This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R1601
Regulation (EU) 2017/1601 of the European Parliament and of the Council of 26 September 2017 establishing the European Fund for Sustainable Development (EFSD), the EFSD Guarantee and the EFSD Guarantee Fund
Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD
Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD
ĠU L 249, 27.9.2017, p. 1–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2021; Imħassar b' 32021R0947
27.9.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 249/1 |
REGOLAMENT (UE) 2017/1601 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-26 ta’ Settembru 2017
li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Il-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew (PIE) jipprevedi l-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) bħala l-ewwel pilastru tiegħu, flimkien ma’ għajnuna teknika bħala t-tieni pilastru u t-titjib tal-klima ta’ investiment u tal-ambjent ġenerali tal-politiki fil-pajjiżi sħab bħala t-tielet pilastru. |
(2) |
L-EFSD għandu l-għan li jappoġġja l-investimenti primarjament fl-Afrika u fil-Viċinat tal-Unjoni bħala mezz biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) 2030 għal Żvilupp Sostenibbli (l-“Aġenda 2030”), b’mod partikolari l-qerda tal-faqar, kif ukoll l-impenji skont il-Politika Ewropea tal-Viċinat. Meta jappoġġja tali investimenti, l-EFSD għandu l-għan li jindirizza kawżi soċjoekonomiċi speċifiċi tal-migrazzjoni, inkluża l-migrazzjoni irregolari, u li jikkontribwixxi għar-riintegrazzjoni sostenibbli tal-migranti li jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u li jissaħħu l-komunitajiet ta’ tranżitu u dawk ospitanti. Jenħtieġ li l-EFSD, bħala parti mill-PIE, jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima (Ftehim ta’ Pariġi). |
(3) |
Jenħtieġ li l-investimenti fil-qafas tal-EFSD jikkomplementaw u jsaħħu l-isforzi mwettqa fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi terzi, inkluża, meta xieraq, l-implimentazzjoni tal-Qafas Ġdid ta’ Sħubija mal-pajjiżi terzi fl-ambitu tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. |
(4) |
Jenħtieġ li l-EFSD ikun iggwidat mill-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u dawk tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif sitpulata fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Jenħtieġ li l-EFSD jippermetti wkoll lill-investituri u lill-kumpaniji privati, b’mod partikolari lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, jikkontribwixxu b’mod aktar effettiv għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab f’konformità mal-politika ta’ żvilupp tal-Unjoni u mal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Jenħtieġ li l-EFSD jimmassimizza l-addizjonalità, jindirizza l-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali, irendi prodotti innovattivi u jiġuattirati l-fondi mis-settur privat. Jenħtieġ li l-operazzjonijiet tal-EFSD jkunu distinti b’mod ċar minn appoġġ ieħor, u komplementari għalih, inklużi l-operazzjonijiet tal-mandat ta’ self estern tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Inizjattiva ta’ Reżiljenza Ekonomika, kif ukoll il-Faċilità ta’ Investiment stabbilita’ taħt il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropew u l-Istati membri tagħha, minn naħa l-oħra, li ġie ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (2) (Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE) (AKP Faċilità ta’ Investiment). Jenħtieġ li l-operazzjonijiet tal-EFSD ikunu wkoll komplementari għall-attivitajiet eżistenti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji eliġibbli oħra. |
(5) |
Jenħtieġ li l-EFSD jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, li tirrikonoxxi l-migrazzjoni internazzjonali bħala realtà multidimensjonali ta’ rilevanza kbira għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, li tirrikjedi tweġibiet koerenti u komprensivi, filwaqt li jiġi enfasizzat il-potenzjal tal-migranti li jikkontribwixxu għat-tkabbir inklużiv u l-iżvilupp sostenibbli. Jenħtieġ li l-investimenti appoġġjati mill-EFSD jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet migratorji li joriġinaw mill-faqar, il-kunflitt, l-instabilità, is-sottożvilupp, l-inugwaljanza, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, it-tkabbir demografiku, u n-nuqqas ta’ impjiegi u ta’ opportunitajiet ekonomiċi, kif ukoll mit-tibdil fil-klima. |
(6) |
Jenħtieġ li l-EFSD ikun konformi mal-impenn tal-Unjoni fil-qafas tal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp u l-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp maqbula internazzjonalment, kif stabbilit mir-Raba’ Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna fil-Busan fl-2011 (“Is-Sħubija ta’ Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp”), u affermati mill-ġdid fit-Tieni Laqgħa ta’ Livell Għoli tas-Sħubija Globali ta’ Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp f’Nairobi fl-2016. |
(7) |
L-iskop tal-EFSD huwa konformi mal-Istrateġija Globali tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà, li tinkorpora sfidi bħall-migrazzjoni u r-reżiljenza fil-politika estera globali tal-Unjoni, filwaqt li tiżgura li l-politika esterna tal-Unjoni tkun koerenti għalkollox mal-objettivi tal-politika ta’ żvilupp u tiżgura sinerġiji mal-politika ta’ żvilupp tal-Unjoni u mal-politika Ewropea tal-Viċinat. L-iskop tiegħu huwa wkoll konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jiżgura approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem filwaqt li jiġu indirizzati l-ispostament sfurzat u l-migrazzjoni irregolari. |
(8) |
Jenħtieġ li l-EFSD iħeġġeġ il-ħolqien ta’ impjiegi diċenti, l-opportunitajiet ekonomiċi u l-intraprenditorija, u tkabbir ekoloġiku u inklużiv b’enfasi partikolari fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ f’konformità mal-Qafas tal-Unjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: It-Trasformazzjoni tal-Ħajja tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020, waqt li jsaħħaħ l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-aċċess ekwu għar-riżorsi naturali u l-użu tagħhom. |
(9) |
Jenħtieġ li l-involviment tas-settur privat fil-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi sħab permezz tal-EFSD iħalli impatt addizzjonali u li jkun jista’ jitkejjel fuq l-iżvilupp mingħajr distorsjoni fis-suq u jenħtieġ li dan ikun kosteffikaċi bbażat fuq ir-responsabilità reċiproka u l-kondiviżjoni tar-riskju u tal-ispejjeż. Jenħtieġ li tali involviment jibni fuq impenn favur linji gwida u prinċipji miftiehma internazzjonalment, inklużi l-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwidi għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). |
(10) |
Sabiex jiġu sodisfatti l-impenji politiċi tal-Unjoni dwar l-azzjoni fir-rigward tal-klima, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tar-riżorsi, jenħtieġ li sehem minimu ta’ 28 % mill-finanzjament allokat taħt il-Garnzija tal-EFSD jiġi allokat għall-investimenti rilevanti għal dawk is-setturi. |
(11) |
Jenħtieġ li l-azzjonijiet fil-qafas ta’ dan ir-Regolament jitfasslu b’tali mod li jissodisfaw il-kriterji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) stabbiliti mill-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD (OECD-DAC), filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-iżvilupp tas-settur privat, li jirriflettu l-bżonnijiet ta’ pajjiżi identifikati bħala pajjiżi li qed jesperjenzaw fraġilità jew kunflitt, pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) u pajjiżi fqar b’dejn għoli, u li jipprovdu appoġġ xieraq għall-investimenti fil-viċinati tan-nofsinhar u tal-lvant. |
(12) |
Fil-kuntest tat-Tieni pilastru tal-PIE, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżid l-għajnuna sabiex tgħin lill-pajjiżi sħab jattiraw l-investiment billi jippreparaw u jippromwovu l-proġetti aħjar, jiżviluppaw numru ogħla ta’ proġetti bankabbli u jgħarrfuhom lill-komunità internazzjonali tal-investituri. Jenħtieġ li jiġi stabbilit portal web pilota, fil-forma ta’ bażi ta’ data aċċessibbli pubblikament u faċli biex tintuża, li jipprovdi informazzjoni rilevanti għal kull proġett. |
(13) |
Fil-kuntest tat-tielet pilastru tal-PIE u r-relazzjonijiet politiċi eżistenti tal-Unjoni mal-pajjiżi sħab, jenħtieġ li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (Rappreżentant Għoli) jżommu djalogi politiċi bil-għan li jiżviluppaw oqfsa ġuridiċi, politiki u istituzzjonijiet li jippromwovu l-istabilità ekonomika, l-investiment sostenibbli u t-tkabbir inklużiv. Jenħtieġ li dawk id-djalogi politiċi jkopru, inter alia, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-flussi finanzjarji illeċiti, il-governanza tajba, l-inklużjoni tas-swieq lokali, l-ispinta lill-intraprenditorija u lill-ambjenti lokali tan-negozju, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif ukoll politiki żviluppati mill-perspettiva tal-ġeneru. |
