiċi, bekkijiet/tappijiet għall-kejl, pompi tal-idejn, sprejs), fis-sit tat-tindif jew fil-bini tal-applikant. Għandu jkollu wkoll aċċess għall-istruzzjonijiet korrispondenti għad-dożaġġ u d-dilwizzjoni korretti.
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju appoġġata minn lista tal-apparat ipprovdut u d-dokumentazzjoni xierqa li turi l-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ u d-dilwizzjoni korretti li tiġi pprovduta lill-istaff tat-tindif.
Kriterju M3 — Użu ta' prodotti tal-mikrofibra
Dan il-kriterju jkopri biss l-aċċessorji tessili għat-tindif li ma jintremewx u li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.
Mill-inqas 50 % tal-aċċessorji tessili għat-tindif (eż. il-biċċiet, il-mopp mingħajr il-lasta) użati kull sena għandhom ikunu tal-mikrofibra.
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (it-tip u l-kwantitajiet ta' prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw l-aċċessorji tessili għat-tindif użati u li jispeċifikaw liema aċċessorji tessili għat-tindif huma magħmula mill-mikrofibra.
Kriterju M4 — Taħriġ tal-istaff
L-applikant għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni, inklużi l-proċeduri bil-miktub jew il-manwali, u jipprovdi taħriġ lill-istaff li jwettaq kompiti ta' tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE u lill-maniġers li jissorveljaw dawn il-kompiti ta' tindif. It-taħriġ għandu jkopri dawn l-oqsma li ġejjin, meta jkunu rilevanti għall-kompiti mwettqa mill-membri tal-istaff:
— |
L-istaff għandu jiġi mgħarraf dwar x'inhi l-Ekotikketta tal-UE u dwar x'inhuma l-implikazzjonijiet għas-servizzi tat-tindif. |
|
Prodotti tat-tindif:
|
|
Iffrankar enerġetiku:
|
|
Iffrankar tal-ilma:
|
|
Skart:
|
|
Saħħa u sikurezza:
|
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju appoġġata minn dettalji annwali dwar il-programm ta' taħriġ (id-data u t-tip — it-taħriġ inizjali jew l-aġġornament), il-kontenut tiegħu u l-informazzjoni li fuqha l-istaff segwa t-taħriġ. L-applikant għandu jipprovdi wkoll kopji tal-proċeduri u tal-komunikazzjoni għall-istaff dwar il-kwistjonijiet relatati mat-taħriġ. Id-data u t-tip ta' taħriġ tal-istaff għandhom jiġu rreġistrat bħala evidenza li jkunu saru aġġornamenti fit-taħriġ.
Fejn jingħataw korsijiet ta' taħriġ bħala parti minn skema ta' taħriġ estern, id-dokumentazzjoni li turi l-parteċipazzjoni (eż. iċ-ċertifikat tat-taħriġ) u l-kontenut tat-taħriġ jistgħu jingħataw bħala prova tal-konformità, dment li jiġu koperti s-suġġetti elenkati f'dan il-kriterju.
Jekk kumpanija tieħu f'idejha l-istaff, fuq bażi permanenti jew temporanja, mingħand fornitur ieħor ta' servizzi tat-tindif u jekk l-istaff ikun segwa taħriġ matul is-sena preċedenti, mhux meħtieġ li jsir taħriġ mill-ġdid, dment li tista' tiġi pprovduta d-dokumentazzjoni li turi l-parteċipazzjoni f'programm ta' taħriġ (eż. iċ-ċertifikat tat-taħriġ) u s-suġġetti tat-taħriġ li ġew koperti.
