Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1994

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1994 tas-6 ta' Novembru 2017 li jagħti bidu għal rieżami tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/184 u (UE) 2016/185 (li jestendu d-dazji antidumping u kompensatorji definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta' moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) ikkunsinjati mill-Malasja u t-Tajwan, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fil-Malasja jew fit-Tajwan kif ukoll jekk le) għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil produttur esportatur Malasjan partikolari, li jitħassar id-dazju antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni

C/2017/7313

ĠU L 288, 7.11.2017, pp. 30–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1994/oj

7.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/30


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1994

tas-6 ta' Novembru 2017

li jagħti bidu għal rieżami tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/184 u (UE) 2016/185 (li jestendu d-dazji antidumping u kompensatorji definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta' moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) ikkunsinjati mill-Malasja u t-Tajwan, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fil-Malasja jew fit-Tajwan kif ukoll jekk le) għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil produttur esportatur Malasjan partikolari, li jitħassar id-dazju antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament antidumping bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikoli 11(4), 13(4) u 14(5) tiegħu, u r-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament antisussidji bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikoli 23(6) u 24(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“Il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal eżenzjoni mill-miżuri antidumping u kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet tal-moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew huma konsinjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina estiżi għall-importazzjonijiet tal-moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) kunsinjati mill-Malasja u t-Tajwan, kemm jekk huma ddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u t-Tajwan u kemm jekk le, sa fejn huwa kkonċernat l-applikant, skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 23(6) tar-Regolament antisussidji bażiku.

(2)

It-talba tressqet fit-23 ta' Mejju 2017 minn Longi (Kuching) SDN.BHD (“l-applikant”), produttur esportatur tal-moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin jew pannelli u ċelloli tat-tip użati fil-moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin jew pannelli fil-Malasja (“il-pajjiż ikkonċernat”).

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

(3)

Il-prodott taħt rieżami huwa moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ċ-ċelloli tat-tip użat fil-moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin (iċ-ċelloli għandhom ħxuna li ma taqbiżx l-400 mikrometru), ikkunsinjati mill-Malasja jew it-Tajwan, kemm jekk huma ddikjarati li joriġinaw mill-Malasja jew mit-Tajwan u kemm jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-Kodiċijiet NM ex 8501 31 00, ex 8501 32 00, ex 8501 33 00, ex 8501 34 00, ex 8501 61 20, ex 8501 61 80, ex 8501 62 00, ex 8501 63 00, ex 8501 64 00 u ex 8541 40 90.

(4)

It-tipi ta' prodotti li ġejjin huma esklużi mid-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat:

ċarġers solari li jikkonsistu f'inqas minn sitt ċelloli, huma portabbli u jfornu elettriku f'apparati jew jiċċarġjaw batteriji,

prodotti fotovoltajċi b'rita rqiqa,

prodotti fotovoltajċi tas-siliċju kristallin li huma integrati b'mod permanenti fi prodotti elettriċi, fejn il-funzjoni tal-prodotti elettriċi hija differenti mill-ġenerazzjoni tal-enerġija, u fejn dawn il-prodotti elettriċi jikkunsmaw l-elettriku ġġenerat miċ-ċellola/i fotovoltajka/ċi integrata/i tas-siliċju kristallin,

moduli jew pannelli b'vultaġġ prodott li ma jaqbiżx il-50 V DC u potenza prodotta li ma taqbiżx 50 W unikament għal użu dirett bħala ċarġers tal-batteriji f'sistemi bl-istess karatteristiċi ta' vultaġġ u potenza.

3.   MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolamenti (UE) Nru 1238/2013 (3) u (UE) Nru 1239/2013 (4), impona miżuri antidumping u kompensatorji fuq il-moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin jew pannelli u ċelloli tat-tip użat f'moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew huma kkunsinjati minn hemm (“il-miżuri oriġinali”). Ġie aċċettat ukoll Ftehim ta' Impenn. Permezz tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/184 (5) u 2016/185 (6), il-Kummissjoni estendiet il-miżuri għall-importazzjonijiet ta' moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) kunsinjati mill-Malasja u t-Tajwan (“il-miżuri estiżi”), sew jekk huma ddikjarati li joriġinaw fil-Malasja u t-Tajwan u sew jekk le, bl-eċċezzjoni ta' importazzjonijiet prodotti minn ċerti kumpaniji msemmija speċifikament.

