This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R1971
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/1971 of 26 October 2017 concerning the classification of certain goods in the Combined Nomenclature
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1971 tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1971 tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
C/2017/7309
ĠU L 281, 31.10.2017, p. 11–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
31.10.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 281/11 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1971
tas-26 ta' Ottubru 2017
dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament. |
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew bis-sħiħ, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti. |
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella. |
(4) |
Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun stabbilit għal tliet xhur. |
(5) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ottubru 2017.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Stephen QUEST
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
ANNESS
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
(1) |
(2) |
(3) |
Apparat elettroniku (l-hekk imsejjaħ “Solid State Drive (SSD)”) b'dimensjonijiet ta' madwar 100 × 70 × 7 mm, b'fattur tal-forma ta' 2,5 pulzieri u b'kapaċità ta' ħżin ta' 128 GB. Huwa semikonduttur ibbażat fuq apparat għall-ħżin elettroniku, mibni fuq l-arkitettura ta' stat solidu, b'memorja flash biex taħżen id-data mhux volatili u l-Memorja Dinamika b'Aċċess Każwali (DRAM). Għandu interfaċċa SATA (Serial Advanced Technology Attachment) li tippermetti li jiġi integrat f'magna awtomatika għall-ipproċessar tad-data u jintuża bħala apparat intern għall-ħżin tad-data. (Ara l-istampa) (*1) |
8471 70 98 |
Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 5(C) tal-Kapitolu 84 u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 8471 , 8471 70 u 8471 70 98 . Il-karatteristiċi oġġettivi tal-apparat, fosthom l-interfaċċa SATA, id-daqs u l-fattur tal-forma huma karatteristiċi ta' apparat tat-tip użat prinċipalment f'magna awtomatika għall-ipproċessar tad-data, huwa konness direttament mal-unità ċentrali ta' pproċessar u kapaċi jaċċetta jew jipprovdi data f'forma li tista' tintuża mis-sistema. Għalhekk, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8523 bħala strument li jaħżen il-memorja li mhijiex volatili hija eskluża. B'hekk, l-apparat irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8471 70 98 bħala unitajiet oħrajn ta' ħżin għall-magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data. |
(*1) L-istampa qiegħda biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.