EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2403

Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008

ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81–104 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2403/oj

28.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/81


REGOLAMENT (UE) 2017/2403 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Diċembru 2017

dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (3) (il-“FAR”) stabbilixxa sistema dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra mill-ilmijiet tal-Unjoni u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Unjoni,

(2)

L-Unjoni hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (4) (UNCLOS) u rratifikat il-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti tal-4 ta’ Awwissu 1995 għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar relattivament għall-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ ħut tranżonali u stokkijiet ta’ ħut li jpassi ħafna (5). Dawk id-dispożizzjonijiet internazzjonali jistabbilixxu l-prinċipju li l-Istati kollha għandhom jadottaw miżuri xierqa sabiex jiżguraw il-ġestjoni ssostenibbli u l-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar u sabiex jikkooperaw bejniethom għal dak il-fini.

(3)

L-Unjoni aċċettat il-Ftehim għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ġestjoni minn bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-24 ta’ Novembru 1993 tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura (6). Dak il-Ftehim jistipula li parti kontraenti għandha tastjeni milli tagħti awtorizzazzjoni għall-użu ta’ bastiment għas-sajd fl-ibħra miftuħa jekk ċerti kondizzjonijiet ma jiġux sodisfati, kif ukoll timplimenta sanzjonijiet jekk ċerti obbligi ta’ rappurtar ma jkunux sodisfati.

(4)

L-Unjoni approvat il-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO biex is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux iddikjarat ikun prevenut, skoraġġut u eliminat (“IPOA-IUU”) adottat fl-2001. L-IPOA-IUU u l-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera approvati fl-2014 jenfasizzaw ir-responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera li jiżgura l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar. L-IPOA-IUU jipprevedi li Stat tal-bandiera jenħtieġ li joħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd f’ilmijiet ’il barra mis-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu lil bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. Dawk il-Linji Gwida Volontarji jirrakkomandaw ukoll li tingħata awtorizzazzjoni mill-Istati tal-bandiera u l-Istat kostali meta l-attivitajiet tas-sajd isiru taħt ftehim ta’ aċċess għas-sajd jew anki barra ftehim bħal dan. Jenħtieġ li dawn it-tnejn li huma jkunu sodisfati li tali attivitajiet mhumiex se jdgħajfu s-sostenibbiltà tal-istokkijiet fl-ilmijiet tal-Istat tal-kosta.

(5)

Fl-2014, il-membri kollha tal-FAO, inklużi l-Unjoni u l-pajjiżi msieħba tagħha li qed jiżviluppaw, adottaw b’mod unanimu l-Linji Gwida Volontarji għall-Iżgurar tas-Sostenibbiltà tas-Sajd fuq Skala Żgħira fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari u l-Qerda tal-Faqar. Il-punt 5.7 ta’ dawk il-Linji Gwida jenfasizza li s-sajd fuq skala żgħira jenħtieġ li jingħata l-kunsiderazzjoni dovuta qabel ma jsiru ftehimiet dwar l-aċċess għar-riżorsi ma’ pajjiżi terzi u partijiet terzi. Dawk il-Linji Gwida jitolbu l-adozzjoni ta’ miżuri għall-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd u biex jiġi żgurat il-pedament ekoloġiku għall-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li jenfasizzaw l-importanza ta’ standards ambjentali għall-attivitajiet tas-sajd barra l-ilmijiet tal-Unjoni li jinkludu approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd flimkien mal-approċċ ta’ prekawzjoni.

(6)

Jekk ikun hemm evidenza li l-kondizzjonijiet li abbażi tagħhom tkun inħarġet awtorizzazzjoni tas-sajd ma jiġux sodisfati aktar, L-Istat Membru tal-bandiera jenħtieġ li jieħu azzjoni adattata, inkluż l-emendar jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni u, jekk neċessarju, billi jimponi sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi. Fis-sajd taħt xi Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (“RFMO”, Regional Fisheries Management Organisation) jew Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (“SFPA”, Sustainable Fisheries Partnership Agreement), jekk bastiment tas-sajd tal-Unjoni ma jkunx konformi mal-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni tas-sajd u l-Istat Membru jonqos milli jieħu l-azzjoni adatta biex jirrimedja s-sitwazzjoni, anki wara li jkun intalab mill-Kummissjoni biex jagħmel dan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonkludi li ma tkun ittieħdet ebda azzjoni adatta. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu azzjoni addizzjonali biex tiżgura li l-bastiment ikkonċernat jenħtieġ li ma jibqax jistad sakemm ma jiġux sodisfati l-kondizzjonijiet.

(7)

Fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta’ Settembru 2015 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, l-Unjoni impenjat ruħha li timplimenta r-riżoluzzjoni li fiha d-dokument ta’ eżitu intitolat “Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”, inkluż l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 li huwa “l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli”, kif ukoll l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 12 li huwa “l-iżgurar ta’ tendenzi ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli” u l-miri tagħhom.

(8)

L-għan tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (ir-“Regolament Bażiku”), huwa li jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd huma ambjentalment, ekonomikament u soċjalment sostenibbli u jiġu ġestiti b’mod konsistenti mal-għanijiet tal-kisba ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u tar-restawr u s-sostenn ta’ stokkijiet tal-ħut f’livelli ogħla minn dawk li jistgħu jipproduċu rendiment sostenibbli massimu u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Huwa neċessarju wkoll, fl-implimentazzjoni ta’ din il-politika, li jitqiesu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 208(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

(9)

Ir-Regolament Bażiku jeħtieġ ukoll li s-SFPAs ikunu limitati għal qabdiet żejda kif imsemmi fl-Artikolu 62(2) u (3) tal-UNCLOS.

(10)

Ir-Regolament Bażiku jenfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni tal-għanijiet tal-PKS internazzjonalment, u li jkun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni huma bbażati fuq l-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli taħt il-liġi tal-Unjoni, filwaqt li jkunu promossi kondizzjonijiet ugwali għal operaturi mill-Unjoni u operaturi minn pajjiżi terzi.

(11)

Il-FAR kien maħsub biex jistabbilixxi bażi komuni għall-awtorizzazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd li jitwettqu minn bastimenti tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni bil-għan li tiġi appoġġata l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux iddikjarat (“IUU”) u li jkun hemm kontroll u monitoraġġ aħjar tal-flotta tal-Unjoni madwar id-dinja, kif ukoll kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni.

(12)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (8) (ir-“Regolament IUU”) kien adottat b’mod parallel mal-FAR, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (9) (“ir-Regolament tal-Kontroll”) kien adottat sena wara. Dawk ir-Regolamenti huma t-tliet pilastri ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kontroll u infurzar tal-PKS.

(13)

Madankollu, ir-Regolament IUU, il-FAR u r-Regolament tal-Kontroll ma kinux implimentati b’mod konsistenti; b’mod partikolari kien hemm inkonsistenzi bejn il-FAR u r-Regolament tal-Kontroll. Permezz tal-implimentazzjoni tal-FAR feġġew għadd ta’ lakuni, peress li xi sfidi f’termini ta’ kontroll, ta’ chartering, tal-għoti ta’ bandiera ġdida u tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz lil bastiment tas-sajd tal-Unjoni barra mill-qafas ta’ SFPA (“awtorizzazzjonijiet diretti”), ma kinux koperti. Barra minn hekk, xi obbligi ta’ rappurtar rriżultaw li kienu diffiċli, kif anke rriżulta t-tqassim ta’ rwoli amministrattivi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(14)

Il-prinċipju ewlieni ta’ dan ir-Regolament huwa li kwalunkwe bastiment tal-Unjoni li jistad barra l-ilmijiet tal-Unjoni jenħtieġ li jkun awtorizzat mill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu u mmonitorjat kif meħtieġ, irrispettivament minn fejn jopera u l-qafas li jopera taħtu. Il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni jenħtieġ li jiddependi mill-adempiment ta’ sett bażiku ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà komuni. It-tagħrif miġbur mill-Istati Membri u mogħti lill-Kummissjoni jenħtieġ li jippermetti lill-Kummissjoni li tintervjeni fil-monitoraġġ tal-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni fi kwalunkwe żona partikolari barra l-ilmijiet tal-Unjoni fi kwalunkwe ħin.

(15)

Dawn l-aħħar snin raw titjib konsiderevoli fil-politika esterna tal-Unjoni tas-sajd, f’termini tal-kondizzjonijiet u t-termini ta’ SFPAs u d-diliġenza li biha jiġu infurzati d-dispożizzjonijiet. Jenħtieġ għalhekk li s-salvagwardja tal-interessi tal-Unjoni f’termini tad-drittijiet u l-kondizzjonijiet ta’ aċċess fi ħdan il-qafas tas-SFPAs tkun objettiv prijoritarju tal-politika esterna tal-Unjoni tas-sajd u jenħtieġ li jiġu applikati kondizzjonijiet simili għall-attivitajiet tal-Unjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-SFPAs.

(16)

Il-bastimenti ta’ appoġġ jista’ jkollhom impatt sostanzjali fuq il-mod kif il-bastimenti tas-sajd jistgħu jwettqu l-operazzjonijiet tas-sajd tagħhom u dwar il-kwantità ta’ ħut li jkunu jistgħu jirkupraw. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jittieħed kont tagħhom fil-proċessi tal-awtorizzazzjoni u tar-rappurtar stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(17)

L-operazzjonijiet ta’ għoti ta’ bandiera ġdida jsiru problematiċi meta l-għan tagħhom ikun li jiġu evitati r-regoli tal-PKS jew miżuri eżistenti ta’ konservazzjoni u ġestjoni. Għaldaqstant, l-Unjoni jenħtieġ li tkun tista’ tiddefinixxi, tiskopri u tostakola operazzjonijiet bħal dawn. It-traċċabbiltà u s-segwitu xieraq tal-istorja ta’ konformità jenħtieġ li jiġu żgurati tul il-ħajja kollha ta’ bastiment li jkun il-proprjetà ta’ operatur tal-Unjoni irrispettivament mill-bandiera jew bnadar li jopera taħthom. Ir-rekwiżit li jingħata numru uniku tal-bastiment mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) fejn meħtieġ taħt il-liġi tal-Unjoni għandu jkollu dak l-għan ukoll.