(14) |
Jenħtieġ li l-EFSD ikun magħmul minn pjattaformi ta’ investiment reġjonali, li jenħtieġ li jkunu stabbiliti fuq il-bażi tal-metodi ta’ ħidma, il-proċeduri u l-istrutturi tal-faċilitajiet ta’ taħlit esterni eżistenti tal-Unjoni u li jenħtieġ li jikkombinaw l-operazzjonijiet ta’ taħliet tagħhom mal-Garanzija tal-EFSD. Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD tappoġġja l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment fil-pajjiżi sħab fl-Afrika u fil-Viċinat Ewropew. |
(15) |
Fid-dawl tas-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-użu tat-taħlit fl-azzjoni esterna tal-Unjoni, huwa essenzjali li t-taħlit jintuża meta l-valur miżjud tiegħu jkun jista’ jintwera b’mod ċar. |
(16) |
Jenħtieġ li jinħoloq bord strateġiku tal-EFSD sabiex jappoġġja lill-Kummissjoni fl-istabbiliment ta’ gwida strateġika u ta’ miri ta’ investiment ġenerali, kif ukoll fl-iżgurar ta’ kopertura ġeografika u tematika xierqa u diversifikata għat-twieqi ta’ investiment. Jenħtieġ li l-bord strateġiku jappoġġja wkoll il-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn il-pjattaformi reġjonali, bejn it-tliet pilastri tal-PIE, bejn il-PIE u l-isforzi l-oħra tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, kif ukoll mal-istrumenti ta’ finanzjament estern u l-fondi fiduċjarji rilevanti tal-Unjoni, u mal-operazzjonijiet tal-mandat ta’ self estern ġestiti mill-BEI, inklużi l-Inizjattiva ta’ Reżiljenza Ekonomika tal-BEI u l-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP, mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ governanza interna tal-BEI. |
(17) |
Jenħtieġ li l-bord strateġiku jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli, tal-Istati Membri kollha u tal-BEI. Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew ikollu status ta’ osservatur. Il-kontributuri, il-kontropartijiet eliġibbli, il-pajjiżi sħab, l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti u partijiet ikkonċernati oħra, jistgħu jingħataw status ta’ osservaturi, meta jkun xieraq. Jenħtieġ li l-bord strateġiku jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura jistabbilixxu l-qafas għall-involviment tal-osservaturi, b’kunsiderazzjoni tal-istatusis u r-rwoli rispettivi tagħhom. |
(18) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-BEI jikkonkludu ftehim li jispeċifika l-kundizzjonijiet tal-kooperazzjoni tagħhom fil-ġestjoni tal-Garanzija tal-EFSD u jenħtieġ li jippreżentaw dak il-ftehim lill-bord strateġiku. |
(19) |
Jenħtieġ li kull pjattaforma ta’ investiment reġjonali jkollha bord operattiv, li għandu jislet mill-esperjenzi tal-bordijiet operattivi tal-faċilitajiet ta’ taħlit eżistenti. Jenħtieġ li l-bordijiet operattivi reġjonali jipprovdu appoġġ lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawn jappoġġjaw lill-Kummissjoni fl-istabbiliment u l-monitoraġġ tal-miri ta’ investiment reġjonali u settorjali ut-twieqi ta’ investiment reġjonali, settorjali u tematiċi, fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ taħlit u fid-diskussjoni tal-użu tal-Garanzija tal-EFSD skont it-twieqi ta’ investiment li jridu jiġu stabbiliti. |
(20) |
Jenħtieġ li jkun żgurat li jiġi pprovdut livell xieraq ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-orjentazzjoni strateġika tal-użu tal-Garanzija tal-EFSD permezz tal-istabbiliment ta’ twieqi ta’ investiment. |
(21) |
Jenħtieġ li l-EFSD jopera bħala ‘one-stop-shop’, billi jirċievi proposti ta’ finanzjament mingħand istituzzjonijiet finanzjarji u investituri pubbliċi jew privati u jagħti firxa wiesgħa ta’ appoġġ finanzjarju għall-investimenti eliġibbli. Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD tkun appoġġjata mill-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD. |
(22) |
Jenħtieġ li l-EFSD juża strumenti innovattivi biex jappoġġja l-investimenti u jinvolvi lis-settur privat, b’mod partikolari lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Jenħtieġ li huwa jippermetti wkoll lill-investituri Ewropej u lill-kumpaniji privati, inklużi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, jipparteċipaw b’mod aktar effettiv fl-isforzi biex jinkiseb żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab. Hemm bżonn li jiġu indirizzati x-xkiel u l-ostakli għall-investimenti f’dan ir-rigward. |
(23) |
Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD tagħti prijorità lill-proġetti ta’ finanzjament li jkollhom impatt għoli fuq il-ħolqien tal-impjiegi u li l-proporzjon tal-kostijiet u l-benefiċċji tagħhom itejjeb is-sostenibilità tal-investiment. Meta l-operazzjonijiet ikunu qed jiġu appoġġjati bil-Garanzija tal-EFSD, jenħtieġ li ssir valutazzjoni ex ante fil-fond dwar l-aspetti ambjentali, finanzjarji u soċjali. Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD ma tintużax biex tissostitwixxi r-responsabilità tal-gvern li jipprovdi s-servizzi pubbliċi essenzjali. |
(24) |
Jenħtieġ li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi sħab jinkludu informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament mill-EFSD fil-komunikazzjonijiettagħhom immirati lejn is-soċjetà ċivili u l-pubbliku ġenerali u jikkontribwixxu għall-koerenza bejn it-tliet pilastri tal-PIE. |
(25) |
Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD tingħata lill-kontropartijiet eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment jew għall-istrumenti ta’ garanzija għal perjodu ta’ investiment inizjali sal-31 ta’ Diċembru 2020. |
(26) |
Sabiex tiġi prevista flessibilità, tiżdied l-attraenza għas-settur privat u jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti, huwa xieraq li tiġi prevista deroga mir-regoli relatati mal-metodi ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li permezz tagħha l-kontropartijiet eliġibbli, li huma korpi rregolati bil-liġi privata, jistgħu jkunu wkoll korpi li ma jiġux fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u jistgħu jkunu wkoll korpi rregolati bil-liġi privata ta’ pajjiż sieħeb. |
(27) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonkludi ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD mal-kontropartijiet eliġibbli li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet speċifiċi li taħthom tingħatalhom il-Garanzija tal-EFSD. Jenħtieġ li dawk il-ftehimiet ta’ garanzija jipprovdu l-bażi ġuridika għall-kondiviżjoni adegwata tar-riskji, sabiex b’hekk jiġu pprovduti inċentivi għall-kontropartijiet eliġibbli bil-għan li jipprovdu finanzjament, kif ukoll il-mekkaniżmi u l-proċeduri għas-sejħiet potenzjali fuq il-Garanzija tal-EFSD. |
(28) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tagħmel disponibbli garanzija ta’ EUR 1 500 000 000 sabiex tistabbilixxi l-Garanzija tal-EFSD. Jenħtieġ li l-Istati Membri u kontributuri oħrajn jiġu mistiedna jikkontribwixxu aktar sabiex jappoġġjaw il-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD fil-forma ta’ flus kontanti fil-każ ta’ Stati Membri u kontributuri oħrajn, jew garanziji fil-każ ta’ Stati Membri, bil-għan li jżidu l-marġini ta’ likwidità u b’hekk jippermettu li jiżdied il-volum totali tal-Garanzija tal-EFSD. Jenħtieġ li l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u kontributuri oħrajn jiġu mistiedna jipprovdu finanzjament addizzjonali lill-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD b’kundizzjonijiet li jenħtieġ li jiġu stabbiliti fi ftehim li jrid jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-kontributur inkwistjoni. |
(29) |
Jenħtieġ li l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD jiġi stabbilit bħala marġini ta’ likwidità fil-każ ta’ sejħa għall-Garanzija tal-EFSD. Sabiex jintlaħaq livell li jkun jirrifletti b’mod adegwat l-obbligi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta mal-Garanzija tal-EFSD, jenħtieġ li l-Unjoni tagħmel disponibbli EUR 750 000 000. |
(30) |
Sabiex iżidu l-impatt tal-Garanzija tal-EFSD fid-dawl tal-ħtiġijiet fir-reġjuni kkonċernati, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jkollhom il-possibilità li jipprovdu kontribuzzjonijiet fil-forma ta’ garanzija jew flus kontanti. |
(31) |
Billi l-fondi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għandhom jintużaw għall-finijiet tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD, jenħtieġ li jiġu allokati mill-inqas EUR 400 000 000 tal-kopertura tal-Garanzija tal-EFSD għal investimenti fil-pajjiżi sħab eliġibbli skont il-11-il FEŻ (4) matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Garanzija tal-EFSD. Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD issir disponibbli biss meta tkun ġiet ikkonfermata kontribuzzjoni ta’ EUR 400 000 000 mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD. |
