Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2391

Regolament (UE) 2017/2391 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 fir-rigward tat-tipoloġiji territorjali (Tercet)

ĠU L 350, 29.12.2017, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2391/oj

29.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 350/1


REGOLAMENT (UE) 2017/2391 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2017

li temenda r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 fir-rigward tat-tipoloġiji territorjali (Tercet)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (In-nomenklatura tal-unitajiet territorjali għall-istatistika, magħrufa bħala “NUTS”) sabiex ikunu jistgħu jsiru l-ġbir, il-kumpilazzjoni u t-tixrid tal-istatistika reġjonali armonizzata fl-Unjoni Ewropea.

(2)

Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, iddefinixxiet għadd ta' tipoloġiji territorjali bażiċi u l-iktar rilevanti biex tikklassifika l-unitajiet tal-istatistika stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003.

(3)

Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika diġà tuża dawk it-tipoloġiji, b'mod partikolari l-grad ta' urbanizzazzjoni, li tinkludi d-definizzjoni tal-bliet.

(4)

Il-kodifikazzjoni tat-tipoloġiji hija meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti definizzjonijiet u kundizzjonijiet li mhumiex ambigwi għat-tipi territorjali b'mod li jiggarantixxu l-applikazzjoni armonizzata u trasparenti tagħhom kif ukoll l-istabbiltà tat-tipoloġiji sabiex tkun ta' appoġġ għall-kumpilazzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. Dawk it-tipoloġiji tal-istatistika m'għandhomx jippreġudikaw l-identifikazzjoni ta' żoni speċifiċi għall-politiki tal-Unjoni.

(5)

Jenħtieg li tiġi applikata sistema ta' grilji tal-istatistika biex jiġu kkalkolati u attribwiti t-tipi territorjali għar-reġjuni u ż-żoni inkwistjoni, peress li dawk it-tipi jiddependu fuq id-distribuzzjoni u d-densità tal-popolazzjoni fil-ċelluli ta' grilja b'daqs ta' kilometru kwadru.

(6)

Għadd ta' aspetti minuri tal-unitajiet amministrattivi lokali (LAU) jenħtieġ li jiġu ċċarati wkoll biex tiġi ssimplifikata t-terminoloġija u l-mekkaniżmu tat-twassil tal-listi tal-LAU mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (Eurostat).

(7)

Sabiex tadatta għall-iżviluppi korrispondenti fl-Istati Membri, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendar, skont l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri, tal-klassifikazzjoni NUTS fl-Anness I, tal-lista tal-unitajiet amministrattivi eżistenti fl-Anness II u l-lista tal-LAU fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(8)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-setgħat ta' implimentazzjoni jenħtieġ li jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tipoloġiji territorjali u s-serje taż-żmien li l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni f'każ ta' kwalunkwe emendi fil-klassifikazzjoni NUTS. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(9)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni reġjonali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(10)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), biex ikunu jistgħu jsiru l-ġbir, il-kumpilazzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea armonizzata fil-livelli territorjali differenti tal-Unjoni.

2.   Il-klassifikazzjoni NUTS hija stabbilita fl-Anness I.

3.   L-unitajiet amministrattivi lokali (LAU), kif imsemmi fl-Artikolu 4, għandhom jikkumplimentaw il-klassifikazzjoni NUTS.

4.   Il-grilji tal-istatistika, kif imsemmi fl-Artikolu 4a, għandhom jikkumplimentaw il-klassifikazzjoni NUTS. Dawk il-grilji tal-istatistika għandhom jintużaw sabiex jiġu kkalkulati tipoloġiji territorjali bbażati fuq il-popolazzjoni.

5.   It-tipoloġiji territorjali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 4b, għandhom jikkumplimentaw il-klassifikazzjoni NUTS billi jattribwixxu tipi għall-unitajiet territorjali.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 5 jitħassar;

(3)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-unitajiet amministrattivi eżistenti li jintużaw għall-klassifikazzjoni NUTS huma stabbiliti fl-Anness II. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 7a biex temenda l-Anness II abbażi tal-bidliet fl-unitajiet amministrattivi li jkunu ġew ikkomunikati lilha mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 5(1).”;

(b)

fil-paragrafu 5, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Xi unitajiet mhux amministrattivi jistgħu madankollu jiddevjaw minn dawn l-egħtiebi minħabba ċirkostanzi ġeografiċi, soċjoekonomiċi, storiċi, kulturali jew ambjentali partikolari, speċjalment fil-gżejjer u fir-reġjuni mbiegħda.”;

(4)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Unitajiet amministrattivi lokali

1.   F'kull Stat Membru, l-unitajiet amministrattivi lokali (LAU) għandhom jissuddividu l-livell NUTS 3 f'wieħed jew żewġ livelli ulterjuri ta' unitajiet territorjali. Mill-inqas wieħed mil-livelli tal-LAU għandu jkun unità amministrattiva skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 3(1) u kif inhuwa stabbilit fl-Anness III. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 7a biex temenda l-lista tal-LAU fl-Anness III abbażi tal-bidliet fl-unitajiet amministrattivi li jkunu ġew ikkomunikati lilha mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 5(1).

2.   Fl-ewwel sitt xhur ta' kull sena u b'referenza għall-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni (Eurostat) il-lista tal-LAU bit-tibdil kollu indikat u bir-reġjun NUTS 3 li jappartjeni għalih. Meta jagħmlu dan għandhom isegwu l-format tad-data elettronika mitlub mill-Kummissjoni (Eurostat).