(18)

F’ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, il-bastimenti tal-Unjoni jistgħu joperaw jew taħt dispożizzjonijiet ta’ SFPAs konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew bil-kisba ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd diretti minn pajjiżi terzi jekk ma jkun fis-seħħ l-ebda SFPA. Fiż-żewġ każijiet dawn l-attivitajiet jenħtieġ li jitwettqu b’mod trasparenti u sostenibbli. L-Istati Membri tal-bandiera jistgħu jawtorizzaw lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom biex ifittxu u jiksbu awtorizzazzjonijiet diretti minn pajjiżi terzi li huma Stati kostali, taħt ġabra definita ta’ kriterji u soġġett għal monitoraġġ. L-operat tas-sajd jenħtieġ li jiġi awtorizzat ladarba l-Istat Membru tal-bandiera jkun sodisfat li dan mhuwiex ser idgħajjef is-sostenibbiltà u fejn il-Kummissjoni ma jkollha ebda oġġezzjoni debitament iġġustifikata. L-operatur jenħtieġ li jitħalla jibda l-operazzjoni tas-sajd tiegħu biss wara li jkun ingħata l-awtorizzazzjoni kemm mill-Istat Membru tal-bandiera kif ukoll mill-Istat kostali.

(19)

Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma jitħallewx jistadu f’ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni jew is-sovranità ta’ pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni jkollha ftehim iżda l-ebda protokoll fis-seħħ. Fil-każ ta’ tali ftehim, fejn l-ebda protokoll ma jkun ilu fis-seħħ għal mill-inqas tliet snin, jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina r-raġunijiet għas-sitwazzjoni u tieħu azzjoni xierqa, li tista’ tinkludi proposta li jiġi nnegozjat protokoll ġdid.

(20)

Kwistjoni speċifika dwar l-SFPAs hija r-riallokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd mhux utilizzati biżżejjed li jseħħu meta l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Istati Membri bir-Regolamenti tal-Kunsill relevanti ma jintużawx kollha. Billi l-ispejjeż tal-aċċess stabbiliti fl-SFPAs huma fil-biċċa l-kbira ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, sistema temporanja ta’ riallokazzjoni u suballokazzjoni hija importanti biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jiġi żgurat li l-ebda opportunità ta’ sajd li jkun sar ħlas għaliha tinħela. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu ċċarati u mtejba dawk is-sistemi ta’ allokazzjoni, u dan jenħtieġ li jkun mekkaniżmu aħħari. L-applikazzjoni tagħha jenħtieġ li tkun temporanja u jenħtieġ li ma taffettwax l-allokazzjoni inizjali tal-opportunitajiet ta’ sajd fost l-Istati Membri f’konformità ma’ prinċipji relattivi applikabbli ta’ stabbiltà. Ir-riallokazzjoni jenħtieġ li sseħħ biss ladarba l-Istati Membri rilevanti jkunu rrinunzjaw id-drittijiet tagħhom li jiskambjaw l-opportunitajiet tas-sajd bejniethom, u jenħtieġ li tiġi indirizzata primarjament fil-kuntest ta’ SFPAs b’mod li jingħata aċċess għal sajd imħallat.

(21)

Fejn pajjiż terz ma jkunx parti għal RFMO, l-Unjoni tista’ tagħmel ħilitha biex tipprovdi, mal-pajjiż terz li miegħu tkun qed tiġi kkunsidrata SFPA, għall-allokazzjoni ta’ proporzjon tal-finanzjament settorjali ta’ appoġġ biex jiffaċilita s-sħubija ma’ dik l-RFMO mill-pajjiż terz ikkonċernat.

(22)

L-operazzjonijiet tas-sajd taħt l-awspiċji ta’ RFMOs u fl-ibħra miftuħa jenħtieġ li jkunu wkoll awtorizzati mill-Istat Membru tal-bandiera u jikkonformaw mar-regoli speċifiċi tal-RFMO jew mal-liġi tal-Unjoni li jirregolaw l-operazzjonijiet tas-sajd fl-ibħra miftuħa.

(23)

Sabiex jiġu implimentati l-impenji internazzjonali tal-Unjoni fl-RFMOs u skont l-objettivi msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament Bażiku, l-Unjoni jenħtieġ li tinkoraġġixxi valutazzjonijiet perjodiċi tal-prestazzjoni minn korpi indipendenti, u jenħtieġ li taqdi rwol attiv fil-ħolqien u t-tisħiħ ta’ kumitati ta’ implimentazzjoni fl-RFMOs kollha li għalihom hija tkun parti kontraenti. B’mod partikolari jenħtieġ li hija tiżgura li dawk il-kumitati ta’ implimentazzjoni jagħmlu superviżjoni ġenerali tal-implimentazzjoni tal-politika esterna tas-sajd u tal-miżuri deċiżi fi ħdan RFMOs.

(24)

Il-ġestjoni effettiva ta’ arranġamenti ta’ chartering hija importanti biex jiġi żgurat li l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni ma tiddgħajjifx, kif ukoll biex jiġi żgurat l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi stabbilit qafas legali li jgħin lill-Unjoni timmonitorja aħjar l-attivitajiet ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu chartered minn operaturi li jkunu jew ta’ pajjiż terz jew tal-Unjoni abbażi ta’ dak li ġie adottat mill-RFMO rilevanti.

(25)

It-trasbordi fuq il-baħar jaħarbu minn kwalunkwe kontroll xieraq mill-Istati tal-bandiera jew kostali u b’hekk jikkostitwixxu possibbiltà li l-operaturi jġorru qabdiet illegali. It-tTrasbordi minn bastimenti tal-Unjoni f’ibħra miftuħa u taħt awtorizzazzjonijiet diretti jenħtieġ li jkunu soġġetti għal notifika minn qabel meta jitwettqu barra l-port. L-Istati Membri jenħtieġ li darba fis-sena jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet kollha ta’ trasbord imwettqa mill-bastimenti tagħhom.

(26)

Jenħtieġ li l-proċeduri jkunu trasparenti u prevedibbli għall-operaturi tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom.

(27)

Jenħtieġ li jiġi żgurat l-iskambju ta’ data f’forma elettronika bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif previst fir-Regolament tal-Kontroll. L-Istati Membri jenħtieġ li jiġbru d-data kollha mitluba dwar il-flotot u l-operazzjonijiet tas-sajd tagħhom, jiġġestixxu dik id-data u jagħmluha disponibbli għall-Kummissjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jikkoperaw ma’ xulxin, mal-Kummissjoni u ma’ pajjiżi terzi fejn rilevanti biex jikkoordinaw dawk l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ data.

(28)

Bil-ħsieb li jittejbu t-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi bażi tad-data elettronika ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd, li tinkludi kemm parti pubblika kif ukoll parti sikura. L-informazzjoni fil-bażi tad-data ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd tkun tinkludi data personali. L-ipproċessar ta’ data personali bbażat fuq dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u mal-liġi nazzjonali applikabbli.

(29)

Bil-għan li jkun indirizzat adegwatament l-aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz, ir-regoli rilevanti jenħtieġ li jkunu konsistenti ma’ dawk applikabbli għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, b’konformità mar-Regolament tal-Kontroll. B’mod partikolari, l-Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament dwar ir-rappurtar ta’ data dwar qabdiet u data relatata mal-qabdiet jenħtieġ li japplika wkoll għal bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni.

(30)

Jenħtieġ li bastimenti tas-sajd minn pajjiżi terzi mingħajr awtorizzazzjoni taħt dan ir-Regolament, waqt in-navigazzjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni, ikunu obbligati li jiżguraw li l-irkaptu tagħhom tas-sajd ikun stivat b’tali mod li ma jkunx jista’ jintuża mall-ewwel faċilment f’operazzjonijiet tas-sajd.

(31)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli mill-kontroll tal-operazzjonijiet tas-sajd ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni u, f’każ ta’ ksur, mir-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru nazzjonali previst fl-Artikolu 93 tar-Regolament tal-Kontroll.

(32)

Il-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li jistadu taħt ftehimiet dwar skambju jew ġestjoni konġunta għandhom jirrispettaw il-kwoti allokati lilhom mill-Istati tal-bandiera tagħhom stess fl-ilmijiet tal-Unjoni. Meta bastimenti ta’ pajjiżi terzi jistadu iżjed mill-kwoti allokati lilhom għal stokkijiet fl-ilmijiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li topera tnaqqis mill-kwoti allokati lil dawk il-pajjiżi terzi fi snin sussegwenti. F’dawk il-każijiet, it-tnaqqis tal-kwoti li għandu jiġi operat mill-Kummissjoni f’każ ta’ sajd żejjed għandu jinftiehem bħala l-kontribut li l-Kummissjoni tipprovdi fil-qafas tal-konsultazzjoni ma’ Stati kostali.

(33)

Sabiex ikunu simplifikati l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jużaw sistema komuni ta’ skambju ta’ data u ta’ ħażna ta’ data biex jipprovdu informazzjoni u aġġornamenti meħtieġa filwaqt li jkun qed jitnaqqas il-piż amministrattiv.

(34)

Sabiex jittieħed kont tal-progress teknoloġiku u rekwiżiti tal-liġi internazzjonali ġodda sussegwenti possibbli, jenħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE tkun delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ modifiki tal-Anness ta’ dan ir-Regolament li jistabbilixxi l-lista ta’ informazzjoni li għandha tingħata mill-operatur biex jikseb awtorizzazzjoni tas-sajd, u fir-rigward tas-supplimentar tal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd fl-Artikolu 10 sa fejn meħtieġ biex fil-liġi tal-Unjoni jiġi rifless l-eżitu tal-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim, jew ta’ arranġamenti ma’ stati kostali li magħhom huma maqsuma stokkijiet ta’ ħut. Huwa ta’ importanza partikolari li, matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adegwati, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (12). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(35)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-reġistrazzjoni, tal-format u tat-trażmissjoni ta’ data relatata ma’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-bażi tad-data tal-Unjoni ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd, kif ukoll biex tittieħed deċiżjoni dwar ir-riallokazzjoni temporanja ta’ opportunitajiet tas-sajd mhux użati taħt protokolli eżistenti għal SFPAs bħala miżura transizzjonali korrispondenti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-FAR. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(36)

Biex issir operazzjonali l-bażi tad-data tal-Unjoni ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd u biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi ta’ trażmissjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri kkonċernati biex dawn ikunu jistgħu jittrasferixxu d-data elettronikament. L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll l-għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(37)

Minħabba n-numru u l-importanza tal-emendi li jeħtieġu jsiru, jenħtieġ li l-FAR jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-ħruġ u l-ġestjoni ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal:

(a)

bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jwettqu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz, taħt l-awspiċi ta’ RFMO li għaliha l-Unjoni tkun parti kontraenti, fi jew barra mill-ilmijiet tal-Unjoni, jew f’ibħra miftuħa; u

(b)

bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li jwettqu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni.

