Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0280

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/280 tat-23 ta' Frar 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja

    ĠU L 54, 24.2.2018, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/280/oj

    24.2.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 54/16


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/280

    tat-23 ta' Frar 2018

    li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-15 ta' Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1).

    (2)

    Abbażi ta' rieżami ta' dik id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi kontra l-Belarussja jiġu estiżi sat-28 ta' Frar 2019.

    (3)

    Barra minn hekk, il-Kunsill qabel li l-esportazzjoni ta' ċerti tipi ta' azzarini sportivi ta' kalibru żgħir, pistoli sportivi ta' kalibru żgħir, u munizzjon ta' kalibru żgħir, esklużivament għall-użu f'avvenimenti sportivi jew taħriġ sportiv, jew l-assistenza teknika jew servizzi ta' senserija, il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja relatati, tista' tiġi awtorizzata mill-Istati Membri, filwaqt li ssottolinja li dan ikun għal għadd limitat u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' liċenzjar applikabbli.

    (4)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 2, jiżdiedu il-paragrafi li ġejjin:

    “4.   B'deroga mill-Artikolu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' azzarini sportivi ta' kalibru żgħir, pistoli sportivi ta' kalibru żgħir u munizzjon ta' kalibru żgħir, li huma intiżi esklużivament għall-użu f'avvenimenti sportivi u taħriġ sportiv, jew l-assistenza teknika jew servizzi ta' senserija, il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja relatati.

    L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiddetermina l-prodotti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan il-paragrafu.

    5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 4 mill-inqas għaxart ijiem qabel l-awtorizzazzjoni, inkluż it-tip u l-kwantità tat-tagħmir ikkonċernat u l-iskop li għalih hu intiż, jew in-natura tal-assistenza jew servizzi relatati.”;

    (2)

    l-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 8

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-28 ta' Frar 2019.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti u għandha tiġġedded jew tiġi emendata, kif meħtieġ, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Frar 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. ZAHARIEVA


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1).


    Top