Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0491

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/491 tal-21 ta' Marzu 2018 dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Mediterran mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2018) 1634)

    C/2018/1634

    ĠU L 81, 23.3.2018, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/491/oj

    23.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 81/23


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/491

    tal-21 ta' Marzu 2018

    dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Mediterran mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2018) 1634)

    (It-testi bil-Franċiż, bl-Ingliż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, il-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Belġju, fi Franza, fil-Lussemburgu, fin-Netherlands u fir-Renju Unit bagħtu ittra ta' intenzjoni lill-Kummissjoni, li waslet fl-14 ta' Ġunju 2017. L-ittra ta' intenzjoni ġiet iffirmata wkoll mill-Iżvizzera, li diġà qiegħda tipparteċipa bħala pajjiż terz f'dan il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija abbażi tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 913/2010. L-ittra tinkludi proposta biex jiġi estiż il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Mediterran għal Ġinevra.

    (2)

    Il-Kummissjoni eżaminat il-proposta inkluża fl-ittra ta' intenzjoni skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 u tqis li l-proposta hija konformi mal-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament għar-raġunijiet stipulati hawn taħt.

    (3)

    Il-proposta tqis il-kriterji stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010. L-għadd totali ta' pajjiżi parteċipanti fil-kuritur jibqa' sitta, u ħamsa minnhom huma Stati Membri tal-Unjoni. L-allinjament ġenerali tal-kuritur mal-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Mediterran jibqa' l-istess. L-estensjoni proposta hija konsistenti man-netwerk TEN-T u hija konformi mar-rekwiżiti tat-TEN-T li ġejjin: elettrifikazzjoni sħiħa tal-binarji tal-linja, mill-inqas 22,5 tunnellata ta' tagħbija fuq il-fus, veloċità tal-linja ta' 100 km fis-siegħa u l-possibbiltà li joperaw ferroviji b'tul ta' 740 metru.

    (4)

    L-istudju tas-suq tat-trasport inkluż fl-ittra ta' intenzjoni jindika li l-estensjoni hija mistennija twassal għal volumi addizzjonali ta' trasport ferrovjarju internazzjonali u toħloq bidla modali mit-triq għall-ferrovija billi tipprovdi rotta iqsar mill-portijiet marittimi Franċiżi tal-Baħar Mediterran u lejhom, għal prodotti u materja prima li jidħlu l-Iżvizzera jew li joħorġu minnha, li twassal għal benefiċċji soċjoekonomiċi sinifikanti billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u l-konġestjoni fit-toroq.

    (5)

    L-estensjoni proposta hija konsistenti mal-għan li jitwaqqaf netwerk ferrovjarju Ewropew għall-merkanzija kompetittiva. L-estensjoni se tgħaqqad is-setturi ekonomiċi ewlenin miż-żona ta' Ġinevra mal-portijiet marittmi Ewropej importanti bħal Amsterdam, Antwerp, Dunkirk, Marsilja, Rotterdam u Zeebrugge, u għaldaqstant issaħħaħ l-interkonnessjoni tan-netwerk TEN-T mal-Iżvizzera, pajjiż terz ewlieni.

    (6)

    Il-maniġers tal-infrastruttura u l-applikanti kkonċernati ġew ikkonsultati dwar din l-estensjoni skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-proposta dwar l-estensjoni tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Mediterran lejn Ġinevra, inkluża fl-ittra ta' intenzjoni li waslet fl-14 ta' Ġunju 2017, mibgħuta b'mod konġunt lill-Kummissjoni mill-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Belġju, fi Franza, fil-Lussemburgu, fin-Netherlands, fir-Renju Unit u fl-Iżvizzera, hija konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Franċiża, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u lill-Konfederazzjoni Żvizzera.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Marzu 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Violeta BULC

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.


    Top