Artikolu 2

Rabta mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet:

(a)

f’SFPAs u ftehimiet oħrajn dwar is-sajd konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

(b)

adottati minn RFMOs li għalihom l-Unjoni tkun parti kontraenti;

(c)

fil-liġi tal-Unjoni li timplimenta jew tittrasponi dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b).

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Bażiku u fil-punti 1 sa 4, 15, 16 u 22 tal-Artikolu 2 tar-Regolament IUU, għajr kif previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

2.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“bastiment ta’ appoġġ” tfisser bastiment, li mhuwiex opra tal-baħar li tinġarr abbord, li mhuwiex mgħammar b’tagħmir tas-sajd operazzjonali mfassal biex jaqbad jew jiġbed lejh il-ħut u li jiffaċilita, jgħin jew iħejji l-operazzjonijiet tas sajd;

(b)

“awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser, fir-rigward ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni, awtorizzazzjoni:

fis-sens tal-punt (10) tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kontroll,

maħruġa minn pajjiż terz li tagħti d-dritt lil bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jwettaq operazzjonijiet speċifiċi tas-sajd fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ dak il-pajjiż terz, matul perjodu speċifikat, f’żona partikolari jew għal sajd partikolari taħt kondizzjonijiet speċifiċi,

u, fir-rigward ta’ bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz, awtorizzazzjoni li tagħtih id-dritt li jwettaq operazzjonijiet speċifiċi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni matul perjodu speċifikat, f’żona partikolari jew għal sajd partikolari taħt kondizzjonijiet speċifiċi;

(c)

“awtorizzazzjoni diretta” tfisser awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz lil bastiment tas-sajd tal-Unjoni barra mill-qafas ta’ SFPA jew ta’ ftehim dwar l-iskambju tal-opportunitajiet tas-sajd u l-ġestjoni konġunta ta’ speċijiet ta’ interess komuni;

(d)

“ilmijiet ta’ pajjiż terz” tfisser ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz. L-ilmijiet ta’ Stat Membru li mhumiex ilmijiet tal-Unjoni huma meqjusa bħala ilmijiet ta’ pajjiż terz għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament;

(e)

“programm ta’ osservatur” tfisser skema taħt l-awspiċi ta’ RFMO, SFPA, pajjiż terz jew Stat Membru li jipprovdi osservaturi abbord bastimenti tas-sajd inkluż, fejn speċifikament ipprovdut fl-iskema applikabbli ta’ osservatur, biex tiġi verifikata l-konformità tal-bastiment mar-regoli adottati minn dik l-RFMO jew dak il-pajjiż terz, jew taħt dak l-SFPA;

(f)

chartering” tfisser arranġament li permezz tiegħu bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru jingħata kuntratt għal perjodu definit minn operatur fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz mingħajr ma jibdel il-bandiera;

(g)

“operazzjoni tas-sajd” tfisser l-attivitajiet kollha b’rabta mat-tiftix għall-ħut, l-isparar, il-kalar u l-irfigħ tal-irkaptu tas-sajd attiv, l-irranġar, it-tbaħbiħ, it-tneħħija jew l-irranġar mill-ġdid ta’ rkaptu tas-sajd passiv u t-tneħħija ta’ kwalunkwe qabda mill-irkaptu tas-sajd, mix-xibka ta’ lqugħ, jew minn gaġġa tat-trasport għal gaġeġ tat-tismin u tat-trobbija.

TITOLU II

OPERAZZJONIJIET TAS-SAJD MINN BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI BARRA MILL-ILMIJIET TAL-UNJONI

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 4

Prinċipju ġenerali

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni mill-organizzazzjoni kompetenti jew mill-pajjiż terz, bastiment tas-sajd tal-Unjoni ma għandux iwettaq operazzjonijiet tas-sajd barra l-ilmijiet tal-Unjoni sakemm ma jkunx ġie awtorizzat mill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu, u sakemm l-operazzjonijiet tas-sajd ma jkunux indikati f’awtorizzazzjoni tas-sajd valida maħruġa f’konformità mal-Kapitoli II sa V, kif adatt.

Artikolu 5

Kriteriji ta’ eliġibbiltà

1.   Stat Membru tal-bandiera jista’ joħroġ biss awtorizzazzjoni tas-sajd għal operazzjonijiet tas-sajd barra l-ilmijiet tal-Unjoni jekk:

(a)

ikun irċieva informazzjoni sħiħa u preċiża, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Anness jew tal-SFPA kkonċernat jew tal-RFMO kkonċernata, dwar il-bastiment tas-sajd u l-bastiment jew bastimenti ta’ appoġġ assoċjati, inklużi bastimenti ta’ appoġġ mhux tal-Unjoni;

(b)

il-bastiment tas-sajd ikollu liċenzja tas-sajd valida taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kontroll;

(c)

il-bastiment tas-sajd u kwalunkwe bastiment ta’ appoġġ assoċjat japplikaw l-iskema rilevanti għan-numru ta’ identifikazzjoni tal-vapuri tal-IMO sa fejn ikun meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni;

(d)

il-bastiment tas-sajd ma jkunx inkluż f’lista ta’ bastimenti IUU adottata minn RFMO u/jew mill-Unjoni skont ir-Regolament IUU;

(e)

fejn applikabbli, l-opportunitajiet tas-sajd ikunu disponibbli għall-Istat Membru tal-bandiera taħt il-ftehim tas-sajd ikkonċernat jew id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-RFMO; u

(f)

fejn applikabbli, il-bastiment tas-sajd jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6.

2.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 44, għall-fini li temenda l-Anness biex tiżgura monitoraġġ adatt tal-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd taħt dan ir-Regolament, b’mod partikolari permezz ta’ rekwiżiti ġodda tad-data li jirriżultaw minn ftehimiet tas-sajd jew mill-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni.

Artikolu 6

Operazzjonijiet ta’ għoti ta’ bandiera ġdida

1.   Dan l-Artikolu japplika għal bastimenti li, matul il-ħames snin qabel l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd, ikunu:

(a)

ħarġu mir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni u ngħataw bandiera ġdida f’pajjiż terz; u

(b)

sussegwentement marru lura għar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni.

2.   Stat Membru tal-bandiera jista’ joħroġ awtorizzazzjoni tas-sajd biss jekk ikun ivverifika li matul il-perjodu li l-bastiment imsemmi fil-paragrafu 1 ikun opera taħt bandiera ta’ pajjiż terz, dan ma kienx:

(a)

involut f’sajd IUU;

(b)

opera fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz identifikat bħala pajjiż li jippermetti s-sajd mhux sostenibbli skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1026/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

(c)

opera fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz elenkat bħala wieħed li ma jikkooperax skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU; u

(d)

opera fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz identifikat bħala wieħed li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU wara perjodu ta’ sitt ġimgħat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tidentifika lil dak il-pajjiż terz bħala tali, ħlief għal kwalunkwe operazzjoni mwettqa f’każ li l-Kunsill ikun irrifjuta proposta biex dak il-pajjiż terz jiġi ddeżinjat bħala wieħed li ma jikkooperax skont l-Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament.

3.   Għal dak l-għan, l-operatur għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja relatata mal-perjodu li matulu l-bastiment ikun opera taħt bandiera ta’ pajjiż terz meħtieġa minn Stat Membru tal-bandiera:

(a)

dikjarazzjoni tal-qabdiet u tal-isforz tas-sajd matul il-perjodu rilevanti kif mitlub mill-Istat tal-bandiera li jkun pajjiż terz;

(b)

kopja ta’ kull awtorizzazzjoni tas-sajd li tippermetti operazzjonijiet tas-sajd matul il-perjodu rilevanti;

(c)

dikjarazzjoni uffiċjali mill-pajjiż terz fejn il-bastiment ikun ingħata bandiera ġdida li telenka s-sanzjonijiet li kien soġġett għalihom il-bastiment jew l-operatur matul il-perjodu rilevanti;

(d)

l-istorja sħiħa tal-bandiera matul il-perjodu li fih il-bastiment ħalla r-reġistru tal-flotta tal-Unjoni.

4.   Stat Membru tal-bandiera ma għandux joħroġ awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastiment li jkun ingħata bandiera ġdida f’pajjiż terz:

(a)

elenkat bħala wieħed li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU;

(b)

identifikat bħala wieħed li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU wara perjodu ta’ sitt ġimgħat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tidentifika lil dak il-pajjiż terz bħala tali, ħlief għal kwalunkwe operazzjoni mwettqa f’każ li l-Kunsill ikun irrifjuta proposta biex dak il-pajjiż terz jiġi ddeżinjat bħala wieħed li ma jikkooperax skont l-Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament; jew

(c)

identifikat bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1026/2012.

5.   Il-paragrafu 4 ma għandux japplika jekk l-Istat Membru tal-bandiera jkun sodisfat li, hekk kif iċ-ċirkostanzi deskritti fil-punti (b) sa (d) tal-paragrafu 2 jew fil-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 4 saru applikabbli, l-operatur:

(a)

temm l-operazzjonijiet tas-sajd; u

(b)

beda immedjatament il-proċeduri amministrattivi rilevanti biex ineħħi l-bastiment mir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-pajjiż terz.

Artikolu 7

Ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.   Meta japplika għal awtorizzazzjoni tas-sajd, operatur għandu jipprovdi lill-Istat Membru tal-bandiera b’data kompleta u preċiża.