(6)

Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolamenti (UE) 2017/366 (7) u (UE) 2017/367 (8) estendiet il-miżuri antidumping u kompensatorji wara rieżami tal-iskadenza u temmet l-investigazzjoni tar-rieżami interim parzjali li nbdiet fl-istess żmien.

(7)

Fl-10 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni bdiet rieżami (9) għal talba għal eżenzjoni min-naħa ta' produttur esportatur ġdid. Din l-investigazzjoni ta' rieżami għadha għaddejja. Barra minn hekk, fit-3 ta' Marzu 2017 il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali (10), illimitat għall-forma tal-miżuri. Fil-15 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni kkonkludiet dan ir-rieżami billi ssostitwiet id-dazji ad valorem eżistenti, flimkien ma' impenn, bi Prezz Minimu għall-Importazzjoni (Minimum Import Price, MIP) (11).

4.   RAĠUNIJIET GĦAR-RIEŻAMI

(8)

L-applikant allega li ma esportax il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni użat fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri estiżi, jiġifieri ż-żmien mill-1 ta' April 2014 sal-31 ta' Marzu 2015.

(9)

Minbarra dan, l-applikant allega li ma evitax il-miżuri eżistenti.

(10)

L-applikant kompla billi qal li wara l-perjodu ta' investigazzjoni użat fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri estiżi kien daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

5.   PROĊEDURA

5.1.   Il-bidu

(11)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza disponibbli, u kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 23(6) tar-Regolament antisussidji bażiku għall-għanijiet li tiġi ddeterminata l-possibilità li l-applikant jingħata eżenzjoni mill-miżuri estiżi.

(12)

Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament antidumping bażiku l-industrija tal-Unjoni magħrufa li hija kkonċernata ġiet infurmata bit-talba għal rieżami u ngħatat l-opportunità li tikkummenta, iżda ma wasal l-ebda kumment.

(13)

Il-Kummissjoni se toqgħod partikolarment attenta għar-relazzjoni tal-applikant mal-kumpaniji soġġetti għall-miżuri eżistenti biex tiżgura li ma ġietx imwaqqfa jew użata biex jiġu evitati l-miżuri. Il-Kummissjoni se tqis ukoll jekk għandhomx jiġu imposti kundizzjonijiet ta' monitoraġġ partikolari fil-każ li l-investigazzjoni tikkonkludi li l-għoti tal-eżenzjoni huwa ġustifikat.

5.2.   It-tħassir tal-miżuri antidumping eżistenti u r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet

(14)

Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament antidumping bażiku, id-dazju antidumping fis-seħħ jenħtieġ li jitħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li huma prodotti u mibjugħin għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant.

(15)

Fl-istess waqt, jenħtieġ li tali importazzjonijiet ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku sabiex jiġi żgurat li, jekk ir-rieżami juri li teżisti ċirkomvenzjoni fir-rigward tal-applikant, id-dazji antidumping ikunu jistgħu jiġu imposti mid-data tar-reġistrazzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet. L-ammont tar-responsabilitajiet futuri possibbli tal-applikant ma jistax jiġi stmat f'dan l-istadju tal-investigazzjoni.

5.3.   Il-miżuri antisussidji eżistenti

(16)

Minħabba li ma hemm l-ebda bażi ġuridika fir-Regolament antisussidji bażiku biex il-miżuri antisussidji fis-seħħ jitħassru, dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ. Ikun biss jekk ir-rieżami jirriżulta fis-sejba li l-applikant huwa intitolat għal eżenzjoni li l-miżuri antisussidji fis-seħħ jitħassru permezz ta' Regolament li jagħti tali eżenzjoni.

5.4.   Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

(17)

L-investigazzjoni se tkopri l-perjodu minn mill-1 ta' April 2014 sat-30 ta' Settembru 2017 (“il-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami”).

5.5.   L-investigazzjoni tal-applikant

Sabiex tkun tista' tikseb it-tagħrif li tqis li huwa meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant. L-applikant irid jippreżenta l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament antisussidji bażiku.

