Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0202

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/202 tad-9 ta' Frar 2018 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo

ĠU L 38, 10.2.2018, pp. 19–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/202/oj

10.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 38/19


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/202

tad-9 ta' Frar 2018

li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK.

(2)

Fl-1 ta' Frar 2018, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, stabbilit bis-saħħa tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1533 (2004), żied erba' persuni mal-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi. Għalhekk jenħtieġ li dawk il-persuni jinżiedu mal-Anness I għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK. Billi tnejn minn dawk il-persuni kienu diġà ddeżinjati taħt l-Anness II għal dik id-Deċiżjoni, jenħtieġ li jitneħħew mill-Anness II għal dik id-Deċiżjoni biex issa jiġu ddeżinjati taħt l-Anness I għal dik id-Deċiżjoni.

(3)

L-Annessi I u II għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK huwa b'dan emendat kif indikat fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK huwa b'dan emendat kif indikat fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)   ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30.


ANNESS I

Il-persuni elenkati hawn taħt għandhom jinżiedu mal-lista li tinsab fil-Parti (a) tal-Anness I għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK:

“32.

Muhindo Akili Mundos (alias: a) Charles Muhindo Akili Mundos; b) Akili Muhindo; c) Muhindo Mundos)

Kariga: a) Ġeneral tal-Forzi Armati tar-RDK (FARDC), Kmandant tal-Brigata 31 b) Brigadier Ġeneral tal-FARDC

Data tat-twelid: 10 ta' Novembru 1972

Post tat-twelid: Repubblika Demokratika tal-Kongo

Nazzjonalità: Repubblika Demokratika tal-Kongo

Data tad-deżinjazzjoni tan-NU: 1 ta' Frar 2018

Informazzjoni oħra: Muhindo Akili Mundos huwa Ġeneral tal-FARDC, Kmandant tal-Brigata 31. Inħatar kmandant tas-Settur Operazzjonali tal-FARDC fiż-żoni ta' Beni u Lubero, inkluż l-Operazzjoni Sukola I kontra l-Forzi Demokratiċi Alleati (ADF) f'Settembru 2014. Baqa' f'dik il-pożizzjoni sa Ġunju 2015. Huwa wkoll ta' theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tar-RDK skont il-paragrafu 7(e) tal-UNSCR 2293.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar provduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Raġuni għall-elenkar:

Muhindo Akili Mundos iddaħħal fil-lista fl-1 ta' Frar 2018 skont kriterji stipulati fil-paragrafu 7(e) tar-Riżoluzzjoni 2293 (2016) kif affermat mill-ġdid fir-Riżoluzzjoni 2360 (2017).

Informazzjoni addizzjonali:

Muhindo Akili Mundos kien il-kmandant tal-armata Kongoliża responsabbli għall-operazzjonijiet militari kontra l-ADF matul l-operazzjoni ‘Sukola I’ minn Awwissu 2014 sa Ġunju 2015. L-unità tal-FARDC taħt il-kmand ta' Mundos naqset milli tintervjeni biex tipprevjeni abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-ADF, inkluż attakki mmirati lejn persuni ċivili. Mundos irrekluta u arma eks-ġellieda minn gruppi armati lokali biex jieħdu sehem fi qtil u massakri extraġudizzjarji mill-ADF.

Waqt li kien kmandant tal-operazzjoni Sukola I tal-FARDC, Mundos kien ukoll fil-kmand ta' fazzjoni ta' sottogrupp tal-ADF magħrufa bħala l-ADF-Mwalika, u taha appoġġ. Taħt il-kmand ta' Mundos, l-ADF-Malika wettqet attakki kontra persuni ċivili. Il-ġellieda tal-FARDC taħt il-kmand ta' Mundos taw appoġġ addizzjonali lill-ADF-Malika matul dawn l-operazzjonijiet.

33.

Guidon Shimiray Mwissa

Data tat-twelid: 13 ta' Marzu 1980

Post tat-twelid: Kigoma, Walikalele, Repubblika Demokratika tal-Kongo

Data tad-deżinjazzjoni tan-NU: 1 ta' Frar 2018

Informazzjoni oħra: Gradwa mill-iskola sekondarja f'humanités sociales fi Mpofi; ta' 16-il sena ngħaqad mal-grupp armat taħt il-kmand ta' She Kasikila; integra l-FARDC ma' Kasikila, li saret il-battaljun S3 tiegħu; ferut fl-2007, wara ngħaqad ma' Mai Mai Simba taħt il-kmandant ta' dak iż-żmien ‘Mando’; ħa sehem fil-ħolqien tal-NDC fl-2008, u sar viċi kmandant responsabbli mill-Brigata Aigle Lemabé. Huwa wkoll ta' theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tar-RDK skont il-paragrafu 7(g) tal-UNSCR 2293.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar provduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Raġuni għall-elenkar:

Guidon Shimiray Mwissa ddaħħal fil-lista fl-1 ta' Frar 2018 skont kriterji stipulati fil-paragrafu 7(g) tar-Riżoluzzjoni 2293 (2016) kif affermat mill-ġdid fir-Riżoluzzjoni 2360 (2017).

