Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1964

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1964 tas-17 ta' Awwissu 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 fir-rigward ta' ċerti regoli dwar il-limiti ta' żmien u n-notifiki tal-kwantitajiet koperti minn liċenzji fis-settur tar-ross (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/5655

    ĠU L 279, 28.10.2017, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1964/oj

    28.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 279/34


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1964

    tas-17 ta' Awwissu 2017

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 fir-rigward ta' ċerti regoli dwar il-limiti ta' żmien u n-notifiki tal-kwantitajiet koperti minn liċenzji fis-settur tar-ross

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 223(3)(b) u (c) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 (2) jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tas-sistema tal-liċenzji ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni, inkluż dawk għas-settur tar-ross. Jistabbilixxi wkoll regoli dettaljati dwar in-notifiki mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

    (2)

    Jeħtieġ li jiġu ċċarati ċerti regoli dwar il-limiti ta' żmien, inklużi dawk għan-notifiki tal-kwantitajiet tal-prodotti koperti minn kwoti tariffarji.

    (3)

    Huwa xieraq li jiddaħħal l-obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet ta' ross li jkunu koperti minn liċenzji, hekk kif kien fir-Regolamenti preċedenti.

    (4)

    Għalhekk, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 għandu jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Għal raġunijiet ta' ċarezza u ta' ċertezza legali, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1965 (3) li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 (4) fir-rigward tan-notifiki fis-settur tar-ross.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 hu emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    “3.   Fejn f'dan ir-Regolament jiġi stabbilit perjodu għall-proċeduri, u d-data tal-ftuħ u tal-għeluq tkun is-Sibt, il-Ħadd, jew festa pubblika kif definit fir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71:

    (a)

    id-data tal-ftuħ applikabbli għandha tkun il-jum tax-xogħol li jmiss u għandha tibda f'00:00, filwaqt li jitqiesu l-ħinijiet tal-ftuħ tal-uffiċċju uffiċjali;

    (b)

    permezz ta' deroga mill-Artikolu 3(2)(b) u 4 ta' dak ir-Regolament, id-data tal-għeluq applikabbli għandha tkun il-jum tax-xogħol li jmiss u għandha tintemm fis-13.00 ħin ta' Brussell.”

    (b)

    jiżdied dan il-paragrafu 4:

    “4.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 3, fejn għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplika limitu ta' żmien għan-notifika tal-kwantitajiet ta' prodotti koperti minn applikazzjonijiet għal liċenzji taħt kwota tariffarja jew għan-notifika tal-kwantitajiet mhux użati taħt kwota tariffarja, dak il-limitu ta' żmien għandu jintemm meta tiskadi l-aħħar siegħa tal-aħħar jum, irrispettivament minn jekk dak il-jum ikunx is-Sibt, il-Ħadd jew festa pubblika.”

    (2)

    Jiddaħħal l-Artikolu 19a li ġej:

    “Artikolu 19a

    Notifiki relatati mar-ross

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kuljum lill-Kummissjoni dwar dawn li ġejjin:

    (a)

    rigward il-liċenzji tal-importazzjoni minbarra dawk maħsuba għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni, il-kwantitajiet totali koperti mil-liċenzji maħruġa, skont l-oriġini u l-kodiċi tal-prodott;

    (b)

    rigward il-liċenzji tal-esportazzjoni, il-kwantitajiet totali koperti mil-liċenzji maħruġa u bil-kodiċi tal-prodott.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Awwissu 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 tat-18 ta' Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 44).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1965 tas-17 ta' Awwissu 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 fir-rigward tan-natura u t-tip ta' informazzjoni li għandha tiġi notifikata għal-liċenzji fis-settur tar-ross (ara paġna 36 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 tat-18 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tas-sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar ir-rilaxx u t-telf ta' garanziji ppreżentati għal tali liċenzji li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001, (KE) Nru 1342/2003, (KE) Nru 2336/2003, (KE) Nru 951/2006, (KE) Nru 341/2007 u (KE) Nru 382/2008 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2390/98, (KE) Nru 1345/2005, (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 507/2008 (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 1).


    Top