2.   Operatur għandu immedjatament jinforma lill-Istat Membru tal-bandiera dwar kull bdil fid-data relatata.

3.   Stat Membru għandu fuq bażi regolari jimmonitorja jekk il-kondizzjonijiet li abbażi tagħhom tkun inħarġet awtorizzazzjoni tas-sajd baqgħux jiġu sodisfati matul il-perjodu ta’ validità ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

4.   Jekk, b’riżultat tal-eżitu finali tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 3, ikun hemm evidenza li l-kondizzjonijiet li abbażi tagħhom tkun inħarġet awtorizzazzjoni tas-sajd ma jkunux għadhom sodisfati, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jieħu azzjoni adatta, inkluż l-emendar jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni u, jekk neċessarju, jimponi sanzjonijiet. Is-sanzjonijiet applikati mill-Istat Membru tal-bandiera fir-rigward ta’ ksur għandhom ikunu stretti biżżejjed biex jiżguraw konformità effettiva mar-regoli, biex jevitaw ksur u biex it-trasgressuri jiġu mċaħħda mill-benefiċċji li jiġu mill-ksur. L-Istat Membru tal-bandiera għandu minnufih jinnotifika lill-operatur u lill-Kummissjoni b’dan. Fejn rilevanti, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lis-segretarjat tal-RFMO jew lill-pajjiż terz ikkonċernat kif meħtieġ.

5.   Fuq talba motivata tal-Kummissjoni, Stat Membru tal-bandiera għandu jieħu azzjoni adatta kif previst fil-paragrafu 4, fil-każ ta’ ksur ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar adottati minn RFMO li għaliha l-Unjoni tkun parti kontraenti, jew taħt SFPAs.

6.   Fejn l-Unjoni tkun parti kontraenti għal RFMO u bastiment tas-sajd tal-Unjoni ma jkunx konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 21 kif ikun stabbilit fir-rapport ta’ spezzjoni finali rikonoxxut mill-RFMO, u fejn l-Istat Membru tal-bandiera jonqos milli jieħu l-azzjoni xierqa kif previst fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, tobbliga lill-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat jiżgura li l-bastiment tas-sajd tal-Unjoni kkonċernat, jissodisfa dawk il-kondizzjonijiet.

Fejn l-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat ma jkunx ħa azzjoni adatta biex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu fi żmien 15-il jum, il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dettalji aġġornati tal-bastimenti tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 22 lis-Segretarjat tal-RFMO biex jindirizza lill-bastiment ikkonċernat. Il-Kummssjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru tal-bandiera bl-azzjoni tagħha. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jinnotifika lill-operatur bl-azzjoni tal-Kummissjoni.

7.   Fejn l-Unjoni tkun ikkonkludiet SFPA ma’ pajjiż terz u bastiment tas-sajd tal-Unjoni ma jkunx konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 10 kif ikun stabbilit fir-rapport ta’ spezzjoni finali rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti, u fejn l-Istat Membru tal-bandiera jonqos milli jieħu l-azzjoni adatta kif previst fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, tobbliga lill-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat jiżgura li l-bastiment tas-sajd tal-Unjoni kkonċernat jissodisfa dawk il-kondizzjonijiet.

Fejn l-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat ma jkunx ħa azzjoni adatta biex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu fi żmien 15-il jum, il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dettalji aġġornati tal-bastimenti tas-sajd lill-pajjiż terz biex jindirizza lill-bastiment tas-sajd tal-Unjoni kkonċernat. Il-Kummsssjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru tal-bandiera bl-azzjoni tagħha. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jinnotifika lill-operatur bl-azzjoni tal-Kummissjoni.

KAPITOLU II

Operazzjonijiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz

Taqsima 1

Operazzjonijiet tas-sajd taħt sfpas

Artikolu 8

Kamp ta’ applikazzjoni

Din it-Taqsima għandha tapplika għall-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz taħt SFPA.

Artikolu 9

Sħubija fl-RFMO

Bastiment tas-sajd tal-Unjoni jista’ jwettaq biss operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz fuq stokkijiet ġestiti minn RFMO jekk dak il-pajjiż terz ikun parti kontraenti għal dik l-RFMO.

Artikolu 10

Kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istat Membru tal-bandiera

Stat Membru tal-bandiera jista’ joħroġ awtorizzazzjoni tas-sajd għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa f’ibħra ta’ pajjiż terz taħt SFPA biss jekk:

(a)

il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 5 jkunu sodisfati;

(b)

il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-SFPA rilevanti jkunu sodisfati;

(c)

l-operatur ikun ħallas it-tariffi kollha dovuti taħt il-ftehimiet rilevanti, u fejn applikabbli, taħt is-sanzjonijiet finanzjarji relatati stabbiliti minn deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva b’effett finali u vinkolanti; u

(d)

il-bastiment tas-sajd ikollu awtorizzazzjoni tas-sajd valida maħruġa mill-pajjiż terz li jkollu s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fejn jitwettqu l-operazzjonijiet tas-sajd.

Artikolu 11

Proċedura biex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-pajjiż terz

1.   Għall-finijiet tal-punt (d) tal-Artikolu 10, Stat Membru tal-bandiera li jkun ivverifika li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 10 ġew sodisfati għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-applikazzjoni korrispondenti għall-awtorizzazzjoni tal-pajjiż terz.

2.   L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa taħt l-SFPA.

3.   L-Istat Membru tal-bandiera għandu jibgħat l-applikazzjoni lill-Kummissjoni mill-inqas 10 ijiem kalendarji qabel l-iskadenzi għat-trasmissjoni ta’ applikazzjonijiet stipulati fl-SFPA. Il-Kummissjoni tista’ tibgħat talba debitament ġustifikata lill-Istat Membru tal-bandiera għal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jiġu vverifikati l-kondizzjonijiet.

4.   Malli tirċievi l-applikazzjoni jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mitluba skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami preliminari biex jiġi ddeterminat jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 10 humiex sodisfati. Il-Kummissjoni konsegwentement għandha:

(a)

tibgħat l-applikazzjoni lill-pajjiż terz mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, qabel tgħaddi d-data tal-iskadenza għat-trasmissjoni ta’ applikazzjonijiet stabbilita fl-SFPA, dment li tkun ġiet osservata d-data tal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu; jew

(b)

tinnotifika lill-Istat Membru li l-applikazzjoni ġiet miċħuda.

5.   Jekk pajjiż terz jinforma lill-Kummissjoni li ddeċieda li joħroġ, jirrifjuta, jissospendi jew jirtira awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastiment tas-sajd tal-Unjoni taħt il-ftehim, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Istat Membru tal-bandiera b’dan, jekk possibbli b’mezzi elettroniċi.

Artikolu 12

Riallokazzjoni temporanja ta’ opportunitajiet tas-sajd mhux użati fil-qafas ta’ SFPAs

1.   Matul sena speċifika jew kwalunkwe perjodu rilevanti ieħor tal-implimentazzjoni ta’ protokoll ta’ SFPA b’kont meħud tal-perjodi ta’ validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u tal-istaġuni tas-sajd, il-Kummissjoni tista’ tidentifika opportunitajiet tas-sajd mhux użati u tinforma lill-Istati Membri li jibbenefikaw mill-ishma korrispondenti tal-allokazzjoni kif adatt.

2.   Fi żmien 10 jiem kalendarji mir-riċezzjoni ta’ din l-informazzjoni mill-Kummissjoni, l-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu:

(a)

jinfurmaw lill-Kummissjoni li ser jużaw l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom aktar tard matul il-perjodu rilevanti ta’ implimentazzjoni billi jipprovdu pjan tas-sajd b’informazzjoni dettaljata dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd mitluba, il-qabdiet stmati, iż-żona u l-perjodu tas-sajd; jew

(b)

jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-użu tal-opportunitajiet tas-sajd tagħhom permezz ta’ skambji ta’ opportunitajiet tas-sajd, skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament Bażiku.

3.   Jekk ċerti Stati Membri ma jkunux infurmaw lill-Kummissjoni dwar waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, jew jekk infurmawha dwar użu parzjali tal-opportunitajiet tas-sajd tagħhom biss, u jekk b’riżultat ta’ dan, l-opportunitajiet tas-sajd jibqgħu ma jintużawx, il-Kummissjoni tista’ tniedi sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-opportunitajiet tas-sajd mhux użati disponibbli fost l-Istati Membri l-oħra li jibbenefikaw minn sehem fl-allokazzjoni. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kollha dwar it-tnedija tas-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess.

4.   Fi żmien 10 jiem kalendarji mir-riċezzjoni tas-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess imsemmija fil-paragrafu 3, l-Istati Membri li jibbenefikaw minn sehem fl-allokazzjoni jistgħu jikkomunikaw l-interess tagħhom fl-opportunitajiet tas-sajd mhux użati disponibbli lill-Kummissjoni. B’appoġġ għat-talba tagħhom, huma għandhom jipprovdu pjan tas-sajd b’informazzjoni dettaljata dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd mitluba, il-qabdiet stmati, iż-żona u l-perjodu tas-sajd.

5.   Jekk meqjus meħtieġ għall-valutazzjoni tat-talba, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri kkonċernati għal aktar informazzjoni.

6.   Fin-nuqqas ta’ interess fl-ammont totali ta’ opportunitajiet tas-sajd mhux użati disponibbli mill-Istati Membri li jibbenefikaw minn sehem fl-allokazzjoni fi tmiem il-perjodu ta’ 10 ijiem imsemmi fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni tista’ testendi s-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-Istati Membri kollha. Stat Membru jista’ jikkomunika l-interess tiegħu fl-opportunitajiet tas-sajd mhux użati taħt il-kondizzjonijiet imsemmija f’dak il-paragrafu.

7.   Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafi 4 jew 6 ta’ dan l-Artikolu, l-opportunitajiet tas-sajd mhux użati għandhom jiġu riallokati mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 43(3) TFUE, fuq bażi temporanja biss għall-perjodu ta’ żmien rilevanti msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-Istati Membri li lilhom saret ir-riallokazzjoni u l-kwantitajiet riallokati.

