Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2306

Regolament (UE) 2017/2306 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi

ĠU L 335, 15.12.2017, p. 6–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2306/oj

15.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/6


REGOLAMENT (UE) 2017/2306 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fid-Dikjarazzjoni konġunta dwar il-Politika ta' Żvilupp tal-Unjoni Ewropea bl-isem “Il-Kunsens Ewropew” (2), u fid-Dikjarazzjoni konġunta dwar “Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp” (3), il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għarfu r-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp.

(2)

Fl-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata b'Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015 ġiet issottolinjata l-importanza tal-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi u inklussivi kemm bħala Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 16 kif ukoll biex jinkisbu eżiti oħrajn tal-politika ta' żvilupp. L-SDG 16.a jitlob speċifikament li “Jissaħħu l-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti, inkluż permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali, għat-tisħiħ ta' kapaċitajiet fil-livelli kollha, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jipprevjenu l-vjolenza u jiġġieldu t-terroriżmu u l-kriminalità”.

(3)

L-objettiv ewlieni tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni huwa t-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar.

(4)

Fil-Communiqué tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tad-19 ta' Frar 2016, il-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi aġġorna d-direttivi ta' rappurtar tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp fil-qasam tal-paċi u s-sigurtà. Il-finanzjament tal-azzjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament jikkostitwixxi Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp meta jissodisfa l-kriterji stabbiliti f'dawk id-direttivi ta' rappurtar jew kwalunkwe direttiva sussegwenti ta' rappurtar li dwarha jkun jista' jaqbel il-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp.

(5)

L-għoti ta' appoġġ lill-atturi tas-settur tas-sigurtà f'pajjiżi terzi, inkluż, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-militar, f'kuntest ta' prevenzjoni ta' konflitti, ġestjoni ta' kriżi jew stabbilizzazzjoni huwa essenzjali biex jiżgura l-kundizzjonijiet xierqa għall-qerda tal-faqar u għall-iżvilupp. Il-governanza tajba, il-kontroll demokratiku effikaċi u s-sorveljanza ċivili tas-sistema ta' sigurtà, inklużi dawk tal-militar, kif ukoll il-konformità mal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt huma attributi essenzjali ta' Stat li jiffunzjona sew fi kwalunkwe kuntest, u jeħtieġu li jkunu promossi permezz ta' appoġġ lil pajjiżi terzi għal riforma usa' tas-settur tas-sigurtà.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19-20 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza ta' appoġġ lil pajjiżi sħab u lil organizzazzjonijiet reġjonali, permezz tal-għoti ta' taħriġ, pariri, tagħmir u riżorsi fejn xieraq, sabiex ikunu jistgħu jipprevjenu jew jiġġestixxu dejjem aktar il-kriżijiet waħedhom.

(7)

Fil-Komunikazzjoni Konġunta tat-28 ta' April 2015 bl-isem “It-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jitwieżnu s -sigurtà u l-iżvilupp - L-għoti tas-setgħa lis-sħab sabiex jipprevjenu u jiġġestixxu l-kriżijiet”, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tennew il-bżonn għal soċjetajiet stabbli u sikuri sabiex jinkisbu l-objettivi ta' żvilupp.

(8)

F'konformità mal-Approċċ Komprensiv tal-UE u sabiex jiġu massimizzati l-impatt, l-effiċjenza u l-konsistenza tal-appoġġ tal-UE, il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Mejju 2015 dwar il-PSDK stieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jiżviluppaw, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri, qafas strateġiku għall-Unjoni kollha biex tiġi appoġġata r-riforma tas-settur tas-sigurtà. Dak il-kunċett ta' politika jgħaqqad lill-PSDK u l-għodod rilevanti l-oħra kollha tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) kif ukoll strumenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, filwaqt li jirrispetta l-bażijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom, l-objettivi primarji u l-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet.

(9)

Jenħtieġ li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-atturi militari f'pajjiżi terzi jitwettaq bħala parti mill-politika tal-Unjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, meta din prinċipalment taħdem għal objettivi fil-qasam tal-iżvilupp u bħala parti mill-PESK tal-Unjoni meta prinċipalment taħdem għal objettivi fil-qasam tal-paċi u s-sigurtà, f'konformità mal-Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament jirrispetta l-applikazzjoni tal-proċeduri u d-daqs tas-setgħat tal-istituzzjonijiet taħt il-politika tal-Unjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-PESK tal-Unjoni.

(10)

L-għajnuna mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament tista' tkopri l-forniment ta' programmi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet b'appoġġ għall-iżvilupp u s-sigurtà għall-iżvilupp, inklużi taħriġ, mentoring u pariri dwar, pereżempju, drittijiet tal-bniedem, il-governanza u l-istat tad-dritt, il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal, ir-rispons għall-kriżijiet ċivili, il-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-kooperazzjoni teknika.

