EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1576

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1576 tas-26 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tas-Sistema ta' Twissija Akustika tal-Vettura għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/4296

ĠU L 239, 19.9.2017, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1576/oj

19.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1576

tas-26 ta' Ġunju 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tas-Sistema ta' Twissija Akustika tal-Vettura għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 540/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-livell ta' ħoss tal-vetturi bil-mutur u s-sostituzzjoni tas-sistemi tas-sajlenser, u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttiva 70/157/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 u l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 540/2014 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi ġodda kollha tal-kategoriji M (vetturi użati għall-ġarr tal-passiġġieri) u N (vetturi użati għall-ġarr ta' merkanzija) fir-rigward tal-livell tal-ħoss tagħhom. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll miżuri dwar is-Sistema ta' Twissija Akustika tal-Vettura (AVAS) għal vetturi elettriċi ibridi u għal vetturi purament elettriċi, bil-għan li l-utenti vulnerabbli tat-triq jiġu mwissija dwar dawn il-vetturi.

(2)

Wara l-adozzjoni, fil-168 sessjoni tal-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), li saret bejn it-8 u l-11 ta' Marzu 2016, tar-Regolament tan-NU Nru 138 dwar l-approvazzjoni ta' vetturi tat-trasport bit-triq li ma jagħmlux storbju, l-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 540/2014 għandu jiġi rieżaminat bil-għan li titjieb l-akkuratezza tar-rekwiżiti tal-AVAS dwar it-tip u l-volum tal-ħoss emess, il-metodu tal-ġenerazzjoni tal-ħoss, l-iswiċċ tal-funzjoni pause u l-ħoss tal-vettura wieqfa.

(3)

Id-dokument ta' informazzjoni skont l-Anness I tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta' vettura fir-rigward tal-livell permissibbli tal-ħoss u l-addendum taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandhom jiġu rieżaminati sabiex jirriflettu r-rekwiżiti dettaljati relatati mal-AVAS.

(4)

Barra minn hekk, sabiex tkun permessal-approvazzjoni ta' vetturi elettriċi ibridi u ta' vetturi purament elettriċi li jkunu mgħammra b'AVAS, huwa xieraq li jiġu introdotti rekwiżiti ta' ttestjar fuq il-livelli minimi tal-emissjonijiet tal-ħoss tal-AVAS meta l-vettura tkun miexja 'l quddiem u lura kif ukoll fuq iċ-ċaqliqa tal-frekwenza tal-ħoss emess.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 540/2014 jiġi emendat skont dan.

(6)

Billi r-Regolament (UE) Nru 540/2014 daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016 u billi ma jistax jiġi applikat b'mod sħiħ mingħajr l-emendi tal-Anness VIII inklużi f'dan l-att, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (UE) Nru 540/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 540/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-Appendiċi 1, jiżdied il-punt 12.8. li ġej:

“12.8.   AVAS

12.8.1.

In-numru tal-approvazzjoni ta' tip ta' vettura fir-rigward tal-emissjonijiet tal-ħoss tagħha skont ir-Regolament UNECE Nru 138 (1)

jew

12.8.2.

Ir-referenza sħiħa għar-riżultati tat-test tal-livelli tal-emissjonijiet tal-ħoss tal-AVAS, imkejla skont ir-Regolament (UE) Nru 540/2014 (1)”;

(b)

fl-Appendiċi 2, l-Addendum huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.

AVAS armata: iva/le (1)”;

(ii)

jiddaħħal il-punt 4 li ġej:

“4.

Rimarki …”.

(2)

L-Anness VIII jinbidel bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 131.

(2)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).


ANNESS

ANNESS VIII

MIŻURI DWAR IS-SISTEMA TA' TWISSIJA AKUSTIKA TAL-VETTURA (AVAS)

TAQSIMA I

Dan l-Anness jistipula l-miżuri li jikkonċernaw is-Sistema ta' Twissija Akustika ta' Vettura (AVAS) għal vetturi elettriċi ibridi u għal vetturi purament elettriċi.

I.1.   Minkejja l-punti 2(a) u (b), id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima II għandhom japplikaw għall-AVAS installata:

(a)

f'kull tip ta' vettura approvata qabel l-1 ta' Lulju 2019;

(b)

f'kull vettura ġdida bbażata fuq it-tip msemmija fil-punt (a) qabel l-1 ta' Lulju 2021.