8.   Ir-riallokazzjoni temporanja tal-opportunitajiet tas-sajd għandha tkun ibbażata fuq kriterji trasparenti u oġġettivi inklużi, fejn applikabbli, dawk ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika. Dawk il-kriterji jistgħu jinkludu:

(a)

l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal riallokazzjoni;

(b)

l-għadd ta’ Stati Membri li jagħmlu t-talba;

(c)

is-sehem assenjat lil kull Stat Membru li jagħmel it-talba fl-allokazzjoni inizjali ta’ opportunitajiet tas-sajd;

(d)

il-qabda storika u l-livelli tal-isforz ta’ kull Stat Membru li jagħmel it-talba, fejn applikabbli;

(e)

il-vijabbiltà tal-pjanijiet tas-sajd ipprovduti mill-Istati Membri li jagħmlu t-talba, fid-dawl tal-għadd, it-tip u l-karatteristiċi tal-bastimenti u l-irkaptu użat.

Artikolu 13

Suballokazzjoni ta’ kwota annwali maqsuma f’għadd ta’ limiti tal-qabda suċċessivi

1.   Fejn protokoll għal SFPA jistabbilixxi limiti tal-qbid ta’ kull xahar jew ta’ kull tliet xhur jew subdiviżjonijiet oħra tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għas-sena rilevanti, u fejn l-opportunitajiet tas-sajd allokati ma jintużawx kollha matul l-istess perjodu ta’ żmien ta’ kull xahar jew ta’ kull tliet xhur jew perjodu ta’ żmien applikabbli b’mod ieħor, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli korrispondenti għandhom jiġu suballokati mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 43(3) tat-TFUE fost l-Istati Membri kkonċernati għall-perjodi ta’ żmien rilevanti.

2.   Is-suballokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għandha ssir bl-użu ta’ kriterji trasparenti u oġġettivi. Din għandha tkun konsistenti mal-opportunitajiet annwali tas-sajd allokati lil Stati Membri taħt ir-Regolament tal-Kunsill rilevanti.

Taqsima 2

Operazzjonijiet tas-sajd taħt ftehimiet dwar skambju jew ġestjoni konġunta

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet applikabbli

1.   L-Artikoli 8 sa 11 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz taħt ftehim dwar l-iskambju tal-opportunitajiet tas-sajd jew il-ġestjoni konġunta tal-istokkijiet ta’ ħut ta’ interess komuni.

2.   B’deroga mill-Artikolu 11, Stat Membru tal-bandiera jista’ jagħti lill-Kummissjoni d-dettalji tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li huma eliġibbli biex iwettqu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz taħt il-ftehim rilevanti. Meta jiġi stabbilit li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 10 huma sodisfati, il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dettalji tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni rilevanti lill-pajjiż terz mingħajr dewmien. Hekk kif il-pajjiż terz jinforma lill-Kummissjoni li d-dettalji ta’ dawk il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jkunu ġew approvati, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru tal-bandiera b’dan. Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li għalihom ikunu ngħataw id-dettalji mitluba għandhom jitqiesu li għandhom awtorizzazzjoni tas-sajd valida għall-finijiet tal-punt (d) tal-Artikolu 10. Il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll lill-Istat Membru tal-bandiera mingħajr dewmien b’mezzi elettroniċi dwar kwalunkwe notifika mill-pajjiż terz li bastiment tas-sajd tal-Unjoni mhuwiex eliġibbli biex iwettaq operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tiegħu.

Artikolu 15

Konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 44, sabiex tissupplimenta l-Artikolu 10 billi timplimenta fil-liġi tal-Unjoni l-eżitu tal-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim, jew ta’ arranġamenti ma’ Stati kostali li magħhom huma kondiviżi stokkijiet tal-ħut, fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd.

Taqsima 3

Operazzjonijiet tas-sajd taħt awtorizzazzjonijiet diretti

Artikolu 16

Kamp ta’ applikazzjoni

Din it-Taqsima għandha tapplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz barra mill-qafas ta’ ftehim imsemmi fit-Taqsima 1 jew 2.

Artikolu 17

Kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri tal-bandiera

1.   Stat Membru tal-bandiera jista’ joħroġ awtorizzazzjoni tas-sajd għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz barra l-qafas ta’ ftehim imsemmi fit-Taqsima 1 jew 2 fil-każ biss jekk:

(a)

il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 5 jkunu sodisfati;

(b)

ma jkun hemm fis-seħħ jew m’hu qed jiġi applikat b’mod proviżorju l-ebda SFPA jew ftehim dwar skambju ta’ opportunitajiet tas-sajd jew ġestjoni konġunta mal-pajjiż terz kkonċernat;

(c)

l-operatur ikun ipprovda kull wieħed minn dawn li ġejjin:

kopja tal-leġiżlazzjoni dwar is-sajd applikabbli jew referenza preċiża għaliha kif ipprovduta lill-operatur mill-pajjiż terz li jkollu sovranità jew ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fejn l-attivitajiet qed jitwettqu;

evalwazzjoni xjentifika li turi s-sostenibbiltà tal-operazzjonijiet tas-sajd ippjanati, inkluża l-konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62 tal-UNCLOS, fejn applikabbli;

uffiċjal nominat, numru ta’ kont tal-bank pubbliku għall-ħlas tat-tariffi kollha;

(d)

fil-każ li l-operazzjonijiet tas-sajd għandhom jitwettqu fuq speċijiet ġestiti minn RFMO, il-pajjiż terz ikun parti kontraenti għal dik l-organizzazzjoni; u

(e)

l-operatur ikun ipprovda jew;

awtorizzazzjoni tas-sajd valida għall-bastiment tas-sajd ikkonċernat, maħruġa mill-pajjiż terz li jkollu s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fejn jitwettqu l-operazzjonijiet tas-sajd; jew

konferma bil-miktub maħruġa mill-pajjiż terz li jkollu s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fejn jitwettqu l-operazzjonijiet tas-sajd, wara d-diskussjonijiet bejn l-operatur u dak il-pajjiż terz, tat-termini tal-awtorizzazzjoni diretta maħsuba li tagħti lill-operatur aċċess għar-riżorsi tas-sajd tiegħu, inklużi t-tul ta’ żmien, il-kondizzjonijiet, u l-opportunitajiet tas-sajd espressi bħala sforz jew limiti ta’ qbid.

2.   Fi kwalunkwe każ, l-operazzjonijiet tas-sajd ma għandhomx jinbdew qabel il-pajjiż terz ikun ħareġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd valida imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jissospendi l-awtorizzazzjoni tiegħu jekk l-awtorizzazzjoni tal-pajjiż terz ma tkunx inħarġet sa meta jibdew l-operazzjonijiet tas-sajd ippjanati.

3.   L-evalwazzjoni xjentifika msemmija fit-tieni inċiż tal-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi pprovduta minn RFMO jew minn korp reġjonali tas-sajd b’kompetenzi xjentifiċi jew għandha tiġi pprovduta mill-pajjiż terz jew f’kooperazzjoni miegħu. L-evalwazzjoni xjentifika li toriġina fil-pajjiż terz għandha tiġi rieżaminata minn istitut jew korp xjentifiku ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni.

Artikolu 18

Proċedura biex jinkisbu awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-pajjiż terz

1.   Stat Membru tal-bandiera li jkun ivverifika li ġew sodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 17(1), għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti elenkata fl-Anness, u informazzjoni relatata mal-adempiment tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 17(1).

2.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx biżżejjed biex jiġi vvalutat l-adempiment tal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17, hija għandha titlob aktar informazzjoni jew ġustifikazzjoni fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol minn meta tirċievi dik l-informazzjoni.

3.   Jekk, wara t-talba għal aktar informazzjoni jew ġustifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u wara diskussjonijiet mal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni ssib li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17 ma jkunux sodisfati, hija tista’ toġġezzjona għall-għoti tal-awtorizzazzjoni tas-sajd fi żmien 30 jum kalendarju minn meta tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa jew il-ġustifikazzjoni. Jekk il-Kummissjoni ssib li dawk il-kondizzjonijiet ikunu sodisfati, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat mingħajr dewmien bl-intenzjoni tagħha li ma toġġezzjonax.

4.   L-Istat Membru tal-bandiera jista’ joħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd hekk kif jiskadi l-perijodu msemmi fil-paragrafu 2. Fejn il-Kummissjoni tkun talbet aktar informazzjoni f’konformità ma’ dak il-paragrafu, l-Istat Membru tal-bandiera jista’ joħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd jekk il-Kummissjoni ma tkun qajmet l-ebda oġġezzjoni sal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3 jew qabel dik l-iskadenza, dment li l-Kummissjoni tkun informat lill-Istat Membru bl-intenzjoni tagħha li ma toġġezzjonax.

5.   B’deroga mill-paragrafi 1 sa 4, f’każ li awtorizzazzjoni tas-sajd tiġġedded bl-istess termini u kondizzjonijiet u fi żmien sentejn minn meta tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni tas-sajd inizjali, l-Istat Membru tal-bandiera jista’ joħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd hekk kif jivverifika l-informazzjoni li jirċievi fir-rigward tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (d) u (e) tal-Artikolu 17(1) u għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien.

6.   Jekk pajjiż terz jinforma lill-Kummissjoni li jkun iddeċieda li joħroġ, jirrifjuta, jissospendi jew jirtira awtorizzazzjoni diretta għal bastiment tas-sajd tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Istat Membru tal-bandiera b’dan.

7.   Jekk pajjiż terz jinforma lill-Istat Membru tal-bandiera li jkun iddeċieda li joħroġ, jirrifjuta, jissospendi jew jirtira awtorizzazzjoni diretta għal bastiment tas-sajd tal-Unjoni, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni b’dan.

8.   Operatur għandu jipprovdi lill-Istat Membru tal-bandiera kopja tal-kondizzjonijiet finali miftiehma bejnu u l-pajjiż terz, inkluża kopja tal-awtorizzazzjoni diretta.

KAPITOLU III

Operazzjonijiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni taħt l-awspiċi ta’ RFMOs

Artikolu 19

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għal stokkijiet taħt l-awspiċi ta’ RFMO, fl-ilmijiet tal-Unjoni jew barra, sa fejn l-operazzjonijiet tagħhom ikunu soġġetti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni mdaħħla fis-seħħ mill-RFMO.