(32) |
Peress li l-fondi tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għandhom jintużaw għall-finijiet tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD, jenħtieġ li minimu ta’ EUR 100 000 000 ta’ kopertura tal-Garanzija tal-EFSD jiġi allokat għall-investimenti fil-pajjiżi sħab fil-viċinati tal-lvant u tan-nofisnhar matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Garanzija tal-EFSD. |
(33) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti mill-Garanzija tal-EFSD bil-għan li tiżgura responsabilizzazzjoni sħiħa liċ-ċittadini tal-Unjoni u skrutinju u kontroll mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Jenħtieġ li r-rapport jiġi ppubblikat sabiex il-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluża s-soċjetà ċivili, ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta wkoll kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD sabiex jiġu żgurati r-responsabilizzazzjoni u t-trasparenza. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma wkoll lill-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE tal-użu tal-fondi tal-FEŻ. |
(34) |
Sabiex jiżguraw l-monitoraġġ u r-responsabilizzazzjoni tal-EFSD u tal-PIE, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Parlament Ewropew jew għall-Kunsill li jorganizzaw seduti ta’ smigħ bħala parti minn djalogu mal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli, il-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji eliġibbli oħra, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili. |
(35) |
Sabiex ikun jista’ jitqies it-tagħlim miksub u jkun permess l-evoluzzjoni ulterjuri tal-EFSD, jenħtieġ li l-funzjonament tal-EFSD u l-użu tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD jiġu evalwati mill-Kummissjoni u minn evalwaturi esterni u jiġu soġġetti għal proċess ta’ konsultazzjoni annwali mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi evalwata indipendentement sabiex jiġi vvalutat il-livell ta’ konformità tal-implimentazzjoni mal-bażi ġuridika, u sabiex jiġu stabbiliti l-applikabilità u l-prattikabilità ta’ dan ir-Regolament fil-kisba tal-objettivi tiegħu. |
(36) |
Sabiex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’konnessjoni ma’ kwalunkwe operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) huwa intitolat li jwettaq investigazzjonijiet f’konformità mar- Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (6) u(Euratom, KE) Nru 2185/96 (7) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
(37) |
Jenħtieġ li l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment appoġġjati mill-EFSD jaderixxu mal-politika tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għall-finijiet tat-taxxa, u aġġornamenti tagħha, kif stabbilit f’atti legali rilevanti tal-Unjoni u konklużjonijiet tal-Kunsill, b’mod partikolari l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2016 u l-Anness tagħhom, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dan ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni tikkonkludi, f’isem l-Unjoni, ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD mal-kontropartijiet eliġibbli kif definiti fl-Artikolu 11.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“pjattaformi ta’ investiment reġjonali” tfisser faċilitajiet ta’ taħlit f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u mal-Artikolu 40 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 (10) għall-kontribuzzjoni mill-11-il FEŻ flimkien mal-għoti tal-Garanzija tal-EFSD, kif stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament; |
(2) |
“tieqa ta’ investiment” tfisser żona fil-mira għal appoġġ mill-Garanzija tal-EFSD għal portafolli ta’ investimenti f’reġjuni, pajjiżi jew setturi speċifiċi u implimentati permezz tal-pjattaformi ta’ investiment reġjonali; |
(3) |
“kontributur” tfisser Stat Membru, istituzzjoni finanzjarja internazzjonali jew istituzzjoni pubblika ta’ Stat Membru, aġenzija pubblika jew entitajiet oħrajn li jikkontribwixxu f’għotjiet ta’ flus kontanti jew f’garanziji għall-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD; |
(4) |
“pajjiż sħab” tfisser pajjiż li huwa firmatarju għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE,pajjiż li huwa elenkat fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 232/2014, jew pajjiż li huwa eliġibbli għall-kooperazzjoni ġeografika skont ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11); |
(5) |
“addizzjonalità” tfisser il-prinċipju li jiġi żgurat li l-appoġġ għall-Garanzija tal-EFSD jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli permezz ta’ operazzjonijiet li ma setgħux jitwettqu mingħajr il-Garanzija tal-EFSD, jew li jiksbu riżultati pożittivi li jmorru lil hinn minn dak li seta’ jinkiseb mingħajr l-appoġġ. Addizzjonalità tfisser ukoll li jiġi attirat il-finanzjament mis-settur privat u jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment kif ukoll it-titjib tal-kwalità, is-sostenibilità, l-impatt jew l-iskala ta’ investiment. Il-prinċipju jiżgura wkoll li l-operazzjonijiet tal-Garanzija tal-EFSD ma jissostitwixxux l-appoġġ ta’ Stat Membru, il-finanzjament privat jew intervent finanzjarju ieħor mill-Unjoni jew internazzjonali, u jevitaw li jeskludu investimenti pubbliċi jew privati oħrajn. Il-proġetti appoġġjati mill-Garanzija tal-EFSD tipikament għandhom profil ta’ riskju ogħla mill-portafoll tal-investimenti appoġġjat mill-kontropartijiet eliġibbli fil-qafas tal-politiki ta’ investiment normali tagħhom mingħajr il-Garanzija tal-EFSD. |
KAPITOLU II
FOND EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI
Artikolu 3
Għan
1. L-għan tal-EFSD bħala pakkett finanzjarju integrat, li jforni kapaċità tal-finanzjament fil-forma ta’ għotjiet, garanziji u strumenti finanzjarji oħrajn lill-kontropartijiet eliġibbli, għandu jkun li jappoġġja l-investimenti u aċċess akbar għall-finanzjament, primarjament fl-Afrika u l-pajjiżi tal-viċinat Ewropew, sabiex iħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli u inklużiv u jippromovi r-reżiljenza soċjoekonomika tal-pajjiżi sħab, inklużi, meta jkun xieraq, fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Qafas Ġdid ta’ Sħubija mal-pajjiżi terzi fil-qafas tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, b’enfasi partikolari fuq it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, fuq il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħu ż-żgħażagħ, u fuq is-setturi soċjoekonomiċi u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li jimmassimizza l-addizjonalità, irendi prodotti innovattivi u jattira l-fondi mis-settur privat.
2. L-EFSD għandu jkun iggwidat mill-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE u tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif stabbiliti fl-Artikolu 208 tat-TFUE u mill-prinċipji maqbulin internazzjonalment dwar l-effettività tal-iżvilupp. L-EFSD għandu jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030, b’mod partikolari l-qerda tal-faqar, u, meta jkun xieraq, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea għall-Viċinat, sabiex b’hekk jindirizza l-kawżi soċjoekonomiċi speċifiċi tal-migrazzjoni u jrawwem riintegrazzjoni sostenibbli tal-migranti li jirritornaw fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, filwaqt li jsaħħaħ il-komunitajiet ta’ tranżitu u dawk ospitanti.
3. L-EFSD għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi billi jidderieġi wkoll l-investimenti għas-setturi li jippromwovu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.
4. L-EFSD għandu jkun konsistenti mal-objettivi stabbiliti fl-istrumenti ta’ finanzjament estern stabbiliti permezz tar-Regolamenti (UE) Nru 232/2014, (UE) Nru 233/2014, u (UE) 2015/323 u mal-prijoritajiet li jinsabu fil-programmi nazzjonali jew reġjonali u fid-dokumenti ta’ strateġija, meta jkunu disponibbli.
Artikolu 4
Struttura tal-EFSD
1. L-EFSD għandu jkun magħmul minn pjattaformi ta’ investiment reġjonali stabbiliti fuq il-bażi tal-metodi ta’ ħidma, il-proċeduri u l-istrutturi tal-faċilitajiet esterni ta’ taħlit eżistenti tal-Unjoni, li għandhom jikkombinaw l-operazzjonijiet ta’ taħlit tagħhom u l-operazzjonijiet ta’ Garanzija tal-EFSD.
2. Il-ġestjoni tal-EFSD għandha tiġi żgurata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BEI, appoġġjata mill-kontropartijiet eliġibbli l-oħra fir-rigward tal-ġestjoni operattiva tal-Garanzija tal-EFSD. Għal dak il-għan, għandu jiġi stabbilit grupp ta’ assistenza teknika dwar il-Garanzija tal-EFSD.