5.6.   Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

(18)

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

5.7.   Possibbiltà ta' smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni

(19)

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi tal-bidu tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.8.   Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

(20)

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta' terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b'mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-iskop ta' dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f'din l-investigazzjoni f'għamla li tippermettilhom li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom.

(21)

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jkun intalab trattament kunfidenzjali għalihom jiġu mmarkati “Limited” (12) (“ristrett”).

(22)

Partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Limited” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament antisussidji bażiku, li jkunu mmarkati bil-kliem “For inspection by interested parties” (“Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”). Dawn is-sommarji jenħtieġ li jkunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitlubin, din l-informazzjoni tista' tiġi injorata.

(23)

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skenjati ta' prokuri u ta' ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' tweġibiet voluminużi li jiġu mressqa fuq mezz ta' ħżin diġitali portabbli (CD-ROM, DVD, flash drive USB) bl-idejn jew bil-posta rreġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F'KAŻIJIET TA' DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf

(24)

Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u jridu jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta' kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b'mezz ieħor ta' komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati jenħtieġ li jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1040 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: TRADE-R677-EXEMPTION-SOLAR@ec.europa.eu

6.   NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI

(25)

F'każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskrittivi stipulati, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 28 tar-Regolament antisussidji bażiku.

(26)

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

(27)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 28 tar-Regolament antisussidji bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal din il-parti milli kieku din tkun ikkooperat.

(28)

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta' kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun iwassal għal piż żejjed mhux raġonevoli jew kost addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata jenħtieġ li tikkuntattja l-Kummissjoni immedjatament.

7.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(29)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta' żmien u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta' smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex issir seduta ta' smigħ li tinvolvi l-partijiet u li tippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

(30)

It-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta trid issir bil-miktub u għandhom jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

(31)

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/ (bl-Ingliż).

8.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(32)

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament antidumping bażiku u skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament antisussidji bażiku, fi żmien disa' xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

9.   IPPROĊESSAR TA' DATA PERSONALI

(33)

Kull data personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Rieżami tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/184 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/185, huwa b'dan mibdi skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) 2016/1037 sabiex jiġi stabbilit jekk l-importazzjonijiet ta' moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ċ-ċelloli tat-tip użat fil-moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin (iċ-ċelloli għandhom ħxuna li ma taqbiżx l-400 mikrometru), konsinjati mill-Malasja jew it-Tajwan, kemm jekk huma ddikjarati li joriġinaw mill-Malasja jew mit-Tajwan u kemm jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-Kodiċijiet NM ex 8501 31 00, ex 8501 32 00, ex 8501 33 00, ex 8501 34 00, ex 8501 61 20, ex 8501 61 80, ex 8501 62 00, ex 8501 63 00, ex 8501 64 00 u ex 8541 40 90 (kodiċijiiet TARIC: 8501310082, 8501310083, 8501320042, 8501320043, 8501330062, 8501330063, 8501340042, 8501340043, 8501612042, 8501612043, 8501618042, 8501618043, 8501620062, 8501620063, 8501630042, 8501630043, 8501640042, 8501640043, 8541409022, 8541409023, 8541409032, 8541409033), prodotti minn Longi (Kuching) SDN.BHD (kodiċi TARIC addizzjonali C309), jenħtieġ li jkunu suġġetti għall-miżuri antidumping u antisussidji imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/185 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/184.

Artikolu 2

Id-dazju antidumping impost bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/185 huwa b'dan imħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.

Artikolu 3

L-Awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(3)   ĠU L 325, 5.12.2013, p. 1.

(4)   ĠU L 325, 5.12.2013, p. 66.

(5)   ĠU L 37, 12.2.2016, p. 56.

(6)   ĠU L 37, 12.2.2016, p. 76.

(7)   ĠU L 56, 3.3.2017, p. 1.

(8)   ĠU L 56, 3.3.2017, p. 131.

(9)   ĠU L 36, 11.2.2017, p. 47.

(10)   ĠU C 67, 3.3.2017, p. 16.

(11)   ĠU L 238, 16.9.2017., p. 22.

(12)  Dokument “ Limited ” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


Top