Kriterju M5 — Elementi bażiċi ta' sistema tal-ġestjoni ambjentali
L-applikant għandu jkollu fis-seħħ ir-rekwiżiti minimi bażiċi ta' sistema tal-ġestjoni ambjentali billi jimplimenta dawn li ġejjin:
— |
Politika ambjentali li tidentifika l-aktar impatti ambjentali diretti u indiretti rilevanti u l-politika tal-organizzazzjoni rigward dawn l-impatti; |
— |
Programm ta' azzjoni preċiż li jiżgura li l-politika ambjentali tal-kumpanija hija applikata għas-servizzi pprovduti. Il-programm ta' azzjoni għandu wkoll jistabbilixxi miri għall-prestazzjoni ambjentali dwar l-użu tar-riżorsi (eż. it-tnaqqis fl-użu tal-prodotti tat-tindif) u l-azzjonijiet biex jitnaqqas l-impatt ambjentali. L-istabbiliment ta' miri u ta' azzjonijiet għandu jiġi appoġġat permezz tal-ġbir ta' dejta dwar l-użu ta' riżorsi u aspetti ambjentali oħra (eż. il-ġenerazzjoni tal-iskart); |
— |
Proċess ta' evalwazzjoni interna, li għandu jsir kull sena biex jivverifika l-prestazzjoni tal-organizzazzjoni meta mqabbla mal-miri stabbiliti fil-programm ta' azzjoni. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jintużaw mill-bord maniġerjali tal-organizzazzjoni biex titjieb kontinwament il-prestazzjoni bis-saħħa tal-aġġornament tal-politika ambjentali u tal-programm ta' azzjoni. |
Il-politika ambjentali u l-prestazzjoni tal-organizzazzjoni fir-rigward tal-miri stabbiliti għandhom ikunu disponibbli għall-konsultazzjoni mill-pubbliku fil-bini tal-applikant.
Għandhom jitqiesu l-kummenti u l-feedback mill-klijenti miġbura permezz ta' kwestjonarju jew lista ta' kontroll.
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju appoġġata b'kopja tal-politika ambjentali, il-programm ta' azzjoni, ir-rapport tal-evalwazzjoni u l-proċeduri li ġew implimentati b'riżultat tal-kummenti u tal-feedback tal-klijenti. Ir-rapport tal-evalwazzjoni għandu jinkludi lista ta' kwalunkwe azzjoni korrettiva li għandha tittieħed, u għandu jkun disponibbli għall-korp kompetenti mill-aktar fis possibbli wara d-data tal-applikazzjoni għall-Ekotikketta tal-UE. Id-dokumentazzjoni aġġornata għandha tiġi pprovduta fuq talba tal-korp kompetenti sabiex tintwera l-konformità matul il-perjodu tal-għotja.
L-applikanti rreġistrati mal-EMAS u/jew iċċertifikati skont l-ISO 14001, u l-applikanti li huma parti minn organizzazzjoni rreġistrata mal-EMAS u/jew iċċertifikati skont l-ISO 14001, huma meqjusa li jissodisfaw dan il-kriterju jekk jipprovdu r-reġistrazzjoni EMAS u/jew iċ-ċertifikat ISO 14001 bħala prova tal-konformità.
Kriterju M6 — Separazzjoni tal-iskart solidu fil-bini tal-applikant
Dan il-kriterju jkopri biss l-iskart iġġenerat fil-bini tal-applikant.
L-applikant għandu jipprovdi l-mezzi biex l-istaff jissepara l-iskart solidu ġġenerat fil-bini tiegħu fil-kategoriji ta' flussi ta' skart xierqa, biex jintbagħtu għat-trattament (eż. ir-riċiklaġġ, l-inċinerazzjoni) jew sabiex jintremew skont il-prassi u l-faċilitajiet lokali jew nazzjonali tal-ġestjoni tal-iskart.
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità appoġġata minn deskrizzjoni tal-kategoriji differenti ta' skart solidu miġbur u sseparat fil-bini tal-applikant. Għandha tingħata wkoll indikazzjoni tal-flussi differenti ta' skart solidu aċċettat għal trattament ulterjuri jew biex jintrema mill-awtoritajiet lokali u/jew mill-aġenziji privati (taħt kuntratti rilevanti).
Kriterju M7 — Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE
Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-użu tat-tikketta fakultattiva b'kaxxa għall-kitba jinsabu fuq: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/logo_guidelines.pdf.
It-tikketta fakultattiva b'kaxxa għall-kitba għandha tinkludi dan it-test:
“[l-operatur skont it-tifsira tal-Artikolu 3.2] qed jieħu miżuri b'mod attiv biex jipprovdi servizzi tat-tindif ta' ġewwa b'impatti ambjentali mnaqqsa permezz ta':
— |
l-użu ta' prodotti tat-tindif bl-ekotikketta; |
— |
taħriġ speċifiku għall-istaff; |
— |
sistemi ta' ġestjoni ambjentali.” |
Valutazzjoni u verifika
Sabiex jikkonforma ma' dan il-kriterju, l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità li tispjega fuq liema sapport beħsiebu juri l-logo.