Artikolu 5
Il-bord strateġiku tal-EFSD
1. Fil-ġestjoni tal-EFSD, il-Kummissjoni għandha tingħata pariri minn bord strateġiku.
2. Il-bord strateġiku għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-orjentament strateġiku u l-prijoritajiet ta’ investimenti tal-Garanzija tal-EFSD u jikkontribwixxi għall-allinjament tagħhom mal-prinċipji gwida u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, il-politika tal-iżvilupp u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif ukoll mal-iskop tal-EFSD kif stabbilit fl-Artikolu 3. Hu għandu wkoll jappoġġja lill-Kummissjoni fl-iffissar tal-miri ta’ investiment globali fir-rigward tal-użu tal-Garanzija tal-EFSD u jimmonitorja kopertura ġeografika u tematika adegwata u diversifikata għat-twieqi ta’ investiment, filwaqt li jagħti attenzjoni speċjali lill-pajjiżi li jiġu identifikati li qed jesperjenzaw fraġilità jew kunflitt, l-LDCs u l-pajjiżi fqar b’dejn għoli.
3. Il-bord strateġiku għandu jappoġġja wkoll il-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza ġenerali bejn il-pjattaformi ta’ investiment reġjonali, bejn it-tliet pilastri tal-PIE, bejn il-PIE u l-isforzi l-oħra tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, kif ukoll mal-istrumenti ta’ finanzjament estern u l-fondi fiduċjarji rilevanti tal-Unjoni, u mal-operazzjonijiet b’mandat ta’ self estern ġestiti mill-BEI, inklużi l-Inizjattiva ta’ Reżiljenza Ekonomika tal-BEI, u l-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP, mingħajr preġudizzju għar-regoli interni ta’ governanza tal-BEI.
4. Il-bord strateġiku għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Istati Membri kollha u tal-BEI. Il-Parlament Ewropew għandu jkolli status ta’ osservatur. Il-kontributuri, il-kontropartijiet eliġibbli, il-pajjiżi sħab, l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti u partijiet ikkonċernati oħra, jistgħu jingħataw status ta’ osservaturi, meta jkun xieraq. Il-bord strateġiku għandu jiġi kkonsultat qabel l-inklużjoni ta’ kwalunkwe osservatur ġdid. Il-bord strateġiku għandu jkun kopresedut mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli.
5. Il-bord strateġiku għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena u, meta jkun possibbli, jadotta opinjonijiet b’kunsens. Laqgħat addizzjonali jistgħu jiġu organizzati fi kwalunkwe ħin mill-president jew fuq it-talba ta’ terz tal-membri tiegħu. F’każ li ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens, għandhom japplikaw id-drittijiet tal-vot kif maqbula matul l-ewwel laqgħa tal-bord strateġiku u stipulati fir-regoli ta’ proċedura tiegħu. Dawk id-drittijiet tal-vot għandhom jieħdu kont dovut tas-sors tal-finanzjament. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jistabbilixxu qafas rigward ir-rwol tal-osservaturi. Il-minuti u l-aġendi tal-laqgħat tal-bord strateġiku għandhom, wara li jiġu adottati, ikunu pubbliċi.
6. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-bord strateġiku dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-EFSD. Il-bord strateġiku għandu jorganizza regolarment konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar l-orjentazzjoni strateġika u l-implimentazzjoni tal-EFSD.
7. Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-EFSD, il-bord strateġiku għandu, mill-aktar fis possibbli, jadotta u jippubblika linji gwida li jistabbilixxu kif għandha tiġi żgurata l-konformità tal-operazzjonijiet tal-EFSD mal-objettivi u l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti fl-Artikolu 9.
8. Fil-gwida strateġika tiegħu, il-bord strateġiku għandu jqis ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill li huma rilevanti.
Artikolu 6
Bordijiet operattivi reġjonali
Kull pjattaforma ta’ investiment reġjonali għandu jkollha bord operattiv. Il-bordijiet operattivi reġjonali għandhom jappoġġjaw lill-Kummissjoni, fil-livell ta’ implimentazzjoni, fl-istabbiliment tal-miri ta’ investiment reġjonali u settorjali, u tat-twieqi ta’ investiment reġjonali, settorjali u tematiċi u għandhom jifformulaw opinjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ taħlit u dwar l-użu tal-Garanzija tal-EFSD.
KAPITOLU III
IL-GARANZIJA TAL-EFSD U L-FOND TA’ GARANZIJA TAL-EFSD
Artikolu 7
Il-Garanzija tal-EFSD
1. L-Unjoni, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-vijabilità ta’ proġett, għandha tipprovdi garanzija irrevokabbli u mingħajr kundizzjonijiet fuq l-ewwel talba lill-kontroparti eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament.
2. Il-Garanzija tal-EFSD għandha tappoġġja l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment fil-pajjiżi sħab fl-Afrika u fil-Viċinat Ewropew.
3. Il-Garanzija tal-EFSD għandha tingħata bħala garanzija fuq l-ewwel talba fir-rigward tal-istrumenti msemmija fl-Artikolu 10 u f’konformità mal-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fl-Artikolu 9.
Artikolu 8
Rekwiżiti għall-użu tal-Garanzija tal-EFSD
1. L-għoti tal-garanzija tal-EFSD għandu jkun soġġett għall-konklużjoni tal-ftehim rispettiv ta’ garanzija tal-EFSD bejn il-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-kontroparti eliġibbli.
2. Il-perjodu ta’ investiment li matulu l-ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD li jappoġġjaw l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment jistgħu jiġu konklużi mal-kontropartijiet eliġibbli għandu jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2020.
3. Il-perjodu massimu permess għall-kontropartijiet eliġibbli sabiex jikkonkludu ftehimiet mas-sħab ta’ kofinanzjament mis-settur privat, mal-intermedjarji finanzjarji jew mal-benefiċjarji finali għandu jkun ta’ erba’ snin wara l-konklużjoni tal-ftehim ta’ garanzija tal-EFSD rilevanti.
