Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2244

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2244 tat-30 ta' Novembru 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2017/8276

ĠU L 324, 8.12.2017, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2244/oj

8.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2244

tat-30 ta' Novembru 2017

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), hemm bżonn li jiġu adottati miżuri dwar il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew għalkollox, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jiġu kklassifikati skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott li jikkonsisti minn żewġ rixtelli orizzontali u żewġ rixtelli vertikali tal-aluminju estruż, li flimkien jikkostitwixxu qafas li huwa ddisinjat biex jitwaħħal mal-ħajt bil-viti.

Il-prodott huwa ddisinjat biex iservi għat-twaħħil tal-pannelli tal-madum mal-ħajt.

Id-disinn tar-rixtelli orizzontali jippermetti lill-pannelli jiżżerżqu fihom, li jiffaċilita t-tneħħija u s-sostituzzjoni tal-pannelli meta jkun meħtieġ.

(Ara l-istampa) (*1)

7616 99 90

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita bir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 7616 , 7616 99 u 7616 99 90 .

Il-klassifikazzjoni skont l-intestatura 8302 bħala “fornituri, tagħmir u oġġetti simili ta' metall ta' valur baxx tajbin għal għamara, bibien, turġien, twieqi, persjani, oqfsa ta' vetturi, sruġ, bagolli, sniedaq, kaxxetti jew bħalhom” hija eskluża. Ir-rixtelli huma ddisinjati għat-twaħħil mal-ħajt tal-pannelli tal-madum tal-ħajt u l-pannelli tal-madum tal-ħajt huma ta' natura differenti mill-oġġetti li jridu jitwaħħlu bl-użu tal-prodotti tal-intestatura 8302 (ara wkoll il-punti (D) u (E) tat-tieni paragrafu tan-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 8302 ).

B'konsegwenza ta' dan, il-prodott irid jiġi kklassifikat skont il-kodiċi NM 7616 99 90 , bħala “oġġetti oħrajn tal-aluminju”.

Image


(*1)  L-istampa qiegħda hemm biss għal skopijiet ta’ informazzjoni.


Top