KRITERJI FAKULTATTIVI
Kriterju O1 — Użu kbir ta' prodotti tat-tindif b'impatt ambjentali baxx (sa 3 punti)
Dan il-kriterju jkopri biss il-prodotti li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.
L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal skont il-volum tax-xiri tal-prodotti kollha tat-tindif użati kull sena, għajr il-wet wipes u l-prodotti mxarrba minn qabel, li jkunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri, kif ġej:
— |
Mill-anqas 65 %: punt wieħed |
— |
Mill-anqas 75 %: 2 punti |
— |
Mill-anqas 95 %: 3 punti |
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (l-isem kummerċjali u l-volum tal-prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw il-prodotti tat-tindif użati fil-kuntratti ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE. Meta jintużaw prodotti bl-Ekotikketta tal-UE, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tal-Ekotikketta tal-UE u/jew it-tikketta tal-imballaġġ biex juri li ngħataw skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/1217. Meta jintużaw prodotti bit-tikketta tat-tip I tal-ISO, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tat-tikketta tat-tip I u/jew kopja tat-tikketta tal-imballaġġ.
Kriterju O2 — Użu ta' prodotti tat-tindif konċentrati u mhux dilwiti (sa 3 punti)
Dan il-kriterju jkopri biss il-prodotti li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.
L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal skont il-volum tax-xiri tal-prodotti kollha tat-tindif użati kull sena, għajr il-wet wipes, il-prodotti mxarrba minn qabel u l-prodotti li jintużaw għat-tixpip u l-konservazzjoni tal-moppijiet (matul il-proċess tal-ħasil), li jkollu rata minima ta' dilwizzjoni ta' 1:100, kif ġej:
— |
Mill-anqas 15 %: punt wieħed |
— |
Mill-anqas 30 %: 2 punti |
— |
Mill-anqas 50 %: 3 punti |
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (l-isem kummerċjali u l-volum tal-prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw il-prodotti tat-tindif użati. Għal kull prodott, għandha tiġi pprovduta d-dokumentazzjoni dwar ir-rata ta' dilwizzjoni użata (l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza, l-istruzzjonijiet għall-utent jew mezzi oħra rilevanti). Jekk prodott jista' jintuża f'diversi rati ta' dilwizzjoni, għandha tiġi pprovduta l-aktar rata ta' dilwizzjoni użata, kif iġġustifikat mill-istruzzjonijiet għall-istaff intern. Għal prodotti lesti għall-użu, ir-rata ta' dilwizzjoni għandha tkun immarkata bħala wieħed.
Kriterju O3 — Użu ta' prodotti tal-mikrofibra (sa 3 punti)
Dan il-kriterju jkopri biss l-aċċessorji tessili għat-tindif li ma jintremewx li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.
L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal tal-aċċessorji tessili għat-tindif (eż. il-biċċiet, il-mopp mingħajr il-lasta) magħmula mill-mikrofibra u użati kull sena, kif ġej:
— |
Mill-anqas 65 %: punt wieħed |
— |
Mill-anqas 75 %: 2 punti |
— |
Mill-anqas 95 %: 3 punti |
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (it-tip u l-kwantitajiet ta' prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw l-aċċessorji tessili għat-tindif użati u li jispeċifikaw liema aċċessorji tessili għat-tindif huma magħmula mill-mikrofibra.
Kriterju O4 — Użu ta' aċċessorji għat-tindif b'impatt ambjentali baxx (sa 4 punti)
Dan il-kriterju jkopri biss l-aċċessorji għat-tindif li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.