Artikolu 20

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.   Bastiment tas-sajd tal-Unjoni li l-operazzjonijiet tas-sajd tiegħu jkunu soġġetti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni adottata mill-RFMO ma għandux iwettaq operazzjonijiet tas-sajd taħt l-awspiċi tal-RFMO ħlief jekk:

(a)

l-Unjoni tkun parti kontraenti għall-RFMO;

(b)

ikun ingħata awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu;

(c)

ikun ġie inkluż fir-reġistru jew fil-lista rilevanti ta’ bastimenti awtorizzati tal-RFMO; u

(d)

fejn l-operazzjonijiet tas-sajd jitwettqu fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz, ikun ingħata awtorizzazzjoni tas-sajd mill-pajjiż terz rilevanti f’konformità mal-Kapitolu II.

2.   Il-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu esklużivament fl-ilmijiet tal-Unjoni li jkunu diġà ngħataw awtorizzazzjoni tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kontroll.

Artikolu 21

Kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri tal-bandiera

Stat Membru tal-bandiera jista’ joħroġ awtorizzazzjoni tas-sajd biss jekk:

(a)

il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 5 jkunu sodisfati;

(b)

ir-regoli stabbiliti mill-RFMO jew il-liġi tal-Unjoni li tittrasponihom jiġu osservati; u

(c)

fejn l-operazzjonijiet tas-sajd jitwettqu fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10 jew 17 jiġu osservati.

Artikolu 22

Reġistrazzjoni minn RFMOs

1.   Stat Membru tal-bandiera għandu jibgħat lill-Kummissjoni d-dettalji tal-bastimenti li jkun awtorizza għal operazzjonijiet tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kontroll.

2.   Id-dettalji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitfasslu f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti mill-RFMO u jkunu akkumpanjati mill-informazzjoni mitluba minn dik l-organizzazzjon i .

3.   Il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li jidhrilha li tkun meħtieġa mill-Istat Membru tal-bandiera fi żmien 10 ijiem wara li tirċievi d-dettalji msemmija fil-paragrafu 1. Hija għandha tipprovdi ġustifikazzjoni għal kwalunkwe tali talba.

4.   Meta l-Kummissjoni tkun sodisfata li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 huma osservati, u fi żmien perijodu ta’ 15-il jum wara li tirċievi d-dettalji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dettalji tal-bastimenti awtorizzati lill-RFMO.

5.   Jekk ir-reġistru jew il-lista tal-RFMO ma jkunux pubbliċi, il-Kummissjoni għandha tiċċirkola d-dettalji tal-bastimenti awtorizzati lill-Istati Membri involuti fl-attività tas-sajd rilevanti.

KAPITOLU IV

Operazzjonijiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ibħra miftuħa

Artikolu 23

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa fl-ibħra miftuħa li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu III minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ aktar minn 24 metru.

Artikolu 24

Kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri tal-bandiera

Stat Membru tal-bandiera jista’ joħroġ awtorizzazzjoni tas-sajd għal operazzjonijiet tas-sajd fl-ibħra miftuħa biss jekk:

(a)

il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 5 jkunu sodisfati;

(b)

l-operazzjonijiet tas-sajd ippjanati jkunu:

f’konformità ma’ evalwazzjoni xjentifika, li turi s-sostenibbiltà tal-operazzjonijiet tas-sajd ippjanati, ipprovduta jew ivvalidata minn istitut xjentifiku fl-Istat Membru tal-bandiera; jew

parti minn programm ta’ riċerka, li jinkludi skema għall-ġbir ta’ data, organizzata minn korp xjentifiku. Il-protokoll xjentifiku tar-riċerka, li ser ikun meħtieġ fi kwalunkwe każ, għandu jiġi vvalidat minn istitut xjentifiku fl-Istat Membru tal-bandiera.

Artikolu 25

Proċedura għall-kisba ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.   Stat Membru tal-bandiera li jkun ivverifika li ġew osservati l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni elenkata fl-Anness, u l-informazzjoni relatata mal-adempiment tal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.

2.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx biżżejjed biex jiġi vvalutat l-adempiment tal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24, hija għandha titlob aktar informazzjoni jew ġustifikazzjoni fi żmien 10 ijiem kalendarji minn meta tirċievi dik l-informazzjoni.

3.   Jekk, wara li tirċievi l-informazzjoni jew il-ġustifikazzjoni addizzjonali mitluba, imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni ssib li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 ma jkunux sodisfati, hija tista’ toġġezzjona għall-għoti tal-awtorizzazzjoni tas-sajd fi żmien ħamest ijiem kalendarji minn meta tirċievi l-informazzjoni jew il-ġustifikazzjoni addizzjonali. Jekk il-Kummissjoni ssib li l-kondizzjonijiet huma sodisfati, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat mingħajr dewmien bl-intenzjoni tagħha li ma toġġezzjonax.

4.   L-Istat Membru tal-bandiera jista’ joħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd hekk kif jiskadi l-perijodu msemmi fil-paragrafu 2. Fejn il-Kummissjoni tkun talbet aktar informazzjoni f’konformità ma’ dak il-paragrafu, l-Istat Membru tal-bandiera jista’ joħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd jekk il-Kummissjoni ma tkun qajmet l-ebda oġġezzjoni sal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3 jew qabel dik l-iskadenza, dment li l-Kummissjoni tkun informat lill-Istat Membru bl-intenzjoni tagħha li ma toġġezzjonax.

KAPITOLU V

Chartering ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni

Artikolu 26

Prinċipji

1.   Bastiment tas-sajd tal-Unjoni ma għandux iwettaq operazzjonijiet tas-sajd taħt arranġamenti ta’ chartering f’ilmijiet fejn ikun hemm SFPA fis-seħħ jew applikat b’mod proviżorju.

2.   Bastiment tas-sajd tal-Unjoni ma għandux iwettaq operazzjonijiet tas-sajd taħt aktar minn arranġament wieħed ta’ chartering fl-istess żmien jew ikun involut f’subchartering.

3.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom joperaw taħt ftehimiet ta’ chartering f’ilmijiet taħt l-awspiċi ta’ RFMO biss jekk l-Istat li lilu jiġi chartered il-bastiment ikun parti kontraenti għal dik l-organizzazzjoni.

4.   Bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jkun chartered ma għandux juża l-opportunitajiet tas-sajd tal-Istat Membru tal-bandiera tiegħu matul il-perijodu ta’ applikazzjoni taċ-charter. Il-qabdiet ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jkun chartered għandhom jingħaddu mal-opportunitajiet tas-sajd tal-Istat taċ-chartering.

5.   Xejn f’dan ir-Regolament ma għandu jnaqqas ir-responsabbiltajiet tal-Istat Membru tal-bandiera fir-rigward tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt internazzjonali, ir-Regolament tal-Kontroll, ir-Regolament IUU jew dispożizzjonijiet oħra tal-PKS, inklużi rekwiżiti ta’ rappurtar.

6.   Id-detentur tal-liċenzja tas-sajd ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni li ser jiġi chartered għandu jinforma lill-Istat Membru tal-bandiera bl-arranġament ta’ chartering qabel il-bidu tal-arranġament. Dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien.

Artikolu 27

Ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd taħt arranġament ta’ chartering

Meta joħroġ awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastiment f’konformità mal-Artikoli 17, 21 jew 24, u meta l-operazzjonijiet tas-sajd rilevanti jitwettqu taħt arranġament ta’ chartering, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jivverifika li:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-Istat taċ-chartering tkun ikkonfermat uffiċjalment li l-arranġament huwa f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu; u

(b)

id-dettalji tal-arranġament taċ-chartering ikunu speċifikati fl-awtorizzazzjoni tas-sajd inklużi l-perijodu taż-żmien, l-opportunitajiet tas-sajd u ż-żona tas-sajd.

KAPITOLU VI

Operazzjonijiet ta’ trasbord

Artikolu 28

Operazzjonijiet ta’ trasbord

1.   Kwalunkwe operazzjoni ta’ trasbord imwettqa minn bastiment tas-sajd tal-Unjoni fl-ibħra miftuħa jew taħt awtorizzazzjonijiet diretti għandha ssir f’konformità mal-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament tal-Kontroll. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jipprovdi lill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena, għal trasbordi li jkunu seħħu fis-sena ta’ qabel, bl-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni tat-trasbord, id-data tat-trasbord, il-pożizzjoni ġeografika u ż-żona fejn sar it-trasbord.

2.   Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni taħt awtorizzazzjonijiet diretti jew fl-ibħra miftuħa għandhom jinnotifikaw l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom qabel it-trasbord:

(a)

l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni esterna tal-bastiment riċevitur;

(b)

il-ħin u l-pożizzjoni ġeografika tal-operazzjoni tat-trasbord ippjanata; u

(c)

il-kwantitajiet stmati tal-ispeċijiet li ser jiġu ttrasbordati.

3.   Dan l-Artikolu m’għandux japplika għal trasbordi imwettqa fil-portijiet minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni.

KAPITOLU VII

Obbligi ta’ osservazzjoni u rrappurtar

Artikolu 29

Data tal-programm ta’ osservaturi

Jekk tinġabar data abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni taħt programm ta’ osservaturi, għandhom jintbagħtu rapporti relatati, f’konformità mar-regoli ta’ trasmissjoni speċifikati fil-programm ta’ osservaturi, mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera.

Artikolu 30

Informazzjoni lil pajjiżi terzi

1.   Meta jkun qed iwettaq operazzjonijiet tas-sajd taħt dan it-Titolu, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni jew ir-rappreżentant ta’ dak il-kaptan għandu jagħmel id-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet rilevanti u d-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art disponibbli għall-pajjiż terz, kif ukoll jibgħat lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu kopja elettronika ta’ dik id-data.

2.   Stat Membru tal-bandiera għandu jivvaluta, permezz ta’ kontroverifika f’konformità mal-Artikolu 109 tar-Regolament tal-Kontroll, il-konsistenza tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, mad-data li jkun irċieva f’konformità ma’ dak ir-Regolament u, fejn applikabbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-SFPA.