Artikolu 9
Kriterji ta’ eliġibilità għall-użu tal-Garanzija tal-EFSD
1. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment eliġibbli għal appoġġ permezz tal-Garanzija tal-EFSD f’konformità mal-għan tal-EFSD stipulat fl-Artikolu 3 għandhom ikunu konsistenti u allinjati mal-linji politiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-politika ta’ żvilupp tal-Unjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif ukoll mal-istrateġiji u l-linji politiċi tal-pajjiżi sħab. Tali operazzjonijiet għandhom iqisu appoġġ ieħor internazzjonali u tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-komplementarjetà ma’ inizjattivi oħra u għandhom jappoġġjaw l-objettivi li ġejjin:
(a) |
li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tiegħu, u għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u, meta jkun xieraq, għall-Politika Ewropea tal-Viċinat, b’enfasi partikolari fuq il-qerda tal-faqar, il-ħolqien ta’ impjiegi diċenti, opportunitajiet ekonomiċi, ħiliet u l-intraprenditorija, billi jippromwovu b’mod partikolari l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u taż-żgħażagħ, filwaqt li jsegwu u jsaħħu l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem; |
(b) |
li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni, inkluż, meta jkun xieraq, il-Qafas Ġdid ta’ Sħubija mal-pajjiżi terzi taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; |
(c) |
li jikkontribwixxu, permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, biex jindirizzaw il-kawżi speċifiċi fl-għeruq tal-migrazzjoni, inkluża l-migrazzjoni irregolari, kif ukoll irawmu r-reżiljenza tal-komunitajiet ta’ tranżitu u dawk ospitanti, u li jikkontribwixxu għar-riintegrazzjoni sostenibbli tal-migranti li jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, b’konsiderazzjoni dovuta lit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem; |
(d) |
li jsaħħu s-setturi u l-oqsma soċjoekonomiċi, u l-infrastruttura pubblika u privata relatata, inklużi l-enerġija rinovabbli u sostenibbli, l-ilma u l-ġestjoni tal-iskart, it-trasport, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, kif ukoll l-ambjent, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-agrikolatura sostenibbli u t-tkabbir blu, l-infrastruttura soċjali, is-saħħa, u l-kapital uman, sabiex itejbu l-ambjent soċjoekonomiku; |
(e) |
li jipprovdu finanzjament u appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat u tal-kooperattivi, b’enfasi partikolari fuq il-kumpaniji lokali u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju filwaqt li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq, li jillimitaw id-distorsjonijiet tas-suq u jħeġġu l-kontribuzzjoni ta’ kumpaniji Ewropej għall-objettivi tal-EFSD;; |
(f) |
li jindirizzaw l-ostakoli għall-investimenti privati billi jipprovdu strumenti finanzjarji, li jistgħu jkunu denominati fil-valuta lokali tal-pajjiż sieħeb ikkonċernat, inklużi garanziji kontra l-ewwel telf għall-portafolli, garanziji għal proġetti fis-settur privat, bħal garanziji għal self għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u garanziji għal riskji speċifiċi għal proġetti ta’ infrastruttura u kapital ta’ riskju ieħor; |
(g) |
li jistimulaw il-finanzjament fis-settur privat, b’enfasi partikolari fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, billi jindirizzaw l-ostakoli għall-investiment; |
(h) |
li jikkontribwixxu għall-azzjoni fir-rigward tal-klima u l-protezzjoni u l-ġestjoni tal-ambjent, biex b’hekk jinħolqu kobenefiċċji klimatiċi, billi jallokaw mill-anqas 28 % tal-finanzjament għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-azzjoni fir-rigward tal-klima, għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza fir-riżorsi. |
2. Il-Garanzija tal-EFSD għandha tappoġġja l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali u li:
(a) |
jipprovdu addizzjonalità; |
(b) |
jiżguraw il-komplementarjetà ma’ inizjattivi oħra, filwaqt li jiżguraw li l-operazzjonijiet sostnuti mill-Garanzija tal-EFSD ikunu distinti b’mod ċar, b’mod partikolari mill-mandat għall-operazzjonijiet ta’ self estern ġestiti mill-BEI; |
(c) |
jiżguraw l-allinjament tal-interess billi jipprovdu kondiviżjoni adegwata tar-riskji mill-kontroparti eliġibbli rispettiva u minn sħab prospettivi oħrajn; |
(d) |
ikunu ekonomikament u finanzjarjament vijabbli, b’kont dovut tal-appoġġ possibbli u l-kofinanzjament mis-sħab pubbliċi u privati fil-proġett, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi operattivi u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi identifikati bħala li għaddejjin minn fraġilità jew kunflitt, l-LDCs u l-pajjiżi fqar b’ħafna dejn, li jistgħu jingħataw termini aktar aġevoli; |
(e) |
ikunu teknikament vijabbli u sostenibbli minn perspettiva soċjali u ambjentali; |
(f) |
jimmassimizzaw, meta jkun possibbli, il-mobilizzazzjoni tal-kapital tas-settur privat; |
(g) |
jirrispettaw il-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp kif stabbilit fis-Sħubija ta’ Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp u affermata mill-ġdid f’Nairobi fl-2016, inklużi s-sjieda, l-allinjament, l-enfasi fuq ir-riżultati, it-trasparenza u r-responsabilità reċiproka, kif ukoll l-objettiv tan-nonkundizzjonalità tal-għajnuna; |
(h) |
ikunu maħsuba sabiex jissodisfaw il-kriterji tal-ODA stabbiliti mill-OECD-DAC, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-iżvilupp tas-settur privat; u |
(i) |
ikunu implimentati b’rispett sħiħ ta’ linji gwida, prinċipji u konvenzjonijiet, li hemm qbil dwarhom fuq livell internazzjonali, inklużi l-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli tan-NU, il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-Linji Gwida għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-OECD, il-Prinċipji għal Investiment Responsabbli fis-Sistemi Agrikoli u Alimentari tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU, u l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, kif ukoll id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; |
3. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment jistgħu jinkludu, fuq bażi ta’ każ b’każ, finanzjament minn strumenti differenti tal-Unjoni sakemm ikun meħtieġ għas-suċċess tal-proġett ta’ investiment appoġġjat mill-EFSD u sakemm dan ma jwassalx għal finanzjament imnaqqas għal objettivi ta’ żvilupp oħra.
4. Filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-parir ipprovdut mill-bord strateġiku, il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-bordijiet operattivi u wara li tinforma lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tistabbilixxi twieqi ta’ investiment għal reġjuni speċifiċi, pajjiżi sħab speċifiċi, jew it-tnejn, għal setturi speċifiċi, jew għal proġetti speċifiċi, kategoriji speċifiċi ta’ benefiċjarji finali, jew it-tnejn, li jridu jiġu ffinanzjati mill-istrumenti msemmija fl-Artikolu 10, li għandhom ikunu koperti mill-Garanzija tal-EFSD sa ammont fiss. L-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandhom jispeċifikaw kif it-twieqi ta’ investiment huma allinjati mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3 u dan l-Artikolu u l-prijoritajiet dettaljati ta’ finanzjament tagħhom. Il-BEI għandu jipprovdi opinjoni bil-miktub dwar kwistjonijiet bankarji relatati ma’ kull proposta għal twieqi ta’ investiment. It-talbiet kollha għal appoġġ finanzjarju fi ħdan it-twieqi ta’ investiment għandhom isiru lill-Kummissjoni.
L-għażla ta’ twieqi ta’ investiment għandha tkun debitament ġustifikata b’analiżi tal-falliment tas-suq jew ta’ sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali. Tali analiżi għandha titwettaq mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-kontropartijiet u l-partijiet ikkonċernati potenzjalment eliġibbli.
Fi ħdan il-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Afrika, sehem sinifikanti tal-Garanzija tal-EFSD għandu jiġi allokat lil pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti, pajjiżi mdawrin bl-art u l-LDCs.
5. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-operazzjonijiet appoġġjati mill-Garanzija tal-EFSD fid-dawl tal-kriterji ta’ eliġibilità stipulati fil-paragrafi 1 u 2, u meta jkun possibbli tibbaża ruħha fuq is-sistemi eżistenti għall-kejl tar-riżultati tal-kontropartijiet eliġibbli. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultat tal-valutazzjoni tagħha għal kull tieqa ta’ investiment fuq bażi annwali.
Artikolu 10
Strumenti eliġibbli għall-Garanzija tal-EFSD
1. Il-Garanzija tal-EFSD għandha tintuża sabiex tkopri r-riskji għall-istrumenti li ġejjin:
(a) |
self, inkluż self fil-valuta lokali; |
(b) |
garanziji; |
(c) |
kontrogaranziji; |
(d) |
strumenti tas-suq tal-kapital; |
(e) |
kwalunkwe forma oħra ta’ finanzjament jew titjib tal-kreditu, assigurazzjoni, u parteċipazzjonijiet f’ekwità jew kważi ekwità. |
2. Il-kontropartijiet eliġibbli jistgħu jipprovdu l-istrumenti elenkati fil-paragrafu l taħt tieqa ta’ investiment jew proġett individwali amministrat minn kontroparti eliġibbli. Huma jistgħu jiġu pprovduti għall-benefiċċju ta’ pajjiżi sħab, inkluż pajjiżi fraġli jew affettwati minn konflitt jew pajjiżi li qed jiffaċċjaw sfidi fir-rikostruzzjoni u l-irkupru wara konflitt, għall-benefiċċju ta’ dawk l-istituzzjonijiet tal-pajjiżi sħab, inklużi l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji lokali privati u nazzjonali pubbliċi tagħhom, kif ukoll għall-benefiċċju tal-entitajiet fis-settur privat ta’ dawk il-pajjiżi sħab. F’pajjiżi fraġli u affettwati minn konflitt, u f’pajjiżi oħra, fejn ikun ġustifikat, jista’ jingħata appoġġ lill-investimenti tas-settur pubbliku li jkollhom effetti rilevanti fuq l-iżvilupp tas-settur privat.
Artikolu 11
L-eliġibilità u l-għażla tal-kontropartijiet
1. Għall-finijiet tal-Garanzija tal-EFSD, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom ikunu:
(a) |
l-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment; |
(b) |
korpi irregolati bil-liġi pubblika; |
(c) |
organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom; |
(d) |
korpi irregolati bil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku, sakemm ikunu jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati; |
(e) |
korpi irregolati bil-liġi privata ta’ Stat Membru, li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati, permezz ta’ deroga mill-punt (vii) tal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012; |
(f) |
korpi irregolati bil-liġi privata ta’ pajjiż sieħeb, li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati, permezz ta’ deroga mill-punt (vii) tal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. |
2. Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jikkonformaw mar-regoli u l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Fil-każ ta’ korpi irregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru jew pajjiż sieħeb, għandha tingħata preferenza lil dawk il-korpi li jiżvelaw informazzjoni relatata mal-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza korporattiva.