O4 (a) Moppijiet (sa 2 punti)
L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal ta' moppijiet użati kull sena li jkunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għat-Tessuti jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri, kif ġej:
— |
Mill-anqas 20 %: punt wieħed |
— |
Mill-anqas 50 %: 2 punti |
O4 (b) Biċċiet (sa 2 punti)
L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal ta' biċċiet użati kull sena li jkunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għat-Tessuti jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri, kif ġej:
— |
Mill-anqas 20 %: punt wieħed |
— |
Mill-anqas 50 %: 2 punti |
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (it-tip u l-kwantitajiet ta' prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw il-provvisti u l-aċċessorji użati fil-kuntratti ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE. Meta jintużaw prodotti bl-Ekotikketta tal-UE, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tal-Ekotikketta tal-UE u/jew it-tikketta tal-imballaġġ biex juri li ngħataw skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/350/UE (5). Meta jintużaw prodotti oħrajn bit-tikketta tat-tip I tal-ISO, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tat-tikketta tat-tip I u/jew kopja tat-tikketta tal-imballaġġ.
Kriterju O5 — L-effiċjenza enerġetika għall-vacuum cleaners (3 punti)
Dan il-kriterju jkopri biss il-vacuum cleaners koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 (6). Eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament huma l-vacuum cleaners li jnaddfu l-likwidi, li jnaddfu l-likwidi u fix-xott, ir-robots, dawk industrijali, ċentrali u li jaħdmu bil-batteriji u l-magni li jillustraw l-art u l-vacuum cleaners għal barra.
Mill-inqas 40 % tal-vacuum cleaners (imqarreb għall-eqreb valur sħiħ) proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu u użati fil-forniment ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE għandhom jissodisfaw, fil-mument tax-xiri, mill-anqas dawn il-klassijiet tal-effiċjenza enerġetijka li ġejjin kif stabbilit fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 665/2013:
— |
Il-klassi A għal vacuum cleaners li nxtraw qabel l-1 ta' Settembru 2017; |
— |
Il-klassi A+ għal vacuum cleaners li nxtraw wara l-1 ta' Settembru 2017. |
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni li turi l-konformità mar-rekwiżiti tal-klassi tal-effiċjenza enerġetika (bħal fattura tax-xiri tal-vacuum u skeda tal-prodott kif stipulat fl-Anness III tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 665/2013, flimkien ma' lista sħiħa ta' vacuum cleaners użati fil-forniment ta' servizzi bl-Ekotikketta tal-UE.
Kriterju O6 — Reġistrazzjoni EMAS jew ċertifikazzjoni ISO 14001 tal-fornitur tas-servizz (sa 5 punti)
L-applikant għandu jkun irreġistrat fl-Iskema tal-Unjoni ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) (5 punti) jew iċċertifikat skont l-istandard ISO 14001 (3 punti).
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi r-reġistrazzjoni EMAS jew ċertifikat ISO 14001 bħala evidenza tal-konformità ma' dan il-kriterju.
Kriterju O7 — Ġestjoni tal-iskart solidu fis-siti tat-tindif (2 punti)
Dan il-kriterju huwa applikabbli biss meta l-klijenti tal-applikant jipprovdu l-mezzi għall-istaff tat-tindif biex jisseparaw l-iskart fi flussi rilevanti ta' skart solidu u biss għall-iskart solidu ġġenerat matul il-forniment ta' servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE (eż. imballaġġi ta' prodotti tat-tindif li jintużaw darba, imballaġġi ta' oġġetti konsumabbli) u għall-iskart solidu sseparat minn qabel (eż. mill-istaff tal-klijent) fis-siti tat-tindif.
L-istaff tat-tindif għandu jissepara l-iskart solidu ġġenerat matul il-forniment ta' servizz u jarmi l-iskart isseparat u l-iskart li jkun isseparat minn qabel f'kontenituri xierqa fi ħdan jew qrib is-siti tat-tindif. Dan għandu jsir kull meta l-klijenti jipprovdu l-mezzi (eż. kontenituri tal-iskart għall-flussi distinti ta' skart solidu) għall-flussi ta' skart isseparat li jintbagħtu għat-trattament (eż. riċiklaġġ, inċinerazzjoni) jew li jintbagħtu sabiex jintremew f'konformità mal-prattiki u l-faċilitajiet lokali jew nazzjonali tal-ġestjoni tal-iskart u/jew il-kuntratti rilevanti b'servizzi ta' riċiklaġġ.
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità flimkien ma' deskrizzjoni tal-flussi differenti ta' skart solidu aċċettati mill-awtoritajiet lokali u/jew il-kuntratti rilevanti ma' servizzi ta' riċiklaġġ għal kull sit ta' tindif ikkonċernat.