3.   In-nuqqas ta’ trasmissjoni ta’ dikjarazzjonijiet tal-qabdiet jew ta’ dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art lill-pajjiż terz imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu wkoll jitqies bħala ksur serju għall-fini tal-Artikolu 90 tar-Regolament tal-Kontroll skont il-gravità tal-ksur inkwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandier a , b’kont meħud ta’ kriterji bħan-natura tal-ħsara, il-valur tagħha, is-sitwazzjoni ekonomika tal-awtur tal-ksur u l-livell tal-ksur jew ir-ripetizzjoni tiegħu.

TITOLU III

OPERAZZJONIJIET TAS-SAJD MINN BASTIMENTI TAS-SAJD TA’ PAJJIŻ TERZ FL-ILMIJIET TAL-UNJONI

Artikolu 31

Rekwiżiti tas-Sħubija fl-RFMO

Bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz jista’ jwettaq operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni fuq stokkijiet li huma ġestiti minn RFMO biss jekk il-pajjiż terz ikun parti kontraenti għal dik l-RFMO.

Artikolu 32

Prinċipji Ġenerali

1.   Bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz ma għandux ikun involut f’operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni sakemm ma tkunx inħarġitlu awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Kummissjoni. Għandha tinħariġlu tali awtorizzazzjoni biss jekk jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 5.

2.   Bastiment ta’ pajjiż terz awtorizzat biex jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jikkonforma mar-regoli li jirregolaw l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd li fiha huwa jopera. Jekk id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tas-sajd rilevanti jkunu differenti, id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu stipulati b’mod espliċitu jew f’dak il-ftehim jew permezz ta’ regoli maqbula mal-pajjiż terz li jimplimenta dak l-ftehim.

3.   Jekk bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz ikun qed ibaħħar fl-ilmijiet tal-Unjoni mingħajr awtorizzazzjoni maħruġa taħt dan ir-Regolament, l-irkaptu tas-sajd tiegħu għandu jintrabat u jiġi stivat f’konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kontroll sabiex ma jkunx jista’ jintuża mall-ewwel faċilment f’operazzjonijiet tas-sajd.

Artikolu 33

Kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.   Il-Kummissjoni tista’ toħroġ awtorizzazzjoni lil bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz għal operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni biss jekk:

(a)

ikun hemm eċċess tal-qabda permissibbli li jkopri l-opportunitajiet tas-sajd proposti kif meħtieġ taħt l-Artikolu 62(2) u (3) tal-UNCLOS;

(b)

jiġu osservati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim dwar is-sajd rilevanti u l-bastiment tas-sajd ikun eliġibbli taħt il-ftehim dwar is-sajd mal-pajjiż terz ikkonċernat u, fejn rilevanti, ikun fuq il-lista ta’ bastimenti taħt dak il-ftehim;

(c)

l-informazzjoni mitluba taħt il-ftehim għall-bastiment tas-sajd u l-bastiment jew bastimenti ta’ appoġġ assoċjati tkun kompluta u preċiża, u l-bastiment u kwalunkwe bastiment jew bastimenti ta’ appoġġ assoċjati jkollhom numru OMI meta jkun meħtieġ taħt il-liġi tal-Unjoni;

(d)

il-bastiment tas-sajd ma jkunx inkluż f’lista ta’ bastimenti IUU adottata minn RFMO u/jew mill-Unjoni skont ir-Regolament IUU;

(e)

il-pajjiż terz ma jkunx elenkat bħala li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU jew bħala li jippermetti sajd mhux sostenibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012.

2.   Il-punt (a) tal-paragrafu 1 m’għandux japplika għal bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed iwettqu operazzjonijiet tas-sajd taħt ftehim dwar l-iskambju ta’ opportunitajiet tas-sajd jew il-ġestjoni konġunta ta’ stokkijiet ta’ ħut ta’ interess komuni.

Artikolu 34

Proċedura biex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.   Il-pajjiż terz ikkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-applikazzjonijiet għall-bastimenti tas-sajd tiegħu qabel l-iskadenza stabbilita fil-ftehim ikkonċernat jew dik stabbilita mill-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob mill-pajjiż terz informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jiġi vverifikat li l-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 33 ġew sodisfati.

3.   Meta jiġi stabbilit li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ikunu ġew sodisfati, il-Kummissjoni għandha toħroġ awtorizzazzjoni tas-sajd u tinforma lill-pajjiż terz u lill-Istati Membri kkonċernati b’dan mingħajr dewmien.

Artikolu 35

Ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.   Jekk xi kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 33 ma tibqax tiġi sodisfata, il-Kummissjoni għandha tieħu l-azzjoni adatta, inkluż l-emendar jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, u tinforma lill-pajjiż terz u lill-Istati Membri kkonċernati b’dan.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta, tissospendi jew tirtira l-awtorizzazzjoni maħruġa lill-bastiment tas-sajd tal-pajjiż terz f’każijiet fejn tkun seħħet bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi jew f’każijiet ta’ theddida serja għall-isfruttar, il-ġestjoni u l-konservazzjoni sostenibbli ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, jew fejn dan ikun essenzjali sabiex jiġi pprevenut jew imwaqqaf sajd IUU, jew f’każijiet fejn l-Unjoni tkun iddeċidiet li tissospendi jew taqta’ r-relazzjonijiet mal-pajjiż terz ikkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-pajjiż terz ikkonċernat fil-każ li tirrifjuta, tissospendi jew tirtira l-awtorizzazzjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu.

Artikolu 36

Għeluq tal-operazzjonijiet tas-sajd

1.   Fejn l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lil pajjiż terz jitqiesu li ġew eżawriti, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah immedjatament u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ spezzjoni tal-Istati Membri b’dan. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet tas-sajd fir-rigward ta’ opportunitajiet tas-sajd mhux eżawriti, li jistgħu jaffettwaw ukoll l-opportunitajiet eżawriti, il-pajjiż terz għandu jippreżenta lill-Kummissjoni miżuri tekniċi li jipprevjenu kwalunkwe impatt negattiv fuq l-opportunitajiet tas-sajd eżawriti.

2.   Mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa għal bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ dak il-pajjiż terz ikkonċernat għandhom jitqiesu bħala sospiżi għall-operazzjonijiet tas-sajd ikkonċernati u l-bastimenti ma għandhomx jibqgħu involuti f’dawk l-operazzjonijiet tas-sajd.

3.   L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jitqiesu li ġew irtirati fejn sospensjoni ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd f’konformità mal-paragrafu 2 tkun tikkonċerna l-operazzjonijiet kollha li għalihom huma jkunu ngħataw.

4.   Il-pajjiż terz għandu jiżgura li l-bastimenti tas-sajd ikkonċernati jiġu infurmati immedjatament li qed jiġi applikat dan l-Artikolu u li huma jwaqqfu l-operazzjonijiet tas-sajd kollha kkonċernati. Il-pajjiż terz għandu jinforma wkoll lill-Kummissjoni mingħajr dewmien meta bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jkunu temmew l-operazzjonijiet tas-sajd tagħhom.

Artikolu 37

Sajd eċċessiv tal-kwoti f’ilmijiet tal-Unjoni

1.   Meta l-Kummissjoni tistabbilixxi li pajjiż terz ikun eċċeda l-kwoti li lilu jkunu ġew allokati għal stokk jew grupp ta’ stokkijiet, il-Kummissjoni għandha tagħmel tnaqqis mill-kwoti allokati lil dak il-pajjiż għal dak l-istokk jew grupp ta’ stokkijiet fis-snin sussegwenti. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tiżgura li l-ammont tat-tnaqqis ikun konsistenti mat-tnaqqis impost fuq l-Istati Membri f’ċirkostanzi simili.

2.   Jekk ma jkunx jista’ jsir tnaqqis f’konformità mal-paragrafu 1 fuq il-kwota għal stokk jew grupp ta’ stokkijiet li tagħhom ikun sar sajd eċċessiv minħabba li dik il-kwota għal stokk jew grupp ta’ stokkijiet ma tkunx disponibbli biżżejjed għall-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, tnaqqas il-kwoti fis-snin sussegwenti għal stokkijiet jew gruppi ta’ stokkijiet oħra disponibbli għal dak il-pajjiż terz fl-istess żona ġeografika, jew għall-valur kummerċjali korrispondenti.

Artikolu 38

Kontroll u infurzar

1.   Bastiment ta’ pajjiż terz awtorizzat li jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jikkonforma mar-regoli ta’ kontroll li jirregolaw l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd li fiha huwa jopera.

2.   Bastiment ta’ pajjiż terz awtorizzat li jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jipprovdi lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha, u, fejn rilevanti, lill-Istat Membru kostali, id-data li l-bastimenti tal-Unjoni huma mitluba jibagħtu lill-Istat Membru tal-bandiera skont ir-Regolament tal-Kontroll.

3.   Il-Kummissjoni, jew il-korp maħtur minnha, għandhom jibagħtu d-data msemmija fil-paragrafu 2 lill-Istat Membru kostali.

4.   Bastiment ta’ pajjiż terz awtorizzat li jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jipprovdi, fuq talba, lill-Kummissjoni, jew lill-korp maħtur minnha, ir-rapporti tal-osservaturi prodotti taħt programmi ta’ osservaturi applikabbli.

5.   Stat Membru kostali għandu jirreġistra kull ksur imwettaq minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi, inklużi s-sanzjonijiet relatati, fir-reġistru nazzjonali previst fl-Artikolu 93 tar-Regolament tal-Kontroll.

TITOLU IV

DATA U INFORMAZZJONI

Artikolu 39

Bażi tad-data tal-Unjoni għal awtorizzazzjonijiet maħruġa taħt dan ir-Regolament

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornata bażi tad-data elettronika ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-Unjoni li jkun fiha l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd kollha mogħtija f’konformità mat-Titoli II u III, li tkun magħmula minn parti pubblika u parti sikura. Dik il-bażi tad-data għandha:

(a)

tirreġistra l-informazzjoni kollha ppreżentata f’konformità mal-Anness u informazzjoni oħra ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini li jinħarġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd taħt it-Titoli II u III, inkluż l-isem, il-belt, il-pajjiż ta’ residenza tas-sid u ta’ mhux aktar minn ħames sidien benefiċjarji ewlenin, u turi l-istatus ta’ kull awtorizzazzjoni mill-aktar fis possibbli;

(b)

tintuża għall-iskambju ta’ data u ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u Stat Membru; u

(c)

tintuża għall-finijiet ta’ ġestjoni sostenibbli tal-flotot tas-sajd u għall-finijiet ta’ kontroll biss.