3.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tippubblika l-lista tal-LAU fit-taqsima apposta tas-sit web tagħha sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena.”;

(5)

jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4a

Grilji tal-istatistika

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha żżomm u tippubblika sistema ta' grilji tal-istatistika fil-livell tal-Unjoni fit-taqsima apposta tas-sit web tagħha. Il-grilji tal-istatistika għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 (*1).

Artikolu 4b

Tipoloġiji territorjali tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha żżomm u tippubblika fit-taqsima apposta tas-sit web tagħha tipoloġiji tal-Unjoni ffurmati minn unitajiet territorjali fil-livelli NUTS, LAU u taċ-ċelluli ta' grilja.

2.   It-tipoloġija bbażata fuq il-grilja għandha tiġi stabbilita fil-livell tar-riżoluzzjoni tal-grilja ta' 1 km2 kif ġej:

“ċentri urbani”,

“raggruppamenti urbani”,

“ċelluli ta' grilja rurali”.

3.   It-tipoloġiji li ġejjin għandhom ikunu stabbiliti fil-livell tal-LAU:

(a)

il-grad ta' urbanizzazzjoni (DEGURBA):

“Żoni urbani”:

“Bliet” jew “Żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni”,

“Bliet żgħar u subborgi” jew “Żoni b'densità intermedja ta' popolazzjoni”,

“Żoni rurali” jew “Żoni b'popolazzjoni baxxa”;

(b)

żoni urbani funzjonali:

“Bliet” flimkien maż-“Żoni għall-ivvjaġġar” tagħhom;

(c)

żoni kostali:

“Żoni kostali”,

“Żoni mhux kostali”.

Jekk ikun hemm aktar minn livell amministrattiv wieħed tal-LAU fi Stat Membru, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tikkonsulta ma' dak l-Istat Membru biex jiġi stabbilit il-livell amministrattiv tal-LAU li għandu jintuża għall-attribuzzjoni tat-tipoloġiji.

4.   It-tipoloġiji u t-tikketti li ġejjin għandhom jiġu stabbiliti fil-livell NUTS 3:

(a)

tipoloġija urbana-rurali:

“Reġjuni fil-biċċa l-kbira urbani”,

“Reġjuni intermedji”,

“Reġjuni fil-biċċa l-kbira rurali”;

(b)

tipoloġija metropolitana:

“Reġjuni metropolitani”,

“Reġjuni mhux metropolitani”;

(c)

tipoloġija kostali:

“Reġjuni kostali”,

“Reġjuni mhux kostali”.

5.   Permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni armonizzata tat-tipoloġiji fil-livell tal-Unjoni. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiddeskrivu l-metodu skont liema jiġu assenjati t-tipoloġiji għall-LAU u għar-reġjuni tal-livell NUTS 3 individwali. Meta jiġu applikati l-kundizzjonijiet uniformi, il-Kummissjoni għandha tieħu kont taċ-ċirkostanzi ġeografiċi, soċjoekonomiċi, storiċi, kulturali u ambjentali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7.

(*1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 tat-23 ta' Novembru 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interoperabbiltà tas-settijiet ta' dejta u servizzi ġeografiċi (ĠU L 323, 8.12.2010, p. 11).”"

(6)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-emendi tal-klassifikazzjoni NUTS fl-Anness I għandhom jiġu adottati fl-aħħar sitt xhur tas-sena kalendarja, mhux aktar tard minn kull tliet snin, abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3. Madankollu, jekk ikun hemm riorganizzazzjoni sostanzjali tal-istruttura amministrattiva rilevanti ta' Stat Membru, tali emendi għall-klassifikazzjoni NUTS jistgħu jiġu adottati f'intervalli iqsar.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 7a sabiex temenda l-klassifikazzjoni NUTS imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu abbażi tal-bidliet fl-unitajiet territorjali li jkunu ġew ikkomunikati lilha mill-Istat Membru kkonċernat skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Id-data reġjonali li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni (Eurostat) għandha tkun ibbażata fuq l-emenda fil-klassifikazzjoni NUTS li tibda tiskorri mill-1 ta' Jannar tat-tieni sena wara l-adozzjoni ta' dak l-att delegat.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Fil-każ li l-Kummissjoni tadotta att delegat kif imsemmi fil-paragrafu 4, l-Istat Membru kkonċernat għandu jittrażmetti lill-Kummissjoni (Eurostat) is-serje taż-żmien għat-tqassim reġjonali l-ġdid, biex tiġi sostitwita d-data li tkun diġà ġiet trażmessa. L-Istat Membru kkonċernat għandu jittrażmetti din is-serje ta' żmien sal-1 ta' Jannar tar-raba' sena wara l-adozzjoni ta' dak l-att delegat.

Il-Kummissjoni għandha, permezz tal-atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għas-serje taż-żmien u t-tul tagħha, filwaqt li tqis kemm huwa verament possibbli li tiġi trażmessa. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7.”

(7)

l-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 7

Proċedura tal-Kumitati

1.   Il-Kummissjoni se tkun assistita mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”;

(8)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 7a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(4), 4(1) u 5(4) tiġi konferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-18 ta' Jannar 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 3(4), 4(1) u 5(4) tista' tiġi revokata f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni tar-revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti appuntati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 3(4), 4(1) u 5(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(9)

L-Artikolu 8 jitħassar;

(10)

It-Titolu tal-Anness III huwa sostitwit b'dan li ġej:

“UNITAJIET AMMINISTRATTIVI LOKALI”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta' Diċembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 209, 30.6.2017, p. 71.

(2)  ĠU C 342, 12.10.2017, p. 74.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2017(għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2017.

(4)  Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).

(5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


Top