I.2.   Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima III għandhom japplikaw għall-AVAS installata:

(a)

fi kwalunkwe tip ta' vettura approvata qabel l-1 ta' Lulju 2019, jekk il-manifattur jagħżel li jagħmel dan;

(b)

fi kwalunkwe vettura ġdida abbażi tat-tip imsemmija fil-punt (a);

(c)

fi kwalunkwe tip ta' vettura approvata fl-1 ta' Lulju 2019 jew wara;

(d)

fi kwalunkwe vettura ġdida abbażi tat-tip imsemmija fil-punt (c);

(e)

fi kwalunkwe vettura ġdida fl-1 ta' Lulju 2021 jew wara.

TAQSIMA II

II.1.   Il-prestazzjoni tas-sistema

Jekk l-AVAS tkun installata fuq il-vettura, din għandha tikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fil-punti II.2 u II.3.

II.2.   Il-kundizzjonijiet tal-operat

(a)

Metodu tal-ġenerazzjoni tal-ħoss

L-AVAS għandha awtomatikament tiġġenera ħoss fil-firxa minima tal-veloċità tal-vettura mill-bidu sa madwar 20 km/h u matul l-irriversjar. Meta l-vettura tkun mgħammra b'magna tal-kombustjoni interna li qed topera fil-firxa tal-veloċità tal-vettura ddefinita hawn fuq, l-AVAS ma tiġġenera l-ebda ħoss.

Għall-vetturi b'apparat ta' twissija bil-ħoss għar-rivers, mhuwiex neċessarju li l-AVAS tiġġenera ħoss matul l-irriversjar.

(b)

Swiċċ

L-AVAS għandha tkun mgħammra bi swiċċ li jkun faċilment aċċessibbli mis-sewwieq tal-vettura u li jippermetti l-attivazzjoni u d-diżattivazzjoni. Meta terġa' tinxtegħel il-vettura, l-AVAS għandu jaqa' fuq il-pożizzjoni mixgħula.

(c)

L-attenwazzjoni

Il-livell tal-ħoss tal-AVAS jista' jiġi mnaqqas matul il-perjodi ta' tħaddim tal-vettura.

II.3.   It-tip u l-volum tal-ħoss

(a)

Il-ħoss li jrid jiġi ġġenerat mill-AVAS għandu jkun ħoss kontinwu li jipprovdi informazzjoni li vettura qed titħaddem lil min ikun miexi fit-triq u lil utenti oħra tat-toroq. Il-ħoss għandu jkun faċilment indikattiv tal-imġiba tal-vettura u għandu jkun simili għall-ħoss ta' vettura tal-istess kategorija mgħammra b'magna tal-kombustjoni interna.

(b)

Il-ħoss li jrid jiġi ġġenerat mill-AVAS għandu jkun indikattiv faċilment tal-imġiba tal-vettura, pereżempju, permezz ta' varjazzjoni awtomatika tal-livell tal-ħoss jew il-karatteristiċi f'sinkronizzazzjoni mal-veloċità tal-vettura.

(c)

Il-livell tal-ħoss iġġenerat mill-AVAS ma għandux jaqbeż il-livell tal-ħoss approssimattiv għal vettura tal-kategorija M1 mgħammra b'magna tal-kombustjoni interna u li topera fl-istess kundizzjonijiet.

TAQSIMA III

III.1.   Il-prestazzjoni tas-sistema

L-AVAS għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti III.2 sa III.6.

III.2.   Il-kundizzjonijiet tal-operat

(a)

Metodu tal-ġenerazzjoni tal-ħoss

L-AVAS għandha awtomatikament tiġġenera ħoss fil-firxa minima tal-veloċità tal-vettura mill-bidu sa madwar 20 km/h u matul l-irriversjar. Meta l-vettura tkun mgħammra b'magna ta' kombustjoni interna li qed topera fil-firxa tal-veloċità tal-vettura ddefinita hawn fuq, l-AVAS ma tiġġenera l-ebda ħoss.

Vetturi li jkollhom il-livelli globali tal-ħoss li jkunu konformi mar-rekwiżiti fil-paragrafu 6.2.8 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE (1) b'marġni ta' + 3 dB (A), mhumiex meħtieġa li jkunu mgħammra b'AVAS. Ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 6.2.8 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE għal baned ta' terz ta' ottava u r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 6.2.3 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE għax-xift tal-frekwenza kif definit fil-paragrafu 2.4 tal-istess Regolament tan-NU/KEE (”xift tal-frekwenza“) ma għandhomx japplikaw għal dawk il-vetturi.

Għall-vetturi b'apparat ta' twissija bil-ħoss għar-rivers, mhuwiex neċessarju li l-AVAS tiġġenera ħoss matul l-irriversjar, diment li l-apparat ta' twissija bil-ħoss għar-rivers jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6.2 u fil-paragrafu 6.2.2 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE.