Informazzjoni addizzjonali:

Il-‘Ġeneral’ Guidon Simaray Mwissa ħalla l-Nduma defense du Congo (NDC) u ħoloq il-grupp tiegħu stess, NDC-R fl-2014.

L-NDC-R, immexxi minn Guidon Shimiray Mwissa, juża suldati tfal u bagħathom f'konflitt armat. L-NDC-R huwa akkużat ukoll b'abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-provinċji tal-Lvant, u li impona taxxi illegali fiż-żoni tal-minjieri tad-deheb u li uża r-rikavat minnhom biex jixtri l-armi bi ksur tal-embargo fuq l-armi kontra r-RDK.

34.

Lucien Nzambamwita (alias: André Kalume)

Data tat-twelid: 1966

Post tat-twelid: Cellule Nyagitabire, Sector Ruvune, Commune Kinyami, Prefecture Byumba, Rwanda

Nazzjonalità: Rwanda

Data tad-deżinjazzjoni tan-NU: 1 ta' Frar 2018

Informazzjoni oħra: Huwa ta' theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tar-RDK skont il-paragrafu 7(j) tal-UNSCR 2293.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar provduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Raġuni għall-elenkar:

Lucien Nzambamwita ddaħħal fil-lista fl-1 ta' Frar 2018 skont kriterji stipulati fil-paragrafu 7(j) tar-Riżoluzzjoni 2293 (2016) kif affermat mill-ġdid fir-Riżoluzzjoni 2360 (2017).

Informazzjoni addizzjonali:

Lucien Nzambamwita (magħruf ukoll bħala André Kalume) huwa mexxej militari tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR) li joperaw fir-RDK, li jdgħajfu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tar-RDK u huma responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem inkluż li mmiraw u qatlu persuni ċivili. Il-FDLR ġew sanzjonati mill-Kumitat 1533 fil-31 ta' Diċembru 2012.

35.

Gédéon Kyungu Mutanga Wa Bafunkwa Kanonga

Deżinjazzjoni: Mexxej tar-ribelli Katangani

Data tat-twelid: 1974

Post tat-twelid: Territorju ta' Manono, Provinċja ta' Katanga (issa l-Provinċja ta' Tanganyika)

Data tad-deżinjazzjoni tan-NU: 1 ta' Frar 2018

Informazzjoni oħra: Gédéon Kyungu ġej mill-grupp etniku Balubakat. Wara li temm l-edukazzjoni primarja f'Likasi u l-iskola sekondarja f'Manono, kiseb lawrja fil-pedagoġija. Fl-1999 ingħaqad mal-moviment Maï Maï, u kkmanda, mill-2003, wieħed mill-aktar gruppi attivi fil-provinċja ta' Katanga. Fl-2006, żar il-forzi għaż-żamma tal-paċi tan-NU biex jintegra permezz tal-proċess ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR). Ħarab mill-ħabs fl-2011 u ċeda ruħu f'Ottubru 2016. Huwa ta' theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tar-RDK skont il-paragrafu 7(e) tal-UNSCR 2293.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar provduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Raġuni għall-elenkar:

Gédéon Kyungu Mutanga Wa Bafunkwa Kanonga ddaħħal fil-lista fl-1 ta' Frar 2018 skont kriterji stipulati fil-paragrafu 7(e) tar-Riżoluzzjoni 2293 (2016) kif affermat mill-ġdid fir-Riżoluzzjoni 2360 (2017).

Informazzjoni addizzjonali:

Billi kien il-mexxej tal-milizzja Bakata Katanga (magħrufa wkoll bħala Kata Katanga) bejn l-2011 u l-2014, Gédéon Kyungu Mutanga kien involut f'abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem bħal qtil u attakki fuq persuni ċivili, speċjalment f'żoni rurali tal-provinċja ta' Katanga. Bħala Kmandant tal-grupp armat Bakata Katanga, li huwa ħati ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra, inkluż attakki kontra persuni ċivili, fix-Xlokk tar-RDK, Gédéon Kyungu Mutanga huwa għalhekk ta' theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tar-RDK.”


ANNESS II

L-entrati għall-persuni msemmija hawn taħt huma mħassra fil-Parti (A) tal-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK:

“9.

Gédéon Kyungu Mutanga;

13.

Muhindo Akili Mundos.”

Top