Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1973

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1973 tat-30 ta' Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontrolli uffiċjali fuq prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru u introdotti fl-Unjoni wara li jiġu trasferiti f'pajjiżi terzi u li jistabblixxi mudell ta' certifikat ta' saħħa għal dawk il-prodotti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/7177

    ĠU L 281, 31.10.2017, p. 21–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1973/oj

    31.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 281/21


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1973

    tat-30 ta' Ottubru 2017

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontrolli uffiċjali fuq prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru u introdotti fl-Unjoni wara li jiġu trasferiti f'pajjiżi terzi u li jistabblixxi mudell ta' certifikat ta' saħħa għal dawk il-prodotti

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi mħarsa s-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali, il-prodotti mill-Unjoni li jiġu ttrasferiti bil-ħażna jew mingħajrha minn pajjiżi terzi, huma meqjusa bħala li m'għadhomx konformi mar-rekwiżiti għal dawk il-prodotti stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (3) tistipula li l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li l-verifiki veterinarji jitwettqu fuq il-kunsinni ta' dawn il-prodotti introdotti fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistipula regoli speċifiċi dwar l-iġjene tal-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi fin-negozju tal-ikel, inklużi regoli għall-prodotti tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistabbilixxi regoli għal verifiki uffiċjali li jridu jitwettqu fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman. Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistipula li għandu jkun hemm dokument li jissodisfa ċerti rekwiżiti li jakkumpanja l-kunsinni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali meta jidħlu fl-Unjoni u għandu jkun hemm kontrolli uffiċjali ta' dawk il-prodotti skont ir-Regolament.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 (4) jistabbilixxi mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa u dokumenti għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali għall-għanijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004, inkluż wieħed għall-importazzjonijiet ta' prodotti tas-sajd fl-Anness VI tiegħu.

    (4)

    L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati talbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mudell ta' ċertifikat tas-saħħa għal kunsinni ta' prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum uman maqbuda minn bastimenti li jtajjru l-bandiera ta' Stat Membru u li qed jiġu ttrasferiti f'pajjiżi terzi, bil-ħażna jew mingħajrha, li jrid jiġi ffirmat mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz sabiex tiġi armonizzata l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta meta dawn il-kunsinni jkunu dieħlin fit-territorju tal-Unjoni.

    (5)

    Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jirreferi speċifikament għad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-iżbark, il-ħatt u l-ħażna tal-prodotti tal-ħut stabbiliti fil-Kapitoli II u VII tat-Taqsima VIII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

    (6)

    Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jkun ukoll kompatibbli biex jintuża mas-sistema kompjuterizzata veterinarja integrata (TRACES) (5) użata għall-iskambju ta' ċertifikati tas-saħħa bejn il-pajjiżi terzi u l-Istati Membri.

    (7)

    Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit mudell armonizzat ta' ċertifikat tas-saħħa li għandu jiġi ffirmat mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz minn fejn il-prodotti tas-sajd jiġu ttrasferiti, qabel ma jintbagħtu lejn l-Unjoni.

    (8)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2074/2005 għandu jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 2074/2005 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Jiddaħħal l-Artikolu 6c li ġej:

    “Artikolu 6c

    Rekwiżiti li jikkonċernaw il-verifiki uffiċjali fuq prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajjru l-bandiera ta' Stati Membri li jidħlu fl-Unjoni wara li jiġu trasferiti f'pajjiżi terzi bil-ħażna jew mingħajrha

    1.   Prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum uman maqbuda minn bastimenti li jtajjru l-bandiera ta' Stat Membru, mhux imħatta, bil-ħażna jew mingħajrha, f'pajjiżi terzi qabel ma jidħlu fl-Unjoni permezz ta' mezz differenti ta' trasport, iridu jkunu akkompanjati b'ċertifikat tas-saħħa maħruġ mill-awtorità kompetenti ta' dak il-pajjiż terz u mimli skont il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fl-Appendiċi VIII tal-Anness VI.

    2.   Il-pajjiż terz fejn it-trasferiment iseħħ irid ikun elenkat kif previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

    3.   Jekk il-prodotti tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 jinħattu u jiġu ttrasportati lejn faċilità ta' ħażna li tkun tinsab fil-pajjiż terz imsemmi f'dak il-paragrafu, dik il-faċilità tal-ħażna għandha tidher f'lista kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

    4.   Jekk il-prodotti tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 jitgħabbew fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta' pajjiż terz, dak il-pajjiż terz irid ikun elenkat kif previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 u l-bastiment irid jidher f'lista kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

    Il-bastimenti tal-kontejners użati għat-trasport ta' prodotti tas-sajd ikkontejnerizzati huma esklużi minn dan ir-rekwiżit”.

    (b)

    L-Anness VI huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

    (2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għal ċerti prodotti taħt ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 27).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63).


    ANNESS

    Fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 2074/2005, tiżdied l-Appendiċi VIII li ġejja:

    Appendiċi VIII tal-Anness VI

    Mudell ta' ċertifikat tas-saħħa għal prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum uman maqbuda minn bastimenti li jtajjru l-bandiera ta' Stat Membru u li jiġu trasferiti f'pajjiżi terzi bil-ħażna jew mingħajrha

    Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

    Top