Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2247

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2247 tat-30 ta' Novembru 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2017/8279

    ĠU L 324, 8.12.2017, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2247/oj

    8.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 324/11


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2247

    tat-30 ta' Novembru 2017

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), hemm bżonn li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew bis-sħiħ, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

    (4)

    Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness huma kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2017.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Stephen QUEST

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Oġġett (l-hekk imsejjaħ “tapit li jsaħħan”) b'dimensjonijiet ta' madwar 190 × 80 × 4 cm u li jiżen madwar 11,5 kg. Huwa kkuttunat u fih element li jsaħħan (grilja miksija b'saff irqiq ta' drapp). Il-parti t'isfel tat-tapit (taħt l-element li jsaħħan) hija magħmula minn saff ta' fowm li huwa ċentimetru wiesgħa. In-naħa esterna u superjuri tat-tapit hija ffittjata b'saff ta' ġebel artifiċjali ċatt u lixx li fih it-tormalina. Is-superfiċje tal-oġġett hija riġida u ħotbija.

    L-oġġett huwa mgħammar b'kontrollur konness b'kejbil u konnessjoni tal-elettriku. Il-kontrollur għandu displej li turi t-temperatura stabbilita, id-diversi indikaturi, il-buttuna għall-issettjar tat-temperatura mixtieqa u l-buttuna “on/off”.

    Huwa maħsub għal trattament bis-sħana ta' diversi partijiet tal-ġisem tal-bniedem. Wieħed jista' jqiegħdu fuqu jew ipoġġi bilqiegħda fuqu. L-għażla tat-temperatura hija fil-medda ta' 30–70 °C. Il-ġebel artifiċjali (wara li jissaħħan) jerħi raġġi infraħomor 'il bogħod.

    Ara l-istampi (*1).

    8516 79 70

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 8516 , 8516 79 u 8516 79 70 .

    Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9019 bħala apparat għall-massaġġi hija eskluża minħabba li l-oġġett ma joperax permezz ta' frizzjoni, vibrazzjoni jew xi tip ta' moviment mekkaniku; mhuwiex maħsub li jimassaġġa l-ġisem. Il-ġebel huwa ċatt u lixx b'karatteristiċi speċifiċi li jakkumulaw is-sħana u jerħuha mingħajr xi tip ta' frizzjoni (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 9019 , (II)).

    Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9404 bħala oġġetti ta' friex u tagħmir simili – saqqu jew pedd tas-sodda, hija eskluża wkoll minħabba li l-oġġett mhuwiex maħsuba bħala tagħmir tas-sodod. Huwa riġidu u għandu superfiċi kkusksjata. Għalhekk, in-nota 1 (a) għal Kapitolu 85 ma tapplikax.

    L-oġġett jiffunzjona bħala apparat għat-termoterapija adattat għall-użu domestiku.

    Għalhekk huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8516 79 70 bħala tagħmir ieħor elettrotermiku.

    Image


    (*1)  L-istampi huma biss għal finijiet ta' informazzjoni.


    Top