(11)

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja mill-qrib il-miżuri taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat kif dovut, fil-waqt opportun, dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament. Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2020, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt, l-effikaċja u l-koerenza tal-miżuri skont dan ir-Regolament mal-SDG 16. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tassoċja l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali, fil-fażi tal-evalwazzjoni fejn tiżgura li jaqdu rwol sinifikattiv fil-proċess. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet konġunti ma' Stati Membri. Ir-riżultati għandhom jinfurmaw it-tfassil ta' programmi u l-allokazzjoni ta' riżorsi, u t-tisħiħ ulterjuri tal-konsistenza u l-komplementarjetà tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

(12)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, paragrafu 2 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fejn tingħata għajnuna mill-Unjoni lill-atturi tas-settur tas-sigurtà, din tista' tinkludi wkoll atturi militari f'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3a fil-kuntest ta' proċess ta' riforma usa' tas-settur tas-sigurtà jew fit-tisħiħ ta' kapaċità b'appoġġ għall-iżvilupp u għas-sigurtà għall-iżvilupp f'pajjiżi terzi, f'konformità mal-għan ġenerali tal-ksib ta' żvilupp sostenibbli.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' atturi militari b'appoġġ għall-iżvilupp u għas-sigurtà għall-iżvilupp

1.   Biex tikkontribwixxi lejn żvilupp sostenibbli, li jirrikjedi l-kisba ta' soċjetajiet stabbli, paċifiċi u inklussivi, l-għajnuna tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament tista' tintuża biex tibni l-kapaċità ta' atturi militari f'pajjiżi sħab, fiċ-ċirkostanzi ta' eċċezzjoni stabbiliti fil-paragrafu 3, biex jitwettqu attivitajiet ta' żvilupp u sigurtà għal attivitajiet ta' żvilupp.

2.   L-għajnuna skont dan l-Artikolu tista' tkopri b'mod partikolari l-forniment ta' programmi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet b'appoġġ għall-iżvilupp u għas-sigurtà għall-iżvilupp, inklużi taħriġ, mentoring u pariri, kif ukoll il-forniment ta' tagħmir, titjib tal-infrastruttura u servizzi relatati direttament ma' dik l-għajnuna.

3.   L-għajnuna skont dan l-Artikolu għandha tingħata biss:

(a)

fejn ma jkunux jistgħu jiġu sodisfatti rekwiżiti b'rikors għal atturi mhux militari biex adegwatament jintlaħqu għanijiet tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament u jkun hemm theddida serja għall-eżistenza ta' istituzzjonijiet Statali li jiffunzjonaw jew għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istituzzjonijiet Statali ma jkunux jistgħu jlaħħqu ma' dik it-theddida; u

(b)

fejn ikun hemm konsensus bejn il-pajjiż sieħeb ikkonċernat u l- Unjoni li l-atturi militari huma kruċjali għall- preservazzjoni, l-istabbiliment jew l-istabbiliment mill-ġdid tal-kondizzjonijiet essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli, inkluż fi kriżijiet u f'kuntesti u sitwazzjonijiet fraġli jew destabilizzati.

4.   L-għajnuna tal-Unjoni skont dan l-Artikolu ma għandhiex tintuża biex jiġi ffinanzjat it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' atturi militari għal skopijiet oħra għajr it-twettiq ta' attivitajiet ta' żvilupp u s-sigurtà għal attivitajiet ta' żvilupp. B'mod partikolari, din ma għandhiex tintuża biex tiffinanzja:

(a)

infiq militari rikorrenti;

(b)

l-akkwist ta' armi u munizzjon, jew kull apparat ieħor imfassal biex jagħti forza letali;

(c)

taħriġ li huwa maħsub biex jikkontribwixxi speċifikament għall-kapaċità ta' ġlied tal-forzi armati.

5.   Waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tippromwovi r-responsabbiltà tal-pajjiż sieħeb. Hija għandha tiżviluppa wkoll l-elementi neċessarji u l-prattiki tajbin meħtieġa biex tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-terminu medju u dak twil u għandha tippromwovi l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali stabbiliti.

6.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċeduri xierqa ta' valutazzjoni tar-riskju, monitoraġġ u evalwazzjoni għall-miżuri skont dan l-Artikolu.”;

(3)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-għajnuna tal-Unjoni skont l-Artikolu 3, u l-Artikolu 3a skont il-każ, għandha tingħata permezz ta' miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali u ta' programmi interim ta' reazzjoni.”;

(4)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom jikkostitwixxu l-bażi ġenerali għall-implimentazzjoni tal-għajnuna skont l-Artikoli 4 u 5, u l-Artikolu 3a skont il-każ. Id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom jipprovdu qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi jew reġjuni sħab ikkonċernati.”;

(5)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri adottati taħt dan ir-Regolament fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, kif ukoll il-miżuri koperti taħt l-Artikolu 3a, ikunu implimentati skont id-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.”;

(6)

fl-Artikolu 13, jiżdied dan il-paragrafu li ġej:

“4.   Ammont ulterjuri ta' EUR 100 000 000 għandu jiżdied mal-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 u għandu jiġi allokati għal miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 3a..”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta' Diċembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2017.

(2)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(3)  ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1).


Dikjarazzjoni dwar is-sorsi ta' finanzjament ta' miżuri ta' assistenza skont l-Artikolu 3a tar-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet b'appoġġ għall-iżvilupp u s-sigurtà għall-iżvilupp għandu jiġi ffinanzjat fi ħdan l-Intestatura IV tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, prinċipalment permezz ta' riallokazzjonijiet, filwaqt li jiġi ppreservat, kemm jista' jkun possibbli, il-bilanċ finanzjarju fost l-istrumenti kollha. Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-awtorità baġitarja fil-proċedura baġitarja annwali, tali riallokazzjonijiet ma għandhomx jinkludu l-użu ta' approprjazzjonijiet allokati għal miżuri skont ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perijodu 2014-2020.


Top