Il-Garanzija tal-EFSD għandha tiġi implimentata kull meta possibbli, taħt it-tmexxija ta’ kontroparti eliġibbli Ewropea, fuq il-linja tal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm użu effikaċi, effiċjenti u ekwu tar-riżorsi disponibbli fost il-kontropartijiet eliġibbli, filwaqt li tippromwovi l-kooperazzjoni bejniethom.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trattament ekwu għall-kontropartijiet eliġibbli kollha u għandha tiżgura li l-kunflitti ta’ interess jiġu evitati matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-EFSD. Sabiex tiżgura l-komplementarjetà, il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni rilevanti mill-kontropartijiet eliġibbli dwar l-operazzjonijiet tagħhom li mhumiex tal-EFSD.
3. Il-Kummissjoni għandha tagħżel il-kontropartijiet eliġibbli skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
4. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jistiednu lill-kontropartijiet eliġibbli għal skambju ta’ fehmiet dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament.
Artikolu 12
Il-kopertura u t-termini tal-ftehimiet tal-garanzija tal-EFSD
1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-Garanzija tal-EFSD ma għandhiex, f’ebda ħin, taqbeż l-ammont ta’ EUR 1 500 000 000.
2. L-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA jistgħu jikkontribwixxu għall-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD fil-forma ta’ garanziji jew flus kontanti. Soġġetti għall-opinjoni tal-bord strateġiku u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, kontributuri oħrajn jistgħu jikkontribwixxu fil-forma ta’ flus kontanti.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien dwar il-kontribuzzjonijiet ikkonfermati.
L-ammont tal-Garanzija tal-EFSD li jaqbeż l-ammont indikat fil-paragrafu 1 għandu jingħata f’isem l-Unjoni.
Il-pagamenti netti aggregati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni taħt il-Garanzija tal-EFSD ma għandhomx jaqbżu l-EUR 1 500 000 000. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, pagamenti għal sejħiet ta’ garanzija għandhom isiru, meta jkun meħtieġ, mill-Istati Membri kontributuri jew minn kontributuri oħrajn fuq bażi pari passu mal-Unjoni.
Għandu jiġi konkluż ftehim ta’ kontribuzzjoni bejn il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u l-kontributur, u għandu jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tal-pagamenti.
3. Il-Garanzija tal-EFSD għandha ssir disponibbli biss meta tkun ġiet ikkonfermata kontribuzzjoni fi flus kontanti ta’ EUR 400 000 000 mill-11-il FEŻ għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
4. Il-kontribuzzjonijiet magħmula mill-Istati Membri fil-forma ta’ garanzija jistgħu jintalbu biss għat-talbiet għal ħlasijiet ta’ garanzija wara li l-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, miżjud bi kwalunkwe kontribuzzjonijiet oħrajn fi flus kontanti, ikun intuża fuq it-talbiet għal ħlasijiet ta’ sejħiet ta’ garanzija.
Fuq talba tal-Istati Membri fil-bord strateġiku, il-kontribuzzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu assenjati għall-bidu ta’ proġetti f’reġjuni, pajjiżi, setturi speċifiċi jew twieqi ta’ investiment eżistenti.
Kwalunkwe kontribuzzjoni tista’ tintuża biex tkopri t-talbiet għall-ħlas ta’ garanzija, irrispettivament mill-assenjazzjoni.
5. Għandhom jiġu allokati mill-inqas EUR 400 000 000 tal-kopertura tal-Garanzija tal-EFSD għal investimenti fil-pajjiżi sħab eliġibbli taħt il-11-il FEŻ matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Garanzija tal-EFSD, f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.
6. Mill-inqas EUR 100 000 000 tal-kopertura tal-Garanzija tal-EFSD għandhom jiġu allokati għal investimenti fil-pajjiżi sħab fil-viċinati tal-lvant u tan-nofsinhar, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 232/2014.
Artikolu 13
Implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD
1. Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, għandha tikkonkludi ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD mal-kontropartijiet eliġibbli magħżula skont l-Artikolu 11 u l-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu fuq l-għoti tal-Garanzija tal-EFSD, li għandha tkun mingħajr kundizzjonijiet, irrevokabbli, fuq l-ewwel talba, u favur il-kontroparti eliġibbli magħżula.
2. Għandhom jiġu konklużi ftehim ta’ garanzija tal-EFSD wieħed jew aktar għal kull tieqa ta’ investiment bejn il-Kummissjoni u l-kontroparti jew kontropartijiet eliġibbli magħżula. Sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet speċifiċi, il-Garanzija tal-EFSD tista’ tingħata għal operazzjonijiet ta’ finanzjament jew investiment individwali. Il-ftehimiet jistgħu jiġu konklużi ma’ konsorzju ta’ żewġ kontropartijiet eliġibbli jew aktar.
Il-ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD kollha għandhom, fuq talba, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li jittieħed kont tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.
3. Il-ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar dawn li ġejjin:
(a) |
regoli dettaljati dwar l-għoti tal-Garanzija tal-EFSD, inklużi l-arranġamenti tagħha dwar il-kopertura u l-kopertura definita tagħha ta’ portafolji u ta’ proġetti ta’ tipi speċifiċi ta’ strumenti, kif ukoll analiżi ta’ riskju tal-proġetti u l-portafolli tal-proġetti, inkluż fil-livelli settorjali, reġjonali u nazzjonali; |
(b) |
l-objettivi u l-għan ta’ dan ir-Regolament, valutazzjoni tal-ħtiġijiet u indikazzjoni tar-riżultati mistennija, b’kont meħud tal-promozzjoni tar-responsabilità soċjali korporattiva u tal-kondotta responsabbli tal-impriżi anke, b’mod partikolari permezz tar-rispett tal-linji gwida, il-prinċipji u l-istrumenti ġuridiċi kollha miftiehma fuq livell internazzjonali msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 9(2). |
(c) |
ir-rimunerazzjoni tal-garanzija, li għandha tirrifletti l-livell tar-riskju, u l-possibbiltà li r-rimunerazzjoni tkun parzjalment issussidjata sabiex jingħataw termini aktar aġevoli f’każijiet debitament ġustifikati, b’mod partikolari fil-pajjiżi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 9(2); |
(d) |
ir-rekwiżiti għall-użu tal-Garanzija tal-EFSD, inklużi l-kundizzjonijiet tal-pagamenti, bħat-termini ta’ żmien speċifiċi, l-imgħax li jrid jitħallas fuq l-ammonti dovuti, l-infiq u l-ispejjeż tal-irkupru u, possibbilment, l-arranġamenti meħtieġa b’rabta mal-likwidità; |
(e) |
il-proċeduri tat-talbiet, inklużi, iżda mhux limitat għal, avvenimenti skattaturi u perjodi ta’ stennija, u l-proċeduri li jirrigwardaw l-irkupru tal-pretensjonijiet; |
(f) |
l-obbligi ta’ monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni skont l-Artikoli 16 u 17. |
(g) |
proċeduri ta’ lmenti ċari aċċessibbli għal partijiet terzi li jistgħu jiġu affettwati mill-implimentazzjoni ta’ proġetti appoġġjati mill-Garanzija tal-EFSD. |
4. Il-Kummissjoni, meta tikkonkludi ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD mal-kontropartijiet eliġibbli, għandha tieħu kont dovut ta’:
(a) |
il-parir u l-gwida tal-bordijiet strateġiċi u reġjonali, f’konformità mal-Artikoli 5 u 6; |
(b) |
l-objettivi tat-tieqa tal-investiment; |
(c) |
l-esperjenza u l-kapaċità operattiva, finanzjarja u ta’ ġestjoni tar-riskji tal-kontroparti eliġibbli; |
(d) |
l-ammont ta’ riżorsi proprji, kif ukoll ta’ kofinanzjament mis-settur privat, li l-kontroparti eliġibbli lesta timmobilizza għat-tieqa tal-investiment. |
5. Il-kontroparti eliġibbli għandha tapprova l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment skont ir-regoli u l-proċeduri tagħha stess u f’konformità mat-termini tal-ftehim ta’ garanzija tal-EFSD.