2.   Il-lista tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd kollha fil-bażi tad-data li jkunu nħarġu taħt it-Titoli II u III għandha tkun aċċessibbli pubblikament u għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-isem u l-bandiera tal-bastiment u n-numri CFR u IMO tiegħu fejn meħtieġa taħt il-liġi tal-Unjoni;

(b)

it-tip ta’ awtorizzazzjoni inklużi l-ispeċijiet jew grupp(i) ta’ speċijiet fil-mira; u

(c)

il-ħin u ż-żona awtorizzati tal-operazzjoni tas-sajd (dati tal-bidu u tat-tmiem; żona tas-sajd).

3.   Stat Membru għandu juża l-bażi tad-data biex jippreżenta applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd lill-Kummissjoni u biex iżomm id-dettalji tiegħu aġġornati, kif meħtieġ taħt l-Artikoli 11, 18, 22 u 26, u pajjiż terz għandu juża l-bażi tad-data biex jippreżenta applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd kif meħtieġ taħt l-Artikolu 34.

Artikolu 40

Rekwiżiti tekniċi

1.   L-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fit-Titoli II u III u f’dan it-Titolu għandu jsir f’format elettroniku.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), li jistabbilixxu rekwiżiti operazzjonali tekniċi għar-reġistrar, l-ifformattjar u t-trasmissjoni tal-informazzjoni msemmija fit-Titoli II u III u f’dan it-Titolu. Ir-rekwiżiti operazzjonali tekniċi għandhom isiru applikabbli mhux qabel sitt xhur, u mhux aktar tard minn 18-il xahar, wara l-adozzjoni tagħhom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(2).

Artikolu 41

Aċċess għad-data

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 110 tar-Regolament tal-Kontroll, l-Istati Membri jew il-Kummissjoni għandhom jagħtu aċċess għall-parti sikura tal-bażi tad-data tal-Unjoni għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-flotot tas-sajd esterni msemmija fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament lis-servizzi amministrattivi kompetenti rilevanti involuti fil-ġestjoni tal-flotot tas-sajd.

Artikolu 42

Ġestjoni tad-data, protezzjoni ta’ data personali u kunfidenzjalità

Id-data miksuba taħt dan ir-Regolament għandha tiġi ttrattata f’konformità mal-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament tal-Kontroll, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Direttiva 95/46/KE u r-regoli ta’ implimentazzjoni nazzjonali.

Artikolu 43

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u RFMOs

1.   Meta Stat Membru jirċievi informazzjoni minn pajjiż terz jew RFMO li tkun rilevanti għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, dan għandu jikkomunika dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha, u, fejn adatt, lil Stati Membri oħra kkonċernati, dment li jitħalla jagħmel dan taħt ftehimiet bilaterali ma’ dak il-pajjiż terz jew ir-regoli tal-RFMO ikkonċernata.

2.   Il-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha jistgħu, fil-qafas tal-ftehimiet dwar is-sajd konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, taħt l-awspiċi ta’ RFMOs li għalihom l-Unjoni tkun parti kontraenti, jikkomunikaw informazzjoni rilevanti dwar nonkonformità mar-regoli ta’ dan ir-Regolament, jew ksur serju, lil partijiet oħra għal dawk il-ftehimiet jew organizzazzjonijiet soġġett għall-kunsens tal-Istat Membru li jkun ipprovda l-informazzjoni u f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

TITOLU V

PROĊEDURI, MIŻURI TA’ DELEGA U TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 44

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(2) u 15 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-17 ta’ Jannar 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem dak il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5(2) u 15 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar ’il quddiem speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 5(2) u 15 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 45

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit skont l-Artikolu 47 tar-Regolament Bażiku. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 8 flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 46

Tħassir

1.   Il-FAR huwa b’dan imħassar.

2.   Ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 47

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali dwar ir-riallokazzjoni temporanja ta’ opportunitajiet tas-sajd taħt protokolli eżistenti

1.   B’deroga mill-Artikolu 12, għal dawk il-protokolli għal SFPAs li jkunu fis-seħħ jew li jkunu proviżorjament applikati fis-17 ta’ Jannar 2018, il-proċedura għar-riallokazzjoni temporanja ta’ opportunitajiet tas-sajd stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tintuża sa meta jiskadi l-protokoll inkwistjoni.

2.   Fil-kuntest ta’ SFPA, jekk, abbażi tat-talbiet għat-trasmissjoni ta’ applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11, ikun jidher li n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd jew l-ammont ta’ opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni taħt protokoll ma jintużawx kollha, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati u għandha titlobhom jikkonfermaw li mhumiex qed jagħmlu użu minn dawk l-opportunitajiet tas-sajd. In-nuqqas ta’ risposta fil-limiti tal-iskadenzi, li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill mal-konklużjoni tal-SFPA, għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhumiex qed jagħmlu użu mill-opportunitajiet tas-sajd tagħhom fil-perjodu speċifiku.

3.   Wara konferma mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha tevalwa t-total tal-opportunitajiet tas-sajd mhux użati u għandha tagħmel dik l-evalwazzjoni disponibbli lill-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu mill-opportunitajiet tas-sajd mhux użati msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni lista tal-bastimenti kollha li għalihom ikollhom il-ħsieb jitolbu awtorizzazzjonijiet tas-sajd, kif ukoll it-talba għat-trasmissjoni ta’ applikazzjonijiet għal kull wieħed minn dawk il-bastimenti, f’konformità mal-Artikolu 11.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-riallokazzjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati.

Jekk xi Stat Membru joġġezzjona għal dik ir-riallokazzjoni, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddeċiedi dwar ir-riallokazzjoni billi tieħu kont tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, u għandha tinnotifika lill-Istati Membri kkonċernati b’dan. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(2).

6.   It-trasmissjoni ta’ applikazzjonijiet f’konformità ma’ dan l-Artikolu ma għandha bl-ebda mod taffettwa l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd jew l-iskambju tagħhom fost Stati Membri, f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament Bażiku.

7.   Il-Kummissjoni ma għandhiex tiġi ostakolata milli tapplika l-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafi 2 sa 5 sa meta jkunu finalizzati l-iskadenzi msemmija fil-paragrafu 2.

8.   Għar-riallokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tieħu kont, b’mod partikolari, ta’:

(a)

id-data meta tirċievi kull waħda mit-talbiet;

(b)

l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu disponibbli għar-riallokazzjoni;

(c)

in-numru ta’ talbiet riċevuti;

(d)

in-numru ta’ Stati Membri li jagħmlu t-talba; u

(e)

jekk l-opportunitajiet tas-sajd ikunu bbażati kompletament jew parzjalment fuq ammonti ta’ sforz tas-sajd jew qabdiet, l-isforz tas-sajd mistenni li jintuża jew il-qabdiet mistennija li jsiru minn kull bastiment ikkonċernat.

Artikolu 48

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Diċembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 116.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2017 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ottubru 2017 (ĠU C 390, 17.11.2017, p. 1). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE tat-8 ta’ Ġunju 1998 dwar ir-ratifika mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim sabiex jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 li għandha x’taqsam mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokk tal-ħut fuq iż-żewġ naħat tal-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/428/KE tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar l-aċċettazzjoni mill-Komunità tal-Ftehim li jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u maniġġar minn bastimenti tas-sajd fl-ibħra internazzjonali (ĠU L 177, 16.7.1996, p. 24).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(11)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(12)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti miżuri għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fir-rigward ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 34).

(16)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).


ANNESS

Lista tad-data li għandha tingħata

I

APPLIKANT

1

Isem l-operatur ekonomiku

2

Email

3

Indirizz

4

Fax

5

Tel.

6

Isem is-sid

7

Email

8

Indirizz

9

Fax

10

Tel.

11

Isem l-assoċjazzjoni jew l-aġent li jirrappreżenta lill-operatur ekonomiku

12

Email

13

Indirizz

14

Fax

15

Tel.

16

Ismijiet tal-kaptani

17

Email

18

Indirizz

19

Fax

20

Tel.


II

BASTIMENT TAS-SAJD

21

Isem il-bastiment

22

Identifikatur tal-bastiment (numru OMI, numru CFR, eċċ.)

23

Metodu ta’ preservazzjoni tal-ħut abbord

24

Tip ta’ bastiment (kodiċi FAO)

25

Tip ta’ tagħmir (kodiċi FAO)


III

KATEGORIJA TAS-SAJD LI GĦALIHA HIJA MITLUBA AWTORIZZAZZJONI TAS-SAJD

26

Tip ta’ awtorizzazzjoni (awtorizzazzjoni diretta; ibħra miftuħa; appoġġ)

27

Żona tas-sajd (Żona(i), Subżona(i), Diviżjoni(jiet), Subdiviżjoni(jiet) tal-FAO, kif adatt)

28

Żona tal-operazzjoni (ibħra miftuħa; pajjiż terz — speċifika)

29

Portijiet tal-ħatt l-art

30

Kodiċi(jiet) tal-FAO tal-ispeċijiet fil-mira (jew il-kategorija tas-sajd għall-SFPA)

31

Perjodu tal-awtorizzazzjoni mitlub (dati tal-bidu u tat-tmiem)

32

Lista ta’ bastimenti ta’ appoġġ (isem il-bastiment; numru OMI; numru CFR)


IV

CHARTERING

33

Bastiment li qed jopera taħt arranġament ta’ charter (Iva / Le)

34

Tip ta’ arranġament ta’ charter

35

Perjodu taċ-charter (dati tal-bidu u tat-tmiem)

36

Opportunitajiet tas-sajd (tunnellati metriċi) allokati lill-bastiment taħt charter

37

Il-pajjiż terz li jalloka l-opportunitajiet tas-sajd lill-bastiment taħt charter


Top