Kriterju O8 — Kwalità tas-servizz (sa 3 punti)
L-applikanti għandhom jirċievu 2 punti jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti hawn taħt jew 3 punti jekk ikollhom ċertifikazzjonijiet ISO 9001 jew Nordic INSTA 800.
L-applikant għandu jaħtar maniġer ta' servizz u jimplimenta proċeduri għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u t-titjib tal-kwalità tat-tindif, kif deskritt hawn taħt. Il-maniġer jista' jkun il-maniġer tal-faċilità, il-kap tat-tim, jew il-koordinatur maħtur biex jorganizza u jissorvelja t-tindif.
L-applikant għandu jimplimenta:
— |
proċeduri għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u t-titjib tal-kompiti ta' tindif imwettqa mill-applikant (deskrizzjoni dettaljata hawn taħt); |
— |
miżuri għat-titjib tal-kwalità tat-tindif ibbażati fuq, pereżempju, it-tweġibiet mogħtija fi stħarriġiet dwar is-sodisfazzjon tal-konsumatur. |
Barra minn hekk, l-applikant għandu jabbozza struzzjonijiet bil-miktub, iffirmati mit-tim ta' ġestjoni tal-applikant, li jkopru l-kompiti tax-xogħol li għandhom jitwettqu mis-servizz. Dawk l-istruzzjonijiet bil-miktub għandhom jiġu pprovduti lill-istaff tat-tindif u jkunu disponibbli għal konsultazzjoni fil-bini tal-applikant u/jew fis-siti tat-tindif.
Dawn l-istruzzjonijiet dwar ix-xogħol bil-miktub għandhom jinkludu bħala minimu dawn li ġejjin:
— |
id-deskrizzjoni tal-kompitu (eż., tindif f'uffiċċju, sanitarju jew ta' twieqi); |
— |
il-kwalità (eż. l-indafa mistennija, il-lista ta' kontroll standardizzata); |
— |
il-frekwenza (eż. darba fil-ġimgħa); |
— |
l-oġġetti li għandhom jiġu mnaddfa (eż. mejda, siġġu, sink); |
— |
il-metodi applikabbli (eż. it-tagħmir u l-metodu użati għat-tindif ta' żoni jew ta' oġġetti differenti). |
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi ċ-ċertifikat ISO 9001 jew INSTA 800 jew dikjarazzjoni ta' konformità appoġġata minn:
— |
dokument li jidentifika lill-maniġer responsabbli għall-konformità ma' dan il-kriterju (tista' tintuża ċart organizzazzjonali biex tiġi deskritta l-istruttura organizzazzjonali tal-applikant u jiġi identifikat il-maniġer); |
— |
dokumenti tal-kumpanija li juru l-proċeduri marbuta mal-kwalità tat-tindif. Nota: F'każ li dawn il-proċeduri huma konformi mar-rekwiżiti ta' EN 13549 (servizzi tat-tindif, ir-rekwiżiti bażiċi u r-rakkomandazzjonijiet għas-sistemi tal-kejl tal-kwalità) u/jew ma' standard reġjonali għall-ġestjoni tal-kwalità (eż. INSTA800: Kwalità tat-tindif — sistema ta' kejl għall-valutazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-kwalità tat-tindif), l-applikant jista' jipprovdi ċ-ċertifikat ta' konformità; |
— |
l-istruzzjonijiet bil-miktub dwar l-ix-xogħol, iffirmati mit-tim ta' ġestjoni tal-applikant li jkopru l-kompiti tax-xogħol li jagħmlu parti mill-forniment tas-servizz. |
Kriterju O9 — Flotta ta' vetturi proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu (sa 5 punti)
Dan il-kriterju jkopri biss il-flotta ta' vetturi proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu u użata fil-forniment ta' kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE. Il-vetturi jistgħu jinkludu vetturi mħaddma mill-bniedem (roti tal-merkanzija), vetturi mħaddma mill-bniedem b'assist tal-elettriku (roti tal-merkanzija elettriċi), vetturi ħfief tal-passiġġieri jew vetturi kummerċjali użati mill-maniġers, is-superviżuri, l-istaff tat-tindif, l-ispetturi u kull persuna oħra li tieħu sehem f'xi aspett tal-forniment tas-servizz tat-tindif.