6. Il-Garanzija tal-EFSD tista’ tkopri:
(a) |
għall-istrumenti tad-dejn, il-kapital u l-imgħax kollu u l-ammonti dovuti lill-kontroparti eliġibbli magħżula, iżda li din ma tkunx irċeviet f’konformità mat-termini tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament wara li jkun seħħ avveniment ta’ inadempjenza; |
(b) |
għall-investimenti ta’ ekwità, l-ammonti investiti u l-ispejjeż ta’ finanzjament assoċjati magħhom; |
(c) |
għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment oħrajn imsemmija fl-Artikolu 9(2), l-ammonti użati u l-ispejjeż ta’ finanzjament assoċjati magħhom; |
(d) |
l-infiq u l-ispejjeż ta’ rkupru rilevanti kollha relatati ma’ avveniment ta’ inadempjenza, sakemm ma jkunux tnaqqsu mir-rikavati tal-irkupru. |
7. Il-ftehimiet tal-garanzija tal-EFSD għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-kopertura, ir-rekwiżiti, l-eliġibilità, il-kontropartijiet eliġibbli u l-proċeduri.
Artikolu 14
Il-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD
1. Il-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD għandu jikkostitwixxi marġini ta’ likwidità li minnu għandhom jitħallsu l-kontropartijiet eliġibbli fil-każ ta’ talba għall-ħlas ta’ Garanzija tal-EFSD skont il-ftehim ta’ garanzija tal-EFSD rilevanti.
2. Il-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD għandu jkun mogħni bi:
(a) |
kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u sorsi oħrajn; |
(b) |
kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri u minn kontributuri oħrajn; |
(c) |
redditi fuq ir-riżorsi investiti tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD; |
(d) |
ammonti rkuprati minn debituri inadempjenti f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ rkupru stabbiliti fil-ftehimiet tal-garanzija tal-EFSD; |
(e) |
dħul u kwalunkwe pagament ieħor li l-Unjoni tirċievi f’konformità mal-ftehimiet tal-garanzija tal-EFSD. |
3. Id-dħul tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD, kif previst fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandu jikkostitwixxi dħul assenjat intern f’konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
4. Ir-riżorsi tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu ġestiti direttament mill-Kummissjoni u investiti f’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja soda li jsegwu regoli prudenzjali xierqa. Sat-30 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill evalwazzjoni esterna indipendenti tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għoti tal-ġestjoni finanzjarja tal-assi tal-fond ta’ garanzija għal azzjonijiet esterni kif stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (12) u tal-EFSD lill-Kummissjoni, lill-BEI, jew taħlita tat-tnejn, b’kont meħud tal-kriterji tekniċi u istituzzjonali rilevanti użati fit-tqabbil ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ assi, inklużi l-infrastruttura teknika, it-tqabbil ta’ spejjeż għas-servizzi mogħtija, il-qafas istituzzjonali, ir-rappurtar, il-prestazzjoni, il-kontabilità u l-kompetenzi ta’ kull istituzzjoni u l-mandati tal-ġestjoni ta’ assi oħra għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-evalwazzjoni għandha tiġi akkumpanjata, meta jkun xieraq, minn proposta leġislattiva.
5. Il-kontribuzzjonijiet għall-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD għandhom jintużaw biex jintlaħaq livell xieraq ta’ proviżjonament bil-għan li jkopri l-obbligi totali tal-Garanzija tal-EFSD. Ir-rata ta’ proviżjonament għandha tkun ta’ 50 % tal-obbligi totali tal-Garanzija tal-EFSD koperti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
6. B’segwitu għal valutazzjoni tal-adegwatezza tal-livell tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD f’konformità mar-rapport previst skont l-Artikolu 16(3), għandhom isiru l-pagamenti li ġejjin:
(a) |
mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe bilanċ pożittiv għandu jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Unjoni; |
(b) |
kwalunkwe rikostituzzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD għandha titħallas f’somom annwali fuq perjodu massimu ta’ 3 snin li jibda mis-sena n+1. |
7. Mill-1 ta’ Jannar 2021, jekk, bħala riżultat tat-talbiet għall-ħlas tal-Garanzija tal-EFSD, il-livell ta’ riżorsi fil-Fond ta’ Garanzija jaqa’ taħt il-50 % tar-rata ta’ proviżjonament imsemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar:
(a) |
il-kawża tan-nuqqas, bi spjegazzjonijiet dettaljati; u |
(b) |
meta jitqies li jkun neċessarju, kwalunkwe miżura eċċezzjonali li tista’ tkun meħtieġa sabiex talimenta l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD. |
8. Wara talba għall-ħlas tal-Garanzija tal-EFSD, il-kontribuzzjonijiet għall-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD previsti fil-punti (c), (d) u (e) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jeċċedu r-riżorsi meħtieġa sabiex tintlaħaq ir-rata ta’ proviżjonament fil-livell imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu jew kwalunkwe bilanċ pożittiv previst fil-punt (a) tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu għandhom l-ewwel jintużaw fil-limiti tal-perjodu massimu previst fl-Artikolu 8(3) sabiex il-Garanzija tal-EFSD terġa’ lura għall-ammont inizjali tagħha.
Artikolu 15
Finanzjament tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD mill-baġit ġenerali tal-Unjoni
Għandha tiġi pprovduta kontribuzzjoni ta’ EUR 350 000 000 mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
KAPITOLU IV
RAPPORTAR, KONTABILITÀ U EVALWAZZJONI
Artikolu 16
Rapportar u kontabilità
1. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperta mill-Garanzija tal-EFSD. Dak ir-rapport għandu jsir pubbliku. Huwa għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:
(a) |
valutazzjoni tar-riżultati li jikkontribwixxu għall-għanijiet u l-miri tal-EFSD kif stipulati fl-Artikolu 3 u l-Artikolu 9(1) u (2), rispettivament; |
(b) |
valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment fil-livell operattiv u koperti mill-Garanzija tal-EFSD fil-livelli settorjali, nazzjonali u reġjonali u l-konformità tagħhom ma’ dan ir-Regolament, inklużi l-miżuri ta’ riskju u l-impatt tagħhom fuq l-istabilità finanzjarja u ekonomika tas-sħab; |
(c) |
valutazzjoni, fuq il-bażi ta’ indikaturi f’konformità mal-Artikolu 9(5), tal-addizzjonalità u tal-valur miżjud, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tas-settur privat, il-prestazzjonijiet stmati u reali u r-riżultati u l-impatt tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti mill-Garanzija tal-EFSD fuq bażi aggregata, inkluż l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi diċenti, il-qerda tal-faqar u fuq il-mod li bih jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, inkluża l-migrazzjoni irregolari; dik il-valutazzjoni għandha tinkludi analiżi tal-ġeneru tal-operazzjonijiet koperti bbażata fuq evidenza u data mqassma skont is-sess, fejn ikun possibbli; |
(d) |
valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-użu tal-Garanzija tal-EFSD u tal-kisba tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti għal kull proposta sottomessa; |
(e) |
valutazzjoni tal-effett ta’ lieva miksub mill-operazzjonijiet koperti mill-Garanzija tal-EFSD; |
(f) |
l-ammont finanzjarju ttrasferit lill-benefiċjarji u valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment minn kull kontroparti eliġibbli fuq bażi aggregata; |
(g) |
valutazzjoni tal-addizzjonalità u tal-valur miżjud tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tal-kontropartijiet eliġibbli, u tar-riskju aggregat assoċjat ma’ dawk l-operazzjonijiet; |
(h) |
informazzjoni dettaljata dwar is-sejħiet għall-ħlas tal-Garanzija tal-EFSD, it-telf, il-qligħ, l-ammonti rkuprati u kwalunkwe pagamenti oħrajn riċevuti, kif ukoll l-espożizzjoni ġenerali għar-riskji; |
(i) |
ir-rapporti finanzjarji dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tal-kontropartijiet eliġibbli koperti minn dan ir-Regolament u vverifikati minn awditur estern indipendenti; |
(j) |
valutazzjoni tas-sinerġiji u l-komplementarjetà bejn l-operazzjonijiet koperti mill-Garanzija tal-EFSD u t-tieni u t-tielet pilastri tal-PIE ibbażati fuq rapporti eżistenti relevanti, b’kont meħud, b’mod partikolari, tal-progress li jkun sar fil-qasam tal-governanza tajba, inklużi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tal-politiki bl-aspett tal-ġeneru, kif ukoll tat-tisħiħ tal-intraprenditorija, tal-ambjent tan-negozju lokali u tas-swieq finanzjarji lokali; |
(k) |
valutazzjoni tal-konformità tal-operazzjonijiet ta’ Garanzija tal-EFSD mal-prinċipji ta’ effettività tal-iżvilupp miftiehma fuq livell internazzjonali. |
(l) |
valutazzjoni tar-remunerazzjoni tal-garanziji u tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 22. |
2. Għall-finijiet tal-kontabilità tal-Kummissjoni, tar-rapportar tagħha dwar ir-riskji koperti mill-Garanzija tal-EFSD u tal-ġestjoni minnha tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD, il-kontropartijiet eliġibbli li magħhom ġie konkluż ftehim ta’ garanzija tal-EFSD għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri kull sena bir-rapporti finanzjarji dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament u vverifikati minn awditur estern indipendenti, li jkun fihom, inter alia, informazzjoni dwar:
(a) |
il-valutazzjoni tar-riskji tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tal-kontropartijiet eliġibbli, inkluża informazzjoni dwar obbligazzjonijiet tal-Unjoni mkejla f’konformità mar-regoli tal-kontabilità tal-Unjoni stabbiliti mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni abbażi tal-istandards ta’ kontabilità aċċettati fuq livell internazzjonali għas-settur pubbliku; |
(b) |
l-obbligu finanzjarju pendenti għall-Unjoni, li jirriżulta mill-Garanzija tal-EFSD ipprovduta lill-kontropartijiet eliġibbli u l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tagħhom, diżaggregati skont operazzjonijiet individwali; |
Jekk jintalbu, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom, jipprovdu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa sabiex jissodisfaw l-obbligi tal-Kummissjoni b’rabta ma’ dan ir-Regolament.
3. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri, fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Kummissjoni, l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sitwazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD. Barra minn hekk, sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, hija għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri rapport dwar il-ġestjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD matul is-sena kalendarja preċedenti, inkluża valutazzjoni tal-adegwatezza tal-proviżjonament u l-livell tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD u tal-ħtieġa għar-rikostituzzjoni tiegħu.
Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun fih preżentazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti, il-flussi finanzjarji matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ukoll it-tranżazzjonijiet sinifikanti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-kontijiet finanzjarji. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja, il-prestazzjoni u r-riskju tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti.
Artikolu 17
Evalwazzjoni u reviżjoni
1. Sal-31 ta’ Diċembru 2019, l-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament tal-EFSD, il-ġestjoni tiegħu u l-kontribut effettiv tiegħu għall-iskop u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha, li jkun fih evalwazzjoni indipendenti esterna tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma’ proposta motivata biex dan ir-Regolament jiġi emendat, kif xieraq, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi estiż il-perjodu ta’ investiment inizjali msemmi fl-Artikolu 8(2). Dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jkun akkumpanjat minn opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri.
2. Sal-31 ta’ Diċembru 2019 u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-użu u l-funzjonament tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jkun akkumpanjat minn opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 18
Trasparenza, komunikazzjoni, u divulgazzjoni ta’ informazzjoni lill-pubbliku
1. F’konformità mal-linji politiċi tagħhom dwar it-trasparenza u r-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom, proattivament u sistematikament, jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom informazzjoni relatata mal-operazzjonijiet kollha ta’ finanzjament u investiment koperti mill-Garanzija tal-EFSD skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-mod li bih dawk l-operazzjonijiet jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi u r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Meta jkun possibbli, tali informazzjoni għandha titqassam fil-livell tal-proġett. Tali informazzjoni għandha dejjem tqis il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-portal web tagħha informazzjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment u l-elementi essenzjali tal-ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD kollha, inkluża informazzjoni dwar l-identità ġuridika tal-kontropartijiet eliġibbli, il-benefiċċji tal-iżvilupp mistennija u l-proċeduri ta’ lmenti f’konformità mal-punt (g) tal-Artikolu 13(3), filwaqt li titqies il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.
3. Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jippubbliċizzaw appoġġ tal-Unjoni fl-informazzjoni kollha li jippubblikaw dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti mill-Garanzija tal-EFSD f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
4. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament ipprovduti mill-EFSD fil-komunikazzjoni tagħhom immirata lejn is-soċjetà ċivili u l-pubbliku inġenerali.
Artikolu 19
Mekkaniżmu ta’ proċċessar ta’ lmenti u rimedju
Fid-dawl tal-possibilità ta’ ilmenti ta’ terzi persuni f’pajjiżi sħab, inkluż ta’ komunitajiet u individwi effettwati minn proġetti appoġġjati mill-Garanzija EFSD, il-Kummissjoni u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom referenzi diretti għall-mekkaniżmi ta’ lment tal-kontropartijiet rilevanti li kkonkludew ftehimiet mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi l-possibilità li tirċievi direttament l-ilmenti relatati mal-ipproċċessar ta’ ilmenti mill-kontropartijiet eliġibbli. Il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dik l-informazzjoni fid-dawl ta’ kooperazzjoni futura ma’ dawk il-kontropartijiet.
Artikolu 20
Awditjar mill-Qorti tal-Awdituri
1. L-awditjar estern tal-attivitajiet imwettqa f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jitwettaq mill-Qorti tal-Awdituri f’konformità mal-Artikolu 287 TFUE u għalhekk dawk l-attivitajiet huma soġġetti għall-proċedura ta’ kwittanza f’konformità mal-Artikolu 319 tat-TFUE.
2. Għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Qorti tal-Awdituri għandha, fuq talba tagħha u f’konformità mal-Artikolu 287(3) tat-TFUE, tingħata aċċess għal kwalunkwe dokument jew informazzjoni li tkun teħtieġ biex twettaq il-kompiti ta’ awditjar tagħha.
Artikolu 21
Miżuri kontra l-frodi
1. Il-Kummissjoni jew il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-OLAF meta, fi kwalunkwe stadju tat-tħejjija, tal-implimentazzjoni jew tal-għeluq tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament, ikollhom raġunijiet għala jissuspettaw li hemm frodi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew kwalunkwe attività illegali oħra li tista’ taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Kummissjoni jew il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jipprovdu lill-OLAF bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jwettaq investigazzjoni sħiħa u bir-reqqa.
2. L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 883/2013, (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (KE, Euratom) Nru 2988/95 sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ kwalunkwe operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament. L-OLAF jista’ jibgħat kwalunkwe informazzjoni miksuba matul il-kors tal-investigazzjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.
Fejn tali attivitajiet illegali jiġu pprovati, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jagħmlu sforzi ta’ rkupru fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tagħhom koperti minn dan ir-Regolament li huma kkonċernati minn tali attivitajiet, u għandhom jipprovdu ukoll l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni possibbli lill-awtoritajiet rilevanti.
Artikolu 22
Attivitajiet esklużi u ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx
1. Fl-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tagħhom, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jikkonformaw mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u l-istandards li hemm qbil fuqhom fuq livell internazzjonali u tal-Unjoni u, għalhekk, m’għandhomx jappoġġjaw proġetti taħt dan ir-Regolament li jikkontribwixxu għall-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa.
Barra minn hekk, il-kontropartijiet eliġibbli m’għandhomx jidħlu f’operazzjonijiet ġodda jew imġedda ma’ entitajiet inkorporati jew stabbiliti f’ġurisdizzjonijiet elenkati fil-politika rilevanti tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, jew li huma identifikati bħala pajjiżi terzi b’riskju kbir fis-sens tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), jew li mhumiex effettivament konformi mal-istandards tat-taxxa li hemm qbil dwarhom fuq livell tal-Unjoni jew internazzjonali dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni. Il-kontropartijiet eliġibbli jistgħu jidderogaw minn dan il-prinċipju biss jekk il-proġett jiġi fiżikament implimentat f’wieħed minn dawn il-ġurisdizzjonijiet, u ma jkunx hemm indikazzjonijiet li l-operazzjoni taqa’ taħt kwalunkwe waħda mill-kategoriji elenkati fl-ewwel subparagrafu ta’ ‘dan il-paragrafu.
Meta jikkonkludu ftehimiet ma’ intermedjarji finanzjarji, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jittrasponu r-rekwiżiti msemmija f’dan l-Artikolu fil-ftehimiet rilevanti u għandhom jitolbu l-intermedjarji finanzjarji jirrapportaw fuq l-osservanza tagħhom.
2. Fl-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tagħha, il-kontroparti eliġibbli għandha tapplika l-prinċipji u l-istandards stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u, b’mod partikolari, fir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u fid-Direttiva (UE) 2015/849. Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jagħmlu kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta’ intermedjarji skont dan ir-Regolament kontinġenti fuq id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja f’konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 u jippubblikaw data ta’ rapportar pajjiż pajjiż f’konformità mal-Artikolu 89(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).
KAPITOLU VI
DISPOSIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 23
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2017.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
M. MAASIKAS
(1) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2017 … (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2017.
(2) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(3) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(4) Il-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-ftehim ta’ sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli ghall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17).
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għall-perjodu 2014–2020 (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44).
(12) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).
(13) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(14) Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).
(15) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).