Il-ħoss iġġenerat mit-tip ta' vettura mressaq għall-approvazzjoni, għandu jitkejjel permezz tal-metodi stabbiliti fl-Anness 3 u s-subparagrafi 6.2.1.3 u 6.2.2.2 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE.

(b)

Swiċċ

L-AVAS tista' tkun mgħammra b'mekkaniżmu li jippermetti lis-sewwieq iwaqqaf l-operat ta' AVAS (”il-funzjoni pause“), li jkun faċilment aċċessibbli mis-sewwieq tal-vettura u li jippermetti l-attivazzjoni u d-diżattivazzjoni. Meta tkun mgħammra bil-funzjoni pause, meta terġa' tinxtegħel il-vettura l-AVAS għandu jaqa' fuq il-pożizzjoni mixgħula.

Barra minn hekk, il-funzjoni pause għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 6.2.6 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE.

(c)

L-attenwazzjoni

Il-livell tal-ħoss tal-AVAS jista' jiġi mnaqqas matul il-perjodi ta' tħaddim tal-vettura. F'dawk il-każijiet, il-livell tal-ħoss tal-AVAS għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 6.2.8 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE.

III.3.   It-tip u l-volum tal-ħoss

(a)

Il-ħoss li jrid jiġi ġġenerat mill-AVAS għandu jkun ħoss kontinwu li jipprovdi informazzjoni li vettura qed titħaddem lil min ikun miexi fit-triq u lil utenti oħra tat-toroq. Il-ħoss għandu jkun faċilment indikattiv tal-imġiba tal-vettura, pereżempju, permezz ta' varjazzjoni awtomatika tal-livell tal-ħoss jew il-karatteristiċi f'sinkronizzazzjoni mal-veloċità tal-vettura. Il-ħoss għandu jkun simili għall-ħoss ta' vettura tal-istess kategorija mgħammra b'magna tal-kombustjoni interna.

Għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(i)

Meta jiġi ġġenerat meta l-vettura tkun miexja, il-ħoss tal-AVAS għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 6.2.1.1, 6.2.1.2, 6.2.1.3, 6.2.2.1, 6.2.2.2 u 6.2.3 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE, kif applikabbli;

(ii)

Il-vettura tista' temetti ħoss meta tkun wieqfa, kif stipulat fil-paragrafu 6.2.4 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE.

(b)

Il-manifattur tal-vettura jista' jipprovdi l-possibbiltà lis-sewwieq li jagħżel minn ħsejjes differenti, li għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 6.2.5 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE.

(c)

Il-livell tal-ħoss iġġenerat mill-AVAS ma għandux jaqbeż il-livell tal-ħoss approssimattiv għal vettura tal-kategorija M1 mgħammra b'magna tal-kombustjoni interna u li topera fl-istess kundizzjonijiet. Barra minn hekk, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 6.2.7 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE.

(d)

Il-livell globali tal-ħoss emess minn vettura li tikkonforma mas-subparagrafu tal-punt 2(a) ma għandux jaqbeż il-livell tal-ħoss approssimattiv għal vettura tal-kategorija M1 mgħammra b'magna tal-kombustjoni interna u li topera fl-istess kundizzjonijiet.

III.4.   Ir-rekwiżiti relatati mal-korsa tat-testijiet

Sat-30 ta' Ġunju 2019, l-istandard ISO 10844:1994 jista' jiġi applikat bħala alternattiva għall-istandard ISO 10844:2014 għall-verifika tal-konformità tal-korsa tat-test kif deskritt fl-Anness 3, il-paragrafu 2.1.2 tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE.

III.5.   Iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip

Il-manifattur tal-vettura għandu jipprovdi, mehmuż maċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, wieħed minn dawn id-dokumenti li ġejjin:

(a)

il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 5(3) tar-Regolament Nru 138 tan-NU/KEE, skont il-mudell stabbilit fl-Anness 1 ta' dak ir-Regolament;

(b)

ir-riżultati tat-testijiet tal-livelli tal-emissjonijiet tal-ħoss tal-AVAS, imkejla f'konformità ma' dan ir-Regolament.

III.6.   Marki

Kull komponent tal-AVAS għandu jkollu l-marki li ġejjin:

(a)

il-marka kummerċjali jew il-marka tal-manifattur;

(b)

numru ta' identifikazzjoni.

Il-marki għandhom ikunu jinqraw b'mod ċar u ma jitħassrux.


(1)  ĠU L 9, 13.1.2017, p. 33.


Top