Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2368

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2368 tat-18 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/325 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2017/8519

ĠU L 337, 19.12.2017, pp. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/05/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2368/oj

19.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/24


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2368

tat-18 ta' Diċembru 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/325 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/325 (2) il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna ta' poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

(2)

Madankollu, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/325 ma pprevedix il-possibbiltà li l-kumpaniji li ma esportawx ħjut b'saħħithom ħafna ta' poliesteri matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali jitolbu rieżami biex jiġi determinat jekk huma wkoll jistgħux ikunu suġġetti għar-rata ta' dazju imposta fuq il-kumpaniji li kkooperaw li m'humiex parti mill-kampjun.

(3)

Tali rieżami jista' jsir jekk jitressqu provi suffiċjenti quddiem il-Kummissjoni minn esportatur jew produttur ġdid fil-pajjiż ta' esportazzjoni inkwistjoni li (1) ma esportax il-prodott matul il-perjodu ta' investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri; (2) mhux relatat mal-esportatur jew il-produttur soġġett għall-miżuri imposti; u (3) jew effettivament esporta l-oġġetti kkonċernati jew inkella daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni.

(4)

Huwa għalhekk xieraq li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/325 jiġi emendat kif xieraq biex jippermetti lil esportaturi ġodda jitolbu tali rieżami.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

(6)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/325 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/325 jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   Fejn xi parti mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li hija:

(a)

ma esportax l-oġġetti deskritti fil-paragrafu 1 li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali (mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009);

(b)

mhijiex relatata ma' xi esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; kif ukoll

(c)

li effettivament esportat l-oġġetti deskritti fil-paragrafu 1 jew li daħlet f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli li tesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni,

il-Kummissjoni tista' temenda l-Anness I biex tattribwixxi lil dik il-parti d-dazju applikabbli għall-produtturi li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri 5,3 %.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 tal-24 ta' Frar 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 49, 25.2.2017, p. 6).


Top