Is-subkriterju O9(a) ikopri wkoll vetturi ibridi iżda mhux vetturi elettriċi.
Is-subkriterju O9(b) ikopri vetturi b'emissjonijiet żero.
Il-vetturi li huma proprjetà privata li jintużaw fil-forniment tas-servizz mhumiex koperti minn dan il-kriterju.
O9 (a) Vetturi li jissodisfaw l-istandard Ewropew għall-emissjonijiet Euro 6 (punt wieħed)
Mill-inqas 50 % tal-vetturi (imqarreb għall-eqreb valur sħiħ) proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu u użati fil-forniment ta' kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE għandhom jissodisfaw l-istandard Ewropew għall-emissjonijiet Euro 6 għal vetturi ħfief għall-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali.
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti li turi liema vetturi qed jintużaw fil-forniment tas-servizzi tat-tindif, li huma proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu, u għandu jindika liema vetturi jissodisfaw l-istandard Euro 6. Ir-reġistrazzjoni pubblika tal-vetturi tista' tintuża bħala prova tal-konformità, flimkien maċ-ċertifikat tal-konformità.
O9 (b) Vetturi b'emissjonijiet żero (2 punti)
Mill-inqas 10 % tal-vetturi (imqarreb għall-eqreb valur sħiħ) proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu u użati fil-forniment ta' kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE għandhom ikunu vetturi b'emissjonijiet żero kif stabbilit skont it-testijiet taċ-ċiklu ta' sewqan ewropew ġdid (NEDC) kif deskritt fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 (7), vetturi mħaddma mill-bniedem (roti tal-merkanzija), vetturi mħaddma mill-bniedem b'assist tal-elettriku (roti tal-merkanzija elettriċi).
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti li turi liema vetturi qed jintużaw fil-forniment ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE, li huma proprjetà tal-applikant jew mikrja minnu, u għandu jindika liema huma l-vetturi b'emissjonijiet żero. Ir-reġistrazzjoni pubblika tal-vetturi tista' tintuża bħala prova tal-konformità, flimkien mad-dokumentazzjoni tal-manifattur li turi r-riżultati tat-test tal-NEDC.
O9 (c) Pjan dwar it-trasport tal-kumpaniji (2 punti)
Il-fornitur għandu jfassal pjan dwar it-trasport tal-kumpanija biex inaqqas il-konsum tal-fjuwil, jipprovdi mira għat-tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil (għal kull sit tat-tindif) u jkollu r-reġistri relatati mal-manutenzjoni annwali tal-flotta tal-vetturi.
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi kopja tal-pjan dwar it-trasport tal-kumpanija, l-aħħar mira għat-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil u l-evoluzzjoni tal-konsum tal-fjuwil annwali bbażata fuq l-għadd ta' siti tat-tindif. L-applikant għandu jipprovdi kopja tal-pjan tal-manutenzjoni għall-flotta tal-vetturi. Ir-reġistri tas-servizz tal-vetturi jistgħu jintużaw bħala prova tal-konformità.
Kriterju O10 — Effiċjenza tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ li huma proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu (sa 4 punti)
Dan il-kriterju japplika biss għall-magni tal-ħasil li huma proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu, li jinsabu fil-bini tal-applikant jew fis-siti tat-tindif, għall-ħasil ta' biċċiet, moppijiet u uniformijiet tal-istaff użati bħala parti mill-forniment ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.
Is-subkriterju O10(a) huwa applikabbli biss jekk il-magni tal-ħasil domestiċi li jintużaw huma koperti mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 (8), kif ukoll mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 (9).
O10 (a): Tikketta tal-enerġija (sa 2 punti)
L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal ta' magni tal-ħasil domestiċi (imqarreb għall-eqreb valur sħiħ) li jikkonformaw mal-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija A++ jew A+++ tat-Tikketta tal-Enerġija tal-UE skont ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1061/2010, kif ġej:
— |
Mill-inqas 50 % tal-makkinarju A++: punt wieħed |
— |
Mill-inqas 90 % tal-makkinarju A++: 2 punti |
— |
Mill-inqas 50 % tal-makkinarju A+++: 2 punti |
O10 (b): Effiċjenza fl-użu tal-ilma (2 punti)
Magni domestiċi: il-konsum tal-ilma għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi li jkunu proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu, għandu jkun aktar baxx jew daqs il-punti ta' riferiment għall-konsum tal-ilma stipulati fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1015/2010. Il-punti ta' riferiment huma mkejla skont l-istandard EN 60456, bl-użu taċ-ċiklu standard tal-ħasil (il-programm għall-qoton f'temperatura ta' 60°C).
Is-subgrupp tal-prodott |
Konsum tal-ilma: [litri/ċiklu] |
Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 3 kg |
39 |
Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 3,5 kg |
39 |
Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 4,5 kg |
40 |
Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 5 kg |
39 |
Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 6 kg |
37 |
Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 7 kg |
43 |
Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 8 kg |
56 |
KIF UKOLL
Magni tal-ħasil kummerċjali: il-konsum tal-ilma tal-magni tal-ħasil kummerċjali li huma propjetà tal-applikant jew mikrija minnu għandu jkun aktar baxx minn jew daqs 7 L għal kull kg ta' materjal maħsul.
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (lista tal-magni tal-ħasil domestiċi kollha miżmuma u użati għall-ħasil ta' biċċiet, moppijiet u uniformijiet tal-istaff użati bħala parti mill-forniment ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE) u d-dokumentazzjoni li tindika l-klassijiet tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi eżistenti.
L-iskeda tal-prodott tista' tintuża bħala prova tal-konformità ma' dan ir-rekwiżit, skont l-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1061/2010.
F'każ li d-dokumentazzjoni msemmija hawn fuq ma tkunx disponibbli, il-konformità mal-kriterju O10(b) tista' tintwera billi tiġi pprovduta d-dokumentazzjoni dwar il-konsum totali annwali tal-ilma. F'dan il-każ, għandu jkun preżunt total ta' ċikli standard ta' ħasil kull sena ta' 220.
Kriterju O11 — Servizzi bl-ekotikketta u prodotti oħrajn bl-ekotikketta (sa 5 punti)
Dan il-kriterju japplika għall-użu ta' servizzi u/jew ta' prodotti bl-ekotikketta, definiti bħala servizzi u/jew prodotti li ma jintużawx direttament għall-forniment ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE iżda, jintużaw bħala appoġġ għall-operazzjonijiet tan-negozju ta' kuljum tal-applikant li jirreferu għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE fornuti. Dawn jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, servizzi (eż. ħasil ta' ħwejjeġ u ħasil ta' karozzi) li jiġu esternalizzati mill-applikant lil parti terza. Dawn jistgħu jkopru prodotti bħal deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ, deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti jew karta għall-ikkuppjar.
O11 (a) Servizzi bl-ekotikketta (sa 2 punti)
100 % ta' tip ta' servizz jiġi esternalizzat lil fornitur li jkun ingħata l-Ekotikketta tal-UE jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri għal dak is-servizz (punt wieħed għal kull servizz, sa massimu ta' 2 punti b'kollox)
O11 (b) Servizzi bl-ekotikketta (sa 3 punti)
100 % ta' unitajiet ta' prodott ta' grupp ta' prodotti li ngħataw l-Ekotikketta tal-UE jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri (0,5 punti għal kull grupp ta' prodotti, sa massimu ta' 3 punti b'kollox)
Nota: Prodotti bl-ekotikketta bħal biċċiet u moppijiet u oġġetti konsumabbli forniti bħala parti minn kuntratt lill-klijenti ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-kriterju. Għal dan is-subkriterju, huwa meqjus li “grupp ta' prodotti” huwa ddefinit mill-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE jew mill-kriterji ta' tikketta oħra tat-tip I tal-ISO (eż. “prodotti tal-karti”, “deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ”, “tessuti”).
Valutazzjoni u verifika
O11(a) |
L-applikant għandu jipprovdi evidenza xierqa li s-servizz(i) esternalizzat(i) għandhom iċ-ċertifikazzjoni ta' tikketta tat-tip I tal-ISO, flimkien mal-fatturi rilevanti. |
O11(b) |
L-applikant għandu jipprovdi d-dejta u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti) li jindikaw il-kwantitajiet ta' tali prodotti użati u kopja taċ-ċertifikati tal-Ekotikketta tal-UE jew tat-tikketta tat-tip I tal-ISO rilevanti u/jew it-tikketti tal-imballaġġ. |
Kriterju O12 — Prodotti konsumabbli u magni tal-elettriku għat-tnixxif tal-idejn fornuti lill-klijent (sa 3 punti)
Dan il-kriterju japplika biss jekk l-applikant huwa responsabbli għall-provvista ta' oġġetti konsumabbli biex jintużaw fis-siti tat-tindif f'mill-inqas kuntratt wieħed għal servizzi tat-tindif bl-Ekotikketta tal-UE. L-oġġetti konsumabbli u l-magni tal-elettriku għat-tnixxif tal-idejn fornuti bħala parti minn dawn il-kuntratti biss huma koperti minn dan il-kriterju:
O12(a) Sapun għall-idejn (punt wieħed)
Mill-inqas 70 % tas-sapun għall-idejn, skont il-volum ta' sapun għall-idejn fornut kull sena, għandhom ikunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għal kożmetiċi li jitlaħalħu skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/893/UE (10), jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri.
O12(b) Prodotti tal-karti (punt wieħed)
Mill-inqas 90 % tal-prodotti tal-oġġetti tal-karti konsumabbli (iġjene personali u karti assorbenti), skont il-piż jew il-volum fornuti kull sena, kif ikun xieraq, għandhom ikunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-karta assorbenti skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/568/KE (11), jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri.
O12(c) Rombli ta' xugamani tat-tessut (punt wieħed)
Mill-inqas 50 % tar-rombli ta' xugamani tat-tessut, skont l-għadd ta' rombli fornuti kull sena, għandhom ikunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tessili skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/350/UE jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri għal prodotti tessili jew għal xugamani tad-drapp fornuti f'dispensers tax-xugamani.
O12(d) Magni tal-elettriku għat-tnixxif tal-idejn (punt wieħed)
Il-magni tal-elettriku kollha għat-tnixxif tal-idejn fornuti u miżmuma mill-applikant għandu jkollhom sensuri tal-prossimità jew ikunu ngħataw tikketta tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri.
Valutazzjoni u verifika
L-applikant għandu jindika għal kull kuntratt ta' servizz bl-Ekotikketta tal-UE, kemm jekk jinkludi l-provvista ta' oġġetti konsumabbli jew le, id-dejta annwali (l-isem kummerċjali u l-piż, il-volum jew in-numru tal-biċċiet) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw l-oġġetti konsumabbli forniti. Meta jintużaw prodotti bl-Ekotikketta tal-UE, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tal-Ekotikketta tal-UE u/jew it-tikketta tal-imballaġġ biex juri li ngħataw, skont kif ikun il-każ, f'konformità ma':
— |
Id-Deċiżjoni 2014/893/UE; |
— |
Id-Deċiżjoni 2009/568/KE; |
— |
Id-Deċiżjoni 2014/350/UE. |
Meta jintużaw prodotti oħrajn bit-tikketta tat-tip I tal-ISO, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tat-tikketta tat-tip I u/jew kopja tat-tikketta tal-imballaġġ.
Għall-magni tal-elettriku għat-tnixxif tal-idejn, l-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni li turi kif jiġu ssodisfati r-rekwiżiti (eż. it-tikketta tal-imballaġġ jew l-informazzjoni teknika li turi l-preżenza taċ-ċertifikat tat-tip I tal-ISO jew ta' sensuri tal-prossimità).
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1217 tat-23 ta' Ġunju 2017 li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin (ĠU L 180, 12.7.2017, p. 45).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/350/UE tal-5 ta' Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tessili (ĠU L 174, 13.6.2014, p. 45).
(6) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU L 192, 13.7.2013, p. 1).
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).
(8) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 47).
(9) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 tal-10 ta' Novembru 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi (ĠU L 293, 11.11.2010, p. 21).
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/893/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu (ĠU L 354, 11.12.2014, p. 47).
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/568/KE tad-9 ta' Lulju 2009 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għotja tal-Ekotikketta Komunitarja għall-karta